Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0342

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2020.
    Fabio De Masi u Yanis Varoufakis vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).
    Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Deċiżjoni 2004/258/KE – Artikolu 4(3) – Eċċezzjonijiet – Dokument rċevut mill-BĊE – Opinjoni mingħand fornitur estern – Użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari – Rifjut ta’ aċċess.
    Kawża C-342/19 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:1035

    Kawża C‑342/19 P

    Fabio De Masi
    u
    Yanis Varoufakis

    kontra

    Il-Bank Ċentrali Ewropew

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2020

    “Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Deċiżjoni 2004/258/KE – Artikolu 4(3) – Eċċezzjonijiet – Dokument rċevut mill-BĊE – Opinjoni mingħand fornitur estern – Użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari – Rifjut ta’ aċċess”

    1. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Deċiżjoni 2004/258 tal-Bank Ċentrali Ewropew – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

      (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, kif emendata bid-Deċiżjonijiet 2011/342 u 2015/529, Artikolu 4)

      (ara l-punti 49 sa 52)

    2. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Deċiżjoni 2004/258 tal-Bank Ċentrali Ewropew – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Portata – Rifjut ta’ aċċess – Ammissibbiltà

      (Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, kif emendata bid-Deċiżjonijiet 2011/342 u 2015/529, Artikoli 4(2), (3) u (5))

      (ara l-punti 60, 62, 64)

    3. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Deċiżjoni 2004/258 tal-Bank Ċentrali Ewropew – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni ta’ dokumenti intiżi għal użu inern – Kundizzjonijiet – Differenzi fil-konfront tar-Regolament Nru 1049/2001

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(3); Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, kif emendata bid-Deċiżjonijiet 2011/342 u 2015/529, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

      (ara l-punti 67 sa 71, 74, 75)

    Sunt

    Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta’ Ottubru 2017, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irrifjuta lill-appellanti, Fabio de Masi u Yanis Varoufakis, l-aċċess għad-dokument intitolat “Risposti għal domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14.4 tal‑Protokoll Nru 4 dwar l‑Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew”. Dan id-dokument kien jinkludi r-risposta ta’ konsulent estern għal parir legali li kien intalab mingħandu mill-BĊE dwar is-setgħat li għandu l-Kunsill Governattiv abbażi ta’ dan l-Artikolu 14.4. Il-BĊE rrifjuta l-aċċess għall-imsemmi dokument abbażi, minn naħa, tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-pariri legali, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258 ( 1 ), u, min-naħa l-oħra, tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għall-użu intern, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ din id-deċiżjoni.

    Ir-rikors, ippreżentat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-BĊE, ġie miċħud bħala infondat ( 2 ). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-BĊE seta’, ġustament, jibbaża r-rifjut tiegħu li jagħti aċċess għad-dokument inkwistjoni fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għall-użu intern, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258.

    Adita bl-appell ippreżentat mill-appellanti mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni fil-każ ineżami u tiċħad l-appell.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 3 ) jippreżumi li jintwera li l-iżvelar tad-dokument jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, madankollu, tali prova ma hijiex meħtieġa fil-kuntest tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258. Minn dan hija tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kienet obbligata tistħarreġ jekk il-BĊE kienx ipprovda spjegazzjonijiet dwar ir-riskju ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali tiegħu li l-aċċess għad-dokument inkwistjoni seta’ jikkawża. Hija tippreċiża li r-rifjut ta’ aċċess għal dokument abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni 2004/258 jippreżupponi biss li jintwera, minn naħa, li dan id-dokument huwa intiż għal użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE u, min-naħa l-oħra, li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument.

    Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Qorti Ġenerali ma kisritx il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258. Fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-deċiżjoni ma tinkludi ebda indikazzjoni li tista’ tagħtiha n-natura ta’ lex specialis fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tagħha. Fit-tieni lok, ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni li jeskludi li l-istess parti ta’ dokument tista’ tkun ikkonċernata minn diversi mill-eċċezzjonijiet imsemmija fih. Fit-tielet lok, huwa irrilevanti, fid-dawl tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, li d-dokument inkwistjoni jista’ wkoll jiġi kklassifikat li huwa “parir legali”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-deċiżjoni, għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ssuġġettax l-invokabbiltà tal-eċċezzjoni msemmija f’din l-ewwel dispożizzjoni għall-fatt li d-dokument ikkonċernat ma jkunx jikkostitwixxix “parir legali” fis-sens tat-tieni dispożizzjoni.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 billi tenfasizza li din id-dispożizzjoni ma tistax tinqara bħala li tirriżerva l-protezzjoni li hija tinkludi biss għad-dokumenti marbuta ma’ proċess deċiżjonali preċiż. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippreżumi biss li dokument jintuża fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE u għandha l-effett li tkopri, b’mod wiesa’, id-dokumenti marbuta ma’ proċessi interni tal-BĊE. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-portata ta’ din id-dispożizzjoni hija differenti minn dik tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Minn naħa, l-għan ta’ protezzjoni tagħhom ma huwiex identiku u, min-naħa l-oħra, għalkemm id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 1049/2001 tissuġġetta r-rifjut ta’ aċċess għal dokument għall-fatt li dan tal-aħħar ikun jirrigwarda kwistjoni li dwarha l-istituzzjoni tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma jinkludix tali preċiżazzjoni u jipprevedi konkretament li l-aċċess għad-dokument jista’ jiġi rrifjutat anki wara li tittieħed id-deċiżjoni.


    ( 1 ) Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258/KE tal-4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2004/3) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51), kif emendata bid-Deċiżjonijiet 2011/342/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Mejju 2011 (BĊE/2011/6) (ĠU 2011, L. 158, p. 37) u (UE) 2015/529 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2015 (BĊE/2015/1) (ĠU 2015, L 84, p. 64).

    ( 2 ) Sentenza tat-12 ta’ Marzu 2019, De Masi u Varoufakis vs BĊE (T‑798/17, EU:T:2019:154).

    ( 3 ) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

    Top