This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0335
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2020.
E. Sp. z o.o. Sp. k. vs Minister Finansów.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 90 – Tnaqqis tal-valur taxxabbli tal-VAT – Nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali tal-prezz – Kundizzjonijiet imposti minn leġiżlazzjoni nazzjonali għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis – Kundizzjoni li abbażi tagħha d-debitur ma għandux ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza jew ta’ stralċ – Kundizzjoni li l-kreditur u d-debitur għandhom ikunu suġġetti għall-VAT.
Kawża C-335/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2020.
E. Sp. z o.o. Sp. k. vs Minister Finansów.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 90 – Tnaqqis tal-valur taxxabbli tal-VAT – Nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali tal-prezz – Kundizzjonijiet imposti minn leġiżlazzjoni nazzjonali għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis – Kundizzjoni li abbażi tagħha d-debitur ma għandux ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza jew ta’ stralċ – Kundizzjoni li l-kreditur u d-debitur għandhom ikunu suġġetti għall-VAT.
Kawża C-335/19.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:829
Kawża C‑335/19
E. Sp. z o.o. Sp. k.
vs
Minister Finansów
(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal‑15 ta’ Ottubru 2020
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 90 – Tnaqqis tal-valur taxxabbli tal-VAT – Nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali tal-prezz – Kundizzjonijiet imposti minn leġiżlazzjoni nazzjonali għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis – Kundizzjoni li abbażi tagħha d-debitur ma għandux ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza jew ta’ stralċ – Kundizzjoni li l-kreditur u d-debitur għandhom ikunu suġġetti għall-VAT”
Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Valur taxxabbli – Tnaqqis fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali – Miżuri nazzjonali derogatorji – Aġġustament tal-valur taxxabbli u tal-VAT dovuta – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tnaqqis tal-valur taxxabbli għall-issuġġettar tal-kreditur u tad-debitur għall-VAT, peress li d-debitur ma għandux ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza – Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 90(1), u 273)
(ara l-punti 21‑23, 33‑35, 46, 48, 50, 53 u d-dispożittiv)
Sunt
E., kumpannija stabbilita fil-Polonja u suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), teżerċita attività ta’ konsulenza tat-taxxa u tissuġġetta l-provvista ta’ servizzi hekk ipprovduti fil-Polonja għar-rata normali tal-VAT. E. bagħtet lil wieħed mill-klijenti tagħha, irreġistrat bħala persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT, fattura li tinkludi l-VAT għal servizzi li huma taxxabbli fit-territorju Pollakk. Dan il-klijent tqiegħed fi stralċ wara l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas, filwaqt li baqa’ rreġistrat bħala persuna taxxabbli għall-VAT. Peress li l-fattura ma ġietx imħallsa, E. indirizzat lill-Ministru għall-Finanzi talba għal deċiżjoni fiskali sabiex tkun jaf jekk, minkejja t-tqegħid f’stralċ tal-klijent tagħha wara l-eżekuzzjoni tal-provvista ta’ servizzi kkonċernata, hija setgħetx tibbenefika, minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet l-oħra imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT kienu ssodisfatti, mit-tnaqqis tal-valur taxxabbli tal-VAT għan-nuqqas ta’ ħlas tad-dejn li jirriżulta mill-fattura.
Permezz ta’ deċiżjoni fiskali, il-Ministru tal-Finanzi rrisponda fin-negattiv għal din it-talba. Huwa indika li l-Artikolu 90 tad-Direttiva 2006/112 ( 1 ) jagħti lill-persuni taxxabbli d-dritt li jnaqqsu l-valur taxxabbli tal-VAT biss fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn kull Stat Membru. Dawn huma previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT. Skont il-Ministru, jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, bħar-rekwiżit li d-debitur ma għandux ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ stralċ, ma tkunx issodisfatta, il-persuna taxxabbli ma tistax tinvoka d-dritt għal tnaqqis billi tislet dan tal-aħħar direttament mid-dritt tal-Unjoni.
Wara li kkontestat, għalxejn, id-deċiżjoni fiskali quddiem il-qorti Pollakka kompetenti fl-ewwel istanza, E. appellat fil-kassazzjoni quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), peress li qieset li l-qorti tal-ewwel istanza kienet iddeċidiet, b’mod żbaljat, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT ma jippreġudikawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.
Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jissuġġettaw id-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas il-valur taxxabbli għall-VAT fil-każ ta’ dejn li probabbilment ma jistax jiġi rkuprat, għall-kundizzjoni li, fil-jum tal-kunsinna tal-oġġett jew tal-provvista ta’ servizzi kif ukoll fil-jum li jippreċedi dak tas-sottomissjoni tal-aġġustament tad-dikjarazzjoni tat-taxxa intiż għal benefiċċju ta’ dan it-tnaqqis, id-debitur ikun irreġistrat bħala persuna taxxabbli għall-VAT u ma jkunx is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza jew ta’ stralċ u li, fil-jum li jippreċedi dak tas-sottomissjoni tal-aġġustament tad-dikjarazzjoni tat-taxxa, il-kreditur ikun huwa stess għadu rreġistrat bħala persuna taxxabbli għall-VAT. L-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112, li jirrigwarda b’mod partikolari l-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali tal-prezz wara l-mument li sseħħ it-tranżazzjoni li tat lok għall-ħlas tat-taxxa, jobbliga lill-Istati Membri li jnaqqsu, skont il-kundizzjonijiet li jistabbilixxu, il-valur taxxabbli u, għaldaqstant, l-ammont tal-VAT dovut mill-persuna taxxabbli kull darba li, wara l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni, parti mill-korrispettiv jew il-korrispettiv kollu ma jinġabarx mill-persuna taxxabbli. L-Artikolu 90(2) tad-Direttiva 2006/112 jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali tal-prezz tat-tranżazzjoni, mir-regola prevista fl-Artikolu 90(1) ta’ din id-direttiva.
Peress li kellha dubji dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90 tad-Direttiva 2006/112, il-qorti tar-rinviju adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja bid-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
Fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 90 tad-Direttiva 2006/112 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tnaqqis tal-valur taxxabbli għall-VAT għall-kundizzjoni li, fil-jum tal-kunsinna tal-oġġett jew tal-provvista ta’ servizzi kif ukoll fil-jum li jippreċedi dak tas-sottomissjoni tal-aġġustament tad-dikjarazzjoni tat-taxxa intiż għal benefiċċju ta’ dan it-tnaqqis, id-debitur ikun irreġistrat bħala persuna taxxabbli għall-VAT u ma jkunx is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza jew ta’ stralċ u li, fil-jum li jippreċedi dak tas-sottomissjoni tal-aġġustament tad-dikjarazzjoni tat-taxxa, il-kreditur ikun huwa stess irreġistrat bħala persuna taxxabbli għall-VAT.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk ir-restrizzjoni li jinkludu l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal persuni taxxabbli bħal E. hijiex iġġustifikata mill-ħtieġa li tittieħed inkunsiderazzjoni l-inċertezza dwar in-natura definittiva tan-nuqqas ta’ ħlas.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn din il-ħtieġa l-kundizzjonijiet li jissuġġettaw it-tnaqqis tal-valur taxxabbli għall-VAT għar-reġistrazzjoni tad-debitur bħala persuna taxxabbli għall-VAT fil-jum tal-kunsinna tal-oġġett jew tal-provvista ta’ servizzi u għaż-żamma tal-kwalità ta’ persuna taxxabbli tal-kreditur u tad-debitur fil-jum li jippreċedi dak tas-sottomissjoni tal-aġġustament tad-dikjarazzjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li, għalkemm huwa minnu li d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas il-valur taxxabbli wara l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni jimplika l-obbligu għall-parti l-oħra f’din it-tranżazzjoni li taġġusta, min-naħa tagħha, l-ammont tal-VAT li tista’ titnaqqas, il-garanzija ta’ tnaqqis simetriku tal-valur taxxabbli tal-VAT dovuta u tal-ammont tal-VAT li tista’ titnaqqas ma jiddependix mill-issuġġettar taż-żewġ partijiet għall-VAT. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit dwar l-issuġġettar tal-kreditur u tad-debitur għall-VAT ma jistax jiġi ġġustifikat la mill-prevenzjoni tal-irregolaritajiet jew tal-abbużi u lanqas fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112.
F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li tissuġġetta t-tnaqqis tal-valur taxxabbli għall-fatt li d-debitur ma jkunx is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza jew ta’ stralċ fil-jum tal-kunsinna tal-oġġett jew tal-provvista ta’ servizzi u fil-jum li jippreċedi dak tas-sottomissjoni tal-aