Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0425

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ Marzu 2021.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana et.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Intervent ta’ konsorzju ta’ banek irregolat mid-dritt privat favur wieħed mill-membri tiegħu – Awtorizzazzjoni tal-intervent mill-bank ċentrali tal-Istat Membru – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Imputabbiltà lill-Istat – Riżorsi tal-Istat – Indizji li jippermettu li jiġi konkluż li miżura hija imputabbli – Żnaturament tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.
    Kawża C-425/19 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:154

    Kawża C-425/19 P

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika Taljana et

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ Marzu 2021

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Intervent ta’ konsorzju ta’ banek irregolat mid-dritt privat favur wieħed mill-membri tiegħu – Awtorizzazzjoni tal-intervent mill-bank ċentrali tal-Istat Membru – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Imputabbiltà lill-Istat – Riżorsi tal-Istat – Indizji li jippermettu li jiġi konkluż li miżura hija imputabbli – Żnaturament tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern”

    1. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament – Klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti – Ammissibbiltà

      (Artikolu 256(1) TFUE; statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

      (ara l-punti 52 sa 54)

    2. Appell – Aggravji – Neċessità ta’ kritika preċiża ta’ punt tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà

      (Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 168(1)(d))

      (ara l-punt 55)

    3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġi imputabbli lill-Istat – Intervent ta’ konsorzju ta’ banek irregolat mid-dritt privat favur wieħed mill-membri tiegħu – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Intervent adottat taħt l-influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi – Kriterji ta’ evalwazzjoni

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 59 sa 62, 65 sa 73)

    4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġi imputabbli lill-Istat – Intervent ta’ konsorzju ta’ banek irregolat mid-dritt privat favur wieħed mill-membri tiegħu – Intervent li jfittex l-interessi privati tal-banek membri tal-konsorzju – Deċiżjoni ta’ intervent li ma tikkostitwixxix l-implimentazzjoni ta’ mandat pubbliku – Esklużjoni

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 80 sa 84)

    5. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt nazzjonali – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

      (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

      (ara l-punti 93, 94)

    Sunt

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell imressaq mill-Kummissjoni mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali dwar miżuri adottati minn konsorzju ta’ banek Taljani sabiex jappoġġa wieħed mill-membri tiegħu

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat peress li ma humiex imputabbli lill-Istat Taljan

    Fl-2013, il-Bank Taljan Banca Popolare di Bari SCpA (iktar’ il quddiem “BPB”) wera l-interess tiegħu li jissottoskrivi żieda fil-kapital tal-Banca Tercas (iktar ’il quddiem “Tercas”), bank ieħor Taljan b’kapital privat li kien suġġett għas-sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja wara li ġew ikkonstatati irregolaritajiet mill-Banca d’Italia, l-awtorità Taljana ta’ sorveljanza tas-settur bankarju.

    Din il-manifestazzjoni ta’ interess min-naħa ta’ BPB kienet, madankollu, suġġetta għar-rekwiżit li d-defiċit partimonjali ta’ Tercas ikun kopert kollu mill-Fondo Interbancario di Tutela dei Depositi (iktar ’il quddiem il-“FITD”). Dan tal-aħħar huwa konsorzju bejn banek irregolat mid-dritt privat, ta’ natura mutwalista, li għandu l-obbligu jintervjeni abbażi tal-garanzija legali tad-depożiti fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat ta’ wieħed mill-membri tiegħu. Il-FITD għandu, barra minn hekk, il-possibbiltà jintervjeni b’mod preventiv sabiex jappoġġa membru suġġett għas-sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja. Tali possibbiltà teżiġi, madankollu, li jkun hemm prospetti ta’ rkupru u li jkun jista’ jiġi previst oneru iżgħar meta mqabbel ma’ dak li jirriżulta mill-intervent tal-FITD abbażi tal-garanzija legali tad-depożiti fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat tal-membru kkonċernat.

    Fl-2014, wara li zgura ruħu li intervent preventiv favur Tercas kien ekonomikament iktar vantaġġuż milli r-rimbors tad-depożitanti ta’ dak il-bank fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat, il-FITD iddeċieda li jkopri l-ekwità negattiva ta’ Tercas u li jagħtiha ċerti garanziji. Dawn il-miżuri ġew approvati mill-Banca d’Italia.

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2015 ( 1 ), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li dan l-intervent tal-FITD favur Tercas kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali mogħtija mir-Repubblika Taljana lil Tercas u ordnat l-irkupru tagħha.

