EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0473

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Marzu 2021.
Föreningen Skydda Skogen et vs Länsstyrelsen i Västra Götalands län et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 12(1) – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Artikolu 5 – Forestrija – Projbizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-konservazzjoni tal-ispeċi protetti – Proġett ta’ qtugħ forestali definittiv – Sit li jospita l-ispeċi protetti.
Kawżi magħquda C-473/19 u C-474/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:166

Kawżi magħquda C473/19 u C474/19

Föreningen Skydda Skogen et

vs

Länsstyrelsen i Västra Götalands län et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Vänersborgs tingsrätt, mark- och miljödomstolen)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal4 ta’ Marzu 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 12(1) – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Artikolu 5 – Forestrija – Projbizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-konservazzjoni tal-ispeċi protetti – Proġett ta’ qtugħ forestali definittiv – Sit li jospita l-ispeċi protetti”

1.        Ambjent – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 2009/147 – Miżuri neċessarji għall-istabbiliment ta’ sistema ġenerali ta’ protezzjoni – Projbizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-konservazzjoni tal-ispeċi protetti – Kamp ta’ applikazzjoni – Speċi ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri – Prassi nazzjonali li tillimita l-applikazzjoni tal-imsemmija projbizzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ speċi ta’ għasafar, għal dawk li huma f’xi livell ta’ riskju jew li jsofru minn tnaqqis fil-popolazzjoni fuq bażi twila ta’ żmien – Inammissibbiltà

(Artikolu 191(2) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/147, premessi 3 sa 5, Artikoli 1(1) u 2 sa 5, 7, 9 u Anness I)

(ara l-punti 33 sa 45, u d-dispożittiv 1)

2.        Ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43 – Protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-paragrafu (a) tal-Anness IV – Projbizzjonijiet intenzjonali ta’ qbid jew ta’ qtil, ta’ tfixkil ta’ speċi ta’ annimali kif ukoll ta’ qerda jew ta’ ġbir tal-bajd tagħhom – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Riskju ta’ effett negattiv ta’ attività fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata – Assenza ta’ rilevanza

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, il-punt (i) tal-Artikolu 1, Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) u l-paragrafu (a) tal-Anness IV)

(ara l-punti 50 sa 61, 75 sa 77, u d-dispożittiv 2)

3.        Ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43 – Protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-paragrafu (a) tal-Anness IV – Portata – Prassi nazzjonali li teskludi l-protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali li jkunu laħqu stat ta’ konservazzjoni favorevoli – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, premessi 3 u 6, Artikoli 2(1) u (2), 12(1) u l-paragrafu (a) tal-Anness IV)

(ara l-punti 62 sa 66, u d-dispożittiv 2)

4.        Ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43 – Protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-paragrafu (a) tal-Anness IV – Projbizzjoni tad-deterjorazzjoni jew tal-qerda ta’ siti ta’ tgħammir jew ta’ postijiet ta’ mistrieħ – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Riskju ta’ effett negattiv ta’ attività fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata – Assenza ta’ rilevanza

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 12(1)(d) u l-paragrafu (a) tal-Anness IV)

(ara l-punti 81 sa 86, u d-dispożittiv 3)

Sunt

Adit b’dikjarazzjoni ta’ qtugħ li tikkonċerna żona forestali li tinsab fil-komun ta’ Härryda (l‑Isvezja), l-iSkogsstyrelsen (id-Direttorat Nazzjonali tal-Foresti, l-Isvezja) ħareġ opinjoni li tgħid li, sakemm il-miżuri ta’ prekawzjoni rrakkomandati jiġu osservati, il-qtugħ definittiv ta’ kważi s-siġar kollha fiż-żona kkonċernata, li tikkostitwixxi l-habitat naturali ta’ ċerti speċi protetti, ma jmurx kontra l-leġiżlazzjoni Svediża dwar il-protezzjoni tal-ispeċi.

Peress li l-qtugħ ippjanat jikser l-imsemmija leġiżlazzjoni, li tittrasponi, fl-ordinament ġuridiku Svediż, id-Direttivi dwar l-Għasafar (1) u dwar il-Habitats (2), tliet assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent talbu lil-Länsstyrelsen i Västra Götalands län (il-Bord Amministrattiv tad-Dipartiment ta’ Västra Götaland, l-Isvezja) sabiex tintervjeni. Madankollu, il-bord amministrattiv iddeċieda li ma jadottax miżuri ta’ kontroll, billi qabel, essenzjalment, mal-opinjoni favorevoli maħruġa mid-Direttorat Nazzjonali tal-Foresti.

