This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0407
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-11 ta’ Frar 2021.
Katoen Natie Bulk Terminals NV u General Services Antwerp NV vs Belgische Staat u Middlegate Europe NV vs Ministerraad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 45 TFUE — Moviment liberu tal‑ħaddiema — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Eżerċizzju ta’ attivitajiet portwali — Ħaddiema portwali — Aċċess għall-professjoni u reklutaġġ — Modalitajiet ta’ rikonoxximent tal-ħaddiema portwali — Ħaddiema portwali li ma jagħmlux parti mill-grupp ta’ ħaddiema previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Limitazzjoni tat-tul tal-kuntratt tax-xogħol — Mobbiltà tal‑ħaddiema portwali bejn żoni portwali differenti — Ħaddiema li jwettqu xogħol loġistiku — Ċertifikat tas-sigurtà — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Sigurtà fiż-żoni portwali — Protezzjoni tal-ħaddiema — Proporzjonalità.
Kawżi magħquda C-407/19 u C-471/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-11 ta’ Frar 2021.
Katoen Natie Bulk Terminals NV u General Services Antwerp NV vs Belgische Staat u Middlegate Europe NV vs Ministerraad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 45 TFUE — Moviment liberu tal‑ħaddiema — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Eżerċizzju ta’ attivitajiet portwali — Ħaddiema portwali — Aċċess għall-professjoni u reklutaġġ — Modalitajiet ta’ rikonoxximent tal-ħaddiema portwali — Ħaddiema portwali li ma jagħmlux parti mill-grupp ta’ ħaddiema previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Limitazzjoni tat-tul tal-kuntratt tax-xogħol — Mobbiltà tal‑ħaddiema portwali bejn żoni portwali differenti — Ħaddiema li jwettqu xogħol loġistiku — Ċertifikat tas-sigurtà — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Sigurtà fiż-żoni portwali — Protezzjoni tal-ħaddiema — Proporzjonalità.
Kawżi magħquda C-407/19 u C-471/19.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:107
Kawżi magħquda C-407/19 u C-471/19
Katoen Natie Bulk Terminals NV u General Services Antwerp NV vs Belgische Staat
u
Middlegate Europe NV vs Ministerraad
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Belġju) u mill-Grondwettelijk Hof)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Frar 2021
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 45 TFUE – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Eżerċizzju ta’ attivitajiet portwali – Ħaddiema portwali – Aċċess għall-professjoni u reklutaġġ – Modalitajiet għar-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali – Ħaddiema portwali li ma jagħmlux parti mill-grupp ta’ ħaddiema previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali – Limitazzjoni tat-tul tal-kuntratt ta’ xogħol – Mobbiltà tal-ħaddiema portwali bejn żoni portwali differenti – Ħaddiema li jwettqu xogħol loġistiku – Ċertifikat ta’ sigurtà – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Sigurtà fiż-żoni portwali – Protezzjoni tal-ħaddiema – Proporzjonalità”
Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-impriżi li jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet portwali f’żona portwali l-użu esklużiv ta’ ħaddiema portwali rrikonoxxuti – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet
(Artikoli 49 u 56 TFUE)
(ara l-punti 59 sa 61, 63, 66 sa 69, 76 u d-dispożittiv 1)
Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali għad-deċiżjoni ta’ Kummissjoni Amministrattiva Konġunta – Kummissjoni li tiddeċiedi wkoll dwar il-possibbiltà ta’ inklużjoni tal-ħaddiema rrikonoxxuti fi grupp ta’ ħaddiema portwali – Limitazzjoni tat-tul tar-rikonoxximent ta’ ħaddiema portwali mhux inklużi fil-grupp għat-tul tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom – Assenza ta’ terminu massimu stabbilit għat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ din il-kummissjoni – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Assenza
(Artikoli 45 TFUE u 56 TFUE)
(ara l-punti 95 sa 103, 106 sa 108, 111, 113 u d-dispożittiv 2)
Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent bħala ħaddiem portwali għal rekwiżiti ta’ kapaċità medika, li wieħed jgħaddi minn testijiet psikoloġiċi u ta’ taħriġ minn qabel – Ħatra tal-korpi responsabbli mit-twettiq ta’ tali eżamijiet jew testijiet – Missjoni fdata lill-organizzazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw u lis-sindakati tal-ħaddiema portwali involuti f’din il-ħatra – Missjoni li ma għandhiex tqiegħed fid-dubju n-natura trasparenti, oġġettiva u imparzjali tad-diversi eżamijiet u testijiet – Ammissibbiltà
(Artikoli 45, 49 u 56 TFUE)
(ara l-punti 115, 116, 118 sa 120 u d-dispożittiv 3)
Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma tar-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali li diġà ġew irrikonoxxuti taħt is-sistema legali preċedenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-inklużjoni ta’ dawn il-ħaddiema fil-grupp tal-ħaddiema portwali stabbilit minnha stess – Ammissibbiltà
(Artikoli 45, 49 u 56 TFUE)
(ara l-punti 122, 123, 127 u d-dispożittiv 4)
Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-trasferiment ta’ ħaddiem portwali rrikonoxxut fil-grupp ta’ ħaddiema ta’ żona portwali għal dak ta’ żona portwali oħra għal kundizzjonijiet u modalitajiet stabbiliti minn ftehim kollettiv ta’ xogħol – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Verifika mill-qorti tar-rinviju
(Artikoli 45, 49 u 56 TFUE)
(ara l-punti 130 sa 135 u d-dispożittiv 5)
Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi l-kisba, mill-ħaddiema loġistiċi fiż-żoni portwali, ta’ ċertifikat ta’ sigurtà – Modalitajiet ta’ ħruġ u proċedura li għandha tiġi segwita għall-kisba tal-imsemmi ċertifikat li huma stabbiliti fi ftehim kollettiv ta’ xogħol – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet
(Artikoli 45, 49 u 56 TFUE)
(ara l-punti 138 sa 140, 142 u d-dispożittiv 6)
Sunt
Liġi li tirriżerva x-xogħol portwali għal ħaddiema rrikonoxxuti tista’ tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jekk tkun intiża li tiżgura s-sigurtà fiż-żoni portwali u li jiġu evitati l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Madankollu, l-intervent ta’ Kummissjoni Amministrattiva Konġunta fir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali ma huwiex neċessarju jew xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex
Fid-dritt Belġjan, ix-xogħol portwali huwa b’mod partikolari rregolat mil-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali, li abbażi tagħha x-xogħol portwali jista’ jitwettaq biss minn ħaddiema portwali rrikonoxxuti. Fl‑2014, il-Kummissjoni Ewropea kienet bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Belġju, li fiha hija indikat li l-leġiżlazzjoni tiegħu dwar ix-xogħol portwali kienet tikser il-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE). Wara din l-ittra, fl‑2016, dan l-Istat Membru kien adotta Digriet Irjali dwar ir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali fiż-żoni portwali, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali, ħaġa li kienet wasslet lill-Kummissjoni tagħlaq il-proċedura ta’ ksur fil-konfront tiegħu.
Fil-kawża Katoen Natie Bulk Terminals u General Services Antwerp (C‑407/19), iż-żewġ kumpanniji bl-istess isem li kienu jwettqu operazzjonijiet portwali fil-Belġju u barra l-pajjiż talbu lir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) l-annullament ta’ dan id-Digriet Irjali tal‑2016, peress li qiesu li kien jostakola l-libertà tagħhom li jimpjegaw ħaddiema portwali ġejjin minn Stati Membri oħra minbarra l-Belġju sabiex jaħdmu fiż-żoni portwali Belġjani.
Fil-kawża Middlegate Europe (C‑471/19), il-kumpannija kkonċernata kienet ġiet obbligata tħallas multa wara li ġie kkonstatat ksur, mill-pulizija Belġjana, ikkostitwit minn xogħol portwali mwettaq minn ħaddiem portwali mhux irrikonoxxut. Fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju f’din it-tieni kawża, jiġifieri l-Grondwetteljk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), din il-kumpannija kkontestat il-kostituzzjonalità tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali, peress li qieset li din kienet tikser il-libertà tal-kummerċ u tal-industrija tal-impriżi. Din il-qorti, billi qieset li din il-libertà ggarantita mill-Kostituzzjoni Belġjana kienet marbuta mill-qrib ma’ diversi libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE, bħal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 TFUE) u l-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE), kienet iddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif kien għamel ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) fil-kuntest tal-ewwel kawża, dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli nazzjonali, li għandhom sistema speċjali ta’ reklutaġġ tal-ħaddiema portwali, ma’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Permezz ta’ dawn il-kawżi magħquda, minbarra r-risposta li hija kellha tagħti għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tindika kriterji addizzjonali li jippermettu li tiġi ċċarata l-konformità tas-sistema tal-ħaddiema portwali mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata qabelxejn li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li tobbliga lill-impriżi mhux residenti li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fil-Belġju jipprovdu hemmhekk attivitajiet portwali jew li, mingħajr ma jistabbilixxu ruħhom hemmhekk, jixtiequ jipprovdu servizzi portwali hemmhekk sabiex jirrikorru biss għal ħaddiema portwali rrikonoxxuti bħala tali skont din il-leġiżlazzjoni, timpedixxi lil tali impriżi jirrikorru għall-membri tal-persunal tagħhom jew jirreklutaw ħaddiema oħra li ma jkunux irrikonoxxuti. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni, li tista’ tirrendi inqas attraenti l-istabbiliment ta’ dawn l-impriżi fil-Belġju jew il-provvista, minnhom, ta’ servizzi f’dan l-Istat Membru, tikkostitwixxi restrizzjoni għal dawn iż-żewġ libertajiet ta’ stabbiliment u ta’ provvista ta’ servizzi, iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE rispettivament. Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar għalhekk li tali restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, sakemm tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tistax titqies fiha nnifisha li hija inadegwata jew sproporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnha, jiġifieri li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u li jiġu evitati l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Fl-evalwazzjoni b’mod globali tas-sistema inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tali leġiżlazzjoni hija kompatibbli mal-Artikoli 49 u 56 TFUE, sa fejn l-imsemmija kundizzjonijiet u modalitajiet, minn naħa, ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji, magħrufa minn qabel u li jippermettu lill-ħaddiema portwali ta’ Stati Membri oħra juru li huma jissodisfaw, fl-Istat ta’ oriġini tagħhom, rekwiżiti ekwivalenti għal dawk applikati għall-ħaddiema portwali nazzjonali u, min-naħa l-oħra, ma jistabbilixxux grupp limitat ta’ ħaddiema li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali rikonoxximent.
Sussegwentement, fl-eżami tal-kompatibbiltà tad-Digriet Irjali kkontestat mad-diversi libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE, sa fejn hija jista’ jkollha effett dissważiv fil-konfront tal-persuni li jimpjegaw u tal-ħaddiema li ġejjin minn Stati Membri oħra Il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa għalhekk in-natura neċessarja u proporzjonata, meta mqabbla mal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u li jiġu evitati l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, tad-diversi miżuri inklużi f’din il-leġiżlazzjoni.
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni li abbażi tagħha, b’mod partikolari:
– ir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali jsir minn kummissjoni amministrattiva, li hija kkostitwita b’mod ugwali minn membri maħtura mill-organizzazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw u mill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema;
– din il-kummissjoni tiddeċiedi wkoll, skont il-bżonn ta’ ħaddiema, jekk il-ħaddiema rrikonoxxuti għandhomx jew le jiġu inklużi fi grupp ta’ ħaddiema portwali, filwaqt li, għall-ħaddiema portwali li ma jkunux inklużi f’dan il-grupp, it-tul tar-rikonoxximent tagħhom huwa limitat għat-tul tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, b’tali mod li proċedura ta’ rikonoxximent ġdida għandha tinbeda għal kull kuntratt ġdid li huma jikkonkludu;
– ma huwa previst l-ebda terminu massimu li fih l-imsemmija kummissjoni għandha tiddeċiedi,
sa fejn ma hijiex neċessarja u lanqas xierqa sabiex jintlaħaq l-għan intiż, ma hijiex kompatibbli mal-libertajiet ta’ moviment stabbiliti fl-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent tal-ħaddiema portwali. Skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, sakemm ma jkunx jista’ juri li huwa jissodisfa fi Stat Membru ieħor kundizzjonijiet ekwivalenti, ħaddiem għandu, jissodisfa rekwiżiti ta’ kapaċità medika, li wieħed jgħaddi minn test psikoloġiku u ta’ taħriġ professjonali qabel ix-xogħol. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn ir-rekwiżiti huma kundizzjonijiet xierqa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u proporzjonati meta mqabbla ma’ tali għan. Konsegwentement, tali miżuri huma kompatibbli mal-libertajiet ta’ moviment previsti mill-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-missjoni fdata lill-organizzazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw u, jekk ikun il-każ, lis-sindakati tal-ħaddiema portwali rrikonoxxuti fil-ħatra tal-korpi responsabbli mit-twettiq ta’ dawn l-eżamijiet jew testijiet ma tkunx ta’ natura li tqiegħed fid-dubju n-natura trasparenti, oġġettiva u imparzjali tagħhom.
Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-leġiżlazzjoni kkonċernata, li tipprevedi ż-żamma tar-rikonoxximent miksub minn ħaddiem portwali taħt sistema legali preċedenti u l-inklużjoni tiegħu fil-grupp tal-ħaddiema portwali, ma tidhirx li hija inadegwata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u lanqas li hija sproporzjonata fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, b’tali mod li, f’dak li jirrigwarda dan il-punt, din hija wkoll kompatibbli mal-libertajiet stabbiliti fl-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE.
Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li abbażi tagħha t-trasferiment ta’ ħaddiem portwali fil-grupp ta’ ħaddiema ta’ żona portwali minbarra dik li fiha huwa jkun kiseb ir-rikonoxximent tiegħu jkun suġġett għal kundizzjonijiet u għal modalitajiet stabbiliti minn ftehim kollettiv ta’ xogħol, hija konformi mal-libertajiet ta’ moviment previsti mill-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE. Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet u modalitajiet stabbiliti ikunu neċessarji u proporzjonati fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà f’kull żona portwali.
Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li leġiżlazzjoni li abbażi tagħha l-ħaddiema loġistiċi għandu jkollhom “ċertifikat ta’ sigurtà” li l-modalitajiet ta’ ħruġ tiegħu huma previsti minn ftehim kollettiv ta’ xogħol ma hijiex inkompatibbli mal-libertajiet stabbiliti mill-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ tali ċertifikat ikunu neċessarji u proporzjonati fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u li l-proċedura prevista għall-kisba tiegħu ma timponix piżijiet amministrattivi mhux raġonevoli u sproporzjonati.