    Ir-Repubblika Taljana, BPB kif ukoll il-FITD, sostnut mill-Banca d’Italia, ippreżentaw rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019 ( 2 ), il-Qorti Ġenerali laqgħat dawn ir-rikorsi u annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, minħabba li r-rekwiżiti sabiex l-intervent tal-FITD jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat ma kinux issodisfatti, peress li dan l-intervent la kien imputabbli lill-Istat Taljan u lanqas ma kien iffinanzjat permezz ta’ riżorsi ta’ dan l-Istat Membru ( 3 ).

    Billi ċaħdet l-appell imressaq mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala Awla Manja, tikkjarifika l-ġurisprudenza tagħha dwar l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżuri ta’ għajnuna mogħtija minn entità rregolata mid-dritt privat li la hija organu tal-Istat u lanqas impriża pubblika.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar qabel kollox li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huma għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat.

    Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, l-imputabbiltà lill-awtoritajiet Taljani tal-intervent tal-FITD favur Tercas, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata ssusegwentement li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta qieset li l-indizji prodotti mill-Kummissjoni sabiex tipprova l-influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani fuq il-FITD ma jippermettux li l-intervent tiegħu favur Tercas jiġi imputat lill-awtoritajiet Taljani.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza li tgħid li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova, abbażi ta’ serje ta’ indizji, li l-miżuri inkwistjoni jkunu imputabbli lill-Istat u, għaldaqstant, ma imponietx fuq il-Kummissjoni standard ta’ prova ogħla minn dak li jirrigwarda l-imputabbiltà ta’ vantaġġ lill-Istat għas-sempliċi raġuni li l-FITD huwa entità privata.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-fatt li l-entità li tkun ipprovdiet l-għajnuna jkollha natura privata jimplika li l-indizji adatti sabiex jipprovaw l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżura huma differenti minn dawk meħtieġa fl-ipoteżi li l-entità li tipprovdi l-għajnuna tkun impriża pubblika.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma imponietx standards ta’ prova differenti iżda, bil-kontra, applikat il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-indizji adatti sabiex jipprovaw l-imputabbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna jirriżultaw neċessarjament miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih tkun ittieħdet din il-miżura, peress li l-assenza ta’ rabta ta’ kapital bejn il-FITD u l-Istat għandha, f’dan ir-rigward, rilevanza ċerta.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika, barra minn hekk, li l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kunċett ta’ “emanazzjoni tal-Istat” li jippermetti lill-individwi jinvokaw dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva mhux trasposta jew mhux trasposta b’mod korrett kontra organi jew entitajiet li huma suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat, ma jistax jiġi traspost għall-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżuri ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq riskju ta’ evażjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-unjoni bankarja. Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li r-rifjut li jiġi imputat lill-awtoritajiet tal-Istat l-intervent ta’ istanza bħall-FITD favur bank b’kapital privat jinkludi riskju li jiġi evitat l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59 ( 4 ), li jipprevedi l-ftuħ ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni meta stabbiliment ta’ kreditu jkun jeħtieġ appoġġ finanzjarju pubbliku eċċezzjonali, li jikkorrispondi għal għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-klassifikazzjoni ta’ miżura meħuda minn skema ta’ garanzija tad-depożiti bħala għajnuna mill-Istat li tista’ tagħti bidu għal din il-proċedura ta’ riżoluzzjoni tibqa’ possibbli, skont il-karatteristiċi tal-imsemmija skema u tal-miżura inkwistjoni.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li huwa effettivament abbażi tal-analiżi tal-indizji kollha meqjusa mill-Kummissjoni, imqiegħda fil-kuntest tagħhom, li l-Qorti Ġenerali kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq minn din l-istituzzjoni meta din tal-aħħar qieset li l-awtoritajiet Taljani kienu eżerċitaw kontroll pubbliku sostanzjali fid-determinazzjoni tal-intervent tal-FITD favur Tercas.


    ( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 tat-23 ta’ Diċembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja implimentat favur il-Banca Tercas (Il-każ SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN)) (ĠU 2016, L 203, p. 1).

    ( 2 ) Sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, L-Italja et vs Il-Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16. EU:T:2019:167).

    ( 3 ) Il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tippreżupponi li jiġu ssodisfatti erba’rekwiżiti, jiġifieri li jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, il-fatt li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li huwa jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li joħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    ( 4 ) Artikolu 32(4)(d) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Top