L-assoċjazzjonijiet ikkontestaw id-deċiżjoni tal-bord amministrattiv quddiem il-Vänersborgs tingsrätt, mark- och miljödomstolen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vänersborg, il-Qorti għall-Kwistjonijiet Immobiljari u Ambjentali, l-Isvezja). Din tal-aħħar, li hija għalhekk imsejħa sabiex tiddeċiedi dwar l-impatt tal-attività forestali inkwistjoni fuq il-protezzjoni tal-ispeċi preżenti fiż-żona kkonċernata, ressqet diversi domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u l-portata tal-projbizzjonijiet previsti f’dan ir-rigward mid-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Habitats.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva dwar l-Għasafar, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li din teżiġi li l-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 5 tagħha, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni tal-għasafar, li tinkludi, b’mod partikolari, il-projbizzjonijiet tal-qtil, tal-qbid u tat-tfixkil intenzjonat tagħhom u tal-bajd tagħhom (3).

Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet ikopri l-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu fi stat selvaġġ fit-territorju tal-Istati Membri u għalhekk ma huwiex intiż, kuntrarjament għall-prassi Svediża, għal ċerti kategoriji ta’ speċi biss, jiġifieri dawk elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, dawk li huma f’xi livell ta’ riskju jew li l-popolazzjoni tagħhom tkun qiegħda tonqos fuq bażi twila ta’ żmien. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan u mill-iskop tad-Direttiva dwar l-Għasafar kif ukoll mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 5 tiegħu (4). F’dan ir-rigward, huwa mfakkar li l-konservazzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar hija neċessarja sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kif ukoll l-għanijiet tal-Unjoni f’termini ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja. Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, barra minn hekk, li d-Direttiva dwar l-Għasafar tagħmel distinzjoni bejn is-sistema ġenerali ta’ protezzjoni tal-ispeċi kollha ta’ għasafar u s-sistema ta’ protezzjoni mmirata u msaħħa stabbilita għall-ispeċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tagħha.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, bħad-Direttiva dwar l-Għasafar, id-Direttiva dwar il-Habitats tipprevedi l-istabbiliment ta’ sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali protetti, li hija bbażata, inter alia, fuq il-projbizzjonijiet intenzjonali stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tagħha, tal-qbid jew tal-qtil, tat-tfixkil ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċi kif ukoll tal-qerda jew tal-ġbir tal-bajd tagħhom (5).

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-kundizzjoni dwar in-natura intenzjonali tinvolvi li l-awtur tal-att inkwistjoni ried wieħed mit-tipi ta’ ħsara msemmija iktar ’il fuq jew, tal-inqas, aċċetta tali possibbiltà, b’tali mod li l-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats jistgħu japplikaw għal attività, bħal attività ta’ sfruttament forestali, li għandha skop manifestament differenti mill-qbid jew mill-qtil, mit-tfixkil ta’ speċi ta’ annimali jew mill-qerda intenzjonali jew mit-teħid intenzjonat tal-bajd. Fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Habitats kif ukoll tal-formulazzjoni u tal-kuntest tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq (6), l-applikabbiltà ta’ dawn il-projbizzjonijiet lanqas ma hija suġġetta għar-riskju ta’ effett negattiv li ġġib magħha attività partikolari fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernati. Interpretazzjoni kuntrarja twassal għal evitar tal-eżami tal-effett ta’ attività fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi ta’ annimali li hija, mill-banda l-oħra, neċessarja għall-finijiet tal-adozzjoni tad-derogi għal dawn il-projbizzjonijiet (7).

Barra minn hekk, sa fejn id-Direttiva dwar il-Habitats għandha l-għan, abbażi tal-preżervazzjoni tal-bijodiversità, li tiżgura li l-habitats naturali u l-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi jiġu rrestawrati jew miżmuma sew fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tagħha japplikaw ukoll għall-ispeċi li jkunu laħqu tali stat ta’ konservazzjoni, peress li dawn għandhom ikunu protetti kontra kull deterjorazzjoni ta’ dan l-istat.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Habitats, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw miżuri preventivi u jantiċipaw l-attivitajiet ta’ ħsara għall-ispeċi protetti. Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, l-attività forestali inkwistjoni hijiex ibbażata fuq approċċ preventiv li jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernati, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali, kulturali, reġjonali u lokali.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-projbizzjoni tad-deterjorazzjoni jew tal-qerda tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ, imsemmija fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva dwar il-Habitats (8), il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-protezzjoni stretta prevista f’din id-dispożizzjoni ma tiddependix min-numru ta’ kampjuni ta’ speċi preżenti fiż-żona kkonċernata. A fortiori, din il-protezzjoni ma tistax tiddependi fuq ir-riskju ta’ effett negattiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata meta, minkejja l-prekawzjonijiet meħuda, il-funzjonalità ekoloġika kontinwa tal-habitat naturali ta’ din l-ispeċi ntilfet.


1      Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Għasafar”).


2      Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Habitats”).


3      Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar.


4      Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar.


5      Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats.


6      Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats.


7      Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-Habitats.


8      Artikolu 12(1) d) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

Top