Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0362

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Marzu 2021.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Fútbol Club Barcelona.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija lil ċerti klabbs tal-futbol professjonali – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Skema ta’ għajnuna – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1(d) – Rata preferenzjali ta’ taxxa – Entitajiet mingħajr skop ta’ lukru – Tnaqqis fiskali inqas vantaġġuż – Effett – Appell inċidentali – Artikolu 169 u 178 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
    Kawża C-362/19 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:169

    Kawża C‑362/19 P

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    vs

    Fútbol Club Barcelona

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) tal‑4 ta’ Marzu 2021

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija lil ċerti klabbs tal-futbol professjonali – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Skema ta’ għajnuna – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1(d) – Rata preferenzjali ta’ taxxa – Entitajiet mingħajr skop ta’ lukru – Tnaqqis fiskali inqas vantaġġuż – Effett – Appell inċidentali – Artikolu 169 u 178 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja”

    1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Miżura nazzjonali li tirriżerva l-aċċess għas-sistema fiskali applikabbli għall-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru għal ċerti klabbs tal-futbol professjonali – Prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Evalwazzjoni fid-dawl tad-diversi komponenti tal-imsemmija sistema fiskali, meħuda fl-intier tagħha – Portata tal-oneru probatorju – Neċessità li jiġi stabbilit il-vantaġġ li jista’ jinkiseb permezz tal-imsemmija sistema fil-mument tal-adozzjoni tagħha

      (Artikoli 107(1) u 108(1) u (3) TFUE; Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 1(d))

      (ara l-punti 58 sa 60, 64, 65, 85 sa 89)

    2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Skema ta’ għajnuna – Kunċett – Miżura nazzjonali li tirriżerva l-aċċess għas-sistema fiskali applikabbli għall-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru għal ċerti klabbs tal-futbol professjonali – Inklużjoni – Impossibbiltà li jiġi ddeterminat fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija miżura l-ammont tal-għajnuna effettivament mogħtija lill-benefiċjarji tagħha matul kull sena fiskali – Assenza ta’ effett

      (Artikolu 107(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikolu 1(d) u (e))

      (ara l-punti 66, 69, 72 sa 77)

    3. Appell – Appell meqjus fondat – Riżoluzzjoni tat-tilwima fuq il-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja – Portata – Ċaħda preliminari ta’ motiv ta’ annullament f’sentenza ta’ annullament – Assenza ta’ kontestazzjoni tal-motivi tal-imsemmija ċaħda permezz ta’ appell inċidentali – Konsegwenza – Esklużjoni ta’ eżami ġdid

      (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 169(1), u 178(1))

      (ara l-punti 110, 111)

    Sunt

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li permezz tagħha d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat is-sistema fiskali ta’ erba’ klabbs tal-futbol professjonali Spanjoli kienet ġiet annullata

    Ir-rikors li kien ġie ppreżentat kontra din id-deċiżjoni mill-Fútbol Club Barcelona huwa definittivament miċħud

    Liġi Spanjola adottata fl‑1990 kienet tobbliga lill-klabbs sportivi professjonali Spanjoli kollha jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji sportivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata sportivi, bl-eċċezzjoni ta’ klabbs sportivi professjonali li kisbu riżultat pożittiv waqt is-snin finanzjarji li jippreċedu l-adozzjoni ta’ din il-liġi. Il-Fútbol Club Barcelona (iktar ’il quddiem “FCB”), kif ukoll tliet klabbs oħra tal-futbol professjonali li kienu jaqgħu fl-ambitu ta’ din l-eċċezzjoni - il-Club Atlético Osasuna (Pamplona), l-Athletic Club (Bilbao) u r-Real Madrid Club de Fútbol (Madrid) -, kienu għalhekk għażlu li jkomplu joperaw taħt il-forma ta’ persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru u kienu jibbenefikaw, f’dan ir-rigward, minn rata speċifika ta’ taxxa tad-dħul tagħhom. Peress li din ir-rata speċifika ta’ taxxa baqgħet iktar baxxa, sal‑2016, mir-rata applikabbli għall-kumpanniji sportivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata l-Kummissjoni qieset, permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Lulju 2016 ( 1 ), li billi kienet tintroduċi vantaġġ fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji favur l-erba’ klabbs ikkonċernati, din il-leġiżlazzjoni kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli, u ordnat lil Spanja ttemmha u tirkupra l-għajnuna individwali mħallas lill-benefiċjarji tal-imsemmija skema.

    Adita b’rikors ippreżentat mill-FCB kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019 ( 2 ), annullat din id-deċiżjoni minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet, suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku mogħti lill-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat suffiċjentement jekk il-vantaġġ li jirriżulta minn din ir-rata preferenzjali ta’ taxxa setax jiġi paċut bir-rata ta’ tnaqqis għal investiment mill-ġdid ta’ profitti eċċezzjonali inqas favorevoli li kienet applikabbli għall-klabbs tal-futbol professjonali li joperaw taħt il-forma ta’ persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru meta mqabbla ma’ dik li kienet applikabbli għall-entitajiet li joperaw bħala kumpanniji sportivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata.

    Fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Marzu 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li laqgħet it-talbiet tal-appell ippreżentat mill-Kummissjoni, annullat is-sentenza appellata. Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni qajmet aggravju uniku bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE għal dak li jikkonċerna, minn naħa, il-kunċett ta’ “vantaġġ li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-obbligi tagħha fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ għajnuna, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-eżistenza ta’ vantaġġ. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega r-rekwiżiti probatorji li jaqgħu fuq il-Kummissjoni fl-analiżi intiża għad-determinazzjoni dwar jekk sistema fiskali tagħtix vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha u, għalhekk, jekk din is-sistema tistax tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-aggravju uniku mqajjem insostenn tal-appel, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi analizzata kemm bħala deċiżjoni relatata ma’ skema ta’ għajnuna ( 3 ) kif ukoll bħala deċiżjoni relatata ma’ għajnuna individwali, ġaladarba l-Kummissjoni esprimiet ruħha wkoll, fid-deċiżjoni tagħha, fuq l-għajnuna mogħtija individwalment lill-erba’ klabbs benefiċjarji, imsemmija b’isimhom. Fil-fatt, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-adozzjoni ta’ din l-iskema mill-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tagħha. Miżuri individwali li sempliċement jimplimentaw skema ta’ għajnuna jikkostitwixxu sempliċi miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ skema ġenerali li ma għandhomx, bħala prinċipju, jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.

    Issa, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-miżura kontenzjuża tirrigwarda tali skema ta’ għajnuna peress li d-dispożizzjonijiet fiskali speċifiċi applikabbli għall-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru, b’mod partikolari r-rata preferenzjali ta’ taxxa, jistgħu jkunu ta’ benefiċċju, minħabba din il-miżura biss, għal kull wieħed mill-klabbs tal-futbol eliġibbli, iddefiniti b’mod ġenerali u astratt, għal perijodu u ammont indeterminati, u dan mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni u mingħajr ma dawn id-dispożizzjonijiet ikunu marbuta mat-twettiq ta’ proġett speċifiku. Għalhekk, is-sempliċi fatt li, f’dan il-każ, għajnuna ngħatat individwalment lill-klabbs fuq il-bażi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma jistax ikollu effett fuq l-eżami li l-Kummissjoni għandha twettaq għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li tali ċirkustanza hija rilevanti.

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali jivvizzja l-konklużjonijiet misluta minn din tal-aħħar fir-rigward tal-portata tal-obbligi li għandha l-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ. Fil-fatt, din il-premessa żbaljata wasslet lill-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-analiżi tagħha, mhux biss il-vantaġġ miksub li jirriżulta mir-rata preferenzjali ta’ taxxa, iżda wkoll minn komponenti oħra tas-sistema fiskali inkwistjoni, li hija tqis li huma inseparabbli, bħall-possibbiltajiet ta’ tnaqqis, sa fejn il-limitazzjoni tagħhom tista’ tpaċi l-vantaġġ imsemmi iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, ċertament, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-iskema ta’ għajnuna billi tieħu inkunsiderazzjoni l-komponenti kollha li jikkostitwixxu l-karatteristiċi speċifiċi għaliha, kemm dawk favorevoli għall-benefiċjarji tagħha kif ukoll dawk sfavorevoli għalihom. Madankollu, l-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ ma jistax jiddependi mis-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarji ta’ din l-iskema fil-mument tal-għoti ulterjuri ta’ għajnuna individwali fuq il-bażi tagħha. B’mod partikolari, l-impossibbiltà li fil-mument tal-adozzjoni ta’ skema ta’ għajnuna jiġi ddeterminat l-ammont eżatt, għal kull sena fiskali, tal-vantaġġ effettivament mogħti lil kull wieħed mill-benefiċjarji tagħha, ma tistax tipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkonstata li din l-iskema setgħet, sa minn dan l-istadju, tagħti vantaġġ lil dawn tal-aħħar u ma tistax, korrelattivament, teżenta lill-Istat Membru kkonċernat milli jissodisfa l-obbligu essenzjali tiegħu ta’ notifika ta’ tali skema. Fil-fatt, għalkemm, kif aċċettat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tivverifika, fil-kuntest tal-analiżi ta’ sistema fiskali, fuq il-bażi ta’ tagħrif aġġornat, jekk il-vantaġġ effettivament immaterjalizzax ruħu matul is-snin fiskali kollha ulterjuri u, jekk ikun il-każ, jekk tali vantaġġ ġiex paċut bl-iżvantaġġi kkonstatati waqt snin fiskali oħra, l-Istati Membri li jonqsu mill-obbligu tagħhom ta’ komunikazzjoni ta’ tali skema jkunu jinsabu vvantaġġati mill-approċċ inkwistjoni. Għalhekk, huwa biss fl-istadju tal-irkupru eventwali tal-għajnuna individwali mogħtija fuq il-bażi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni li l-Kummissjoni għandha tivverifika s-sitwazzjoni individwali ta’ kull benefiċjarju, fejn tali rkupru jirrikjedi li jiġi ddefinit l-ammont eżatt tal-għajnuna li tagħha dawn tal-aħħar kellhom it-tgawdija effettiva matul kull sena fiskali.

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li, mill-mument tal-adozzjoni tagħha, l-iskema ta’ għajnuna li tirriżulta mill-miżura kontenzjuża, sa fejn din kienet tagħti lil ċerti klabbs eliġibbli għal din l-iskema, li minnhom kien jagħmel parti l-FCB, il-possibbiltà li jkomplu joperaw, b’mod eċċezzjonali, bħala entità mingħajr skop ta’ lukru, ippermettiet lil dawn tal-aħħar jibbenefikaw minn rata preferenzjali ta’ taxxa meta mqabbel ma’ dik applikabbli għall-klabbs li joperaw bħala kumpanniji sportivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata. B’dan il-mod, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni setgħet, sa mill-mument tal-adozzjoni tagħha, tiffavorixxi lill-klabbs li joperaw bħala entitajiet mingħajr skop ta’ lukru meta mqabbla mal-klabbs li joperaw bħala kumpannija sportiva pubblika b’responsabbiltà limitata, u b’hekk tagħtihom vantaġġ li jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 107(1) TFUE. Minn dan isegwi li, sabiex turi suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tagħti vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha li jaqa’ taħt l-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina, fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-effett tat-tnaqqis għal investiment mill-ġdid tal-profitti eċċezzjonali u lanqas dak tal-possibbiltajiet ta’ posponiment fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa u, b’mod partikolari, jekk dan it-tnaqqis jew dawn il-possibbiltajiet ipaċux il-vantaġġ li jirriżulta mir-rata preferenzjali ta’ taxxa. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq tali eżami, jekk meħtieġ, billi titlob elementi ta’ informazzjoni rilevanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza appellata fuq dan il-punt.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ dan l-annullament tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva, qabel kollox, li, sabiex jintlaqa’ r-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali laqgħet, permezz tas-sentenza appellata, it-tieni motiv ibbażat, essenzjalment fuq analiżi inkompleta tal-eżistenza ta’ vantaġġ, iżda qabel għamlet dan hija ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 TFUE, inkwantu l-Kummissjoni missha, skont il-FCB, ikkonstatat li l-obbligu fuq il-klabbs sportivi professjonali li jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji sportivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata kien kuntrarju għal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita minn din id-dispożizzjoni. Issa, f’tali ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li kien possibbli għall-FCB jew għal Spanja, intervenjent insostenn tat-talbiet tal-klabb tal-futbol, li jikkontestaw, fil-kuntest ta’ appell inċidentali, il-fondatezza tar-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-motiv inkwistjoni, minkejja li l-Qorti Ġenerali tkun laqgħet it-talbiet tagħhom għal raġunijiet oħra. Fl-assenza ta’ tali appell, is-sentenza appellata hija għaldaqstant mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata fuq dan il-punt.

    B’dan spjegat, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-tilwima tinsab fi stat li tiġi deċiża u, konsegwentement, billi tagħti deċiżjoni dwarha, hija tiċħad l-erba’ motivi l-oħra invokati fl-ewwel istanza, ibbażati rispettivament fuq żbalji li l-Kummissjoni wettqet waqt l-eżami tagħha tal-vantaġġ mogħti mill-miżura inkwistjoni, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE inkwantu l-Kummissjoni ma qisitx li l-miżura kontenzjuża kienet iġġustifikata mil-loġika interna tas-sistema fiskali inkwistjoni, kif ukoll tar-regoli applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna eżistenti. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-FCB.


    ( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2391 tal‑4 ta’ Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.29769 (2013/C) (ex 2013/NN) implimentata minn Spanja għal ċerti klabbs tal-futbol (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    ( 2 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Fútbol Club Barcelona vs Il‑Kummissjoni (T‑865/16, EU:T:2019:113; ara l-istqarrija għall-istampa Nru 17/19) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

    ( 3 ) Fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).

    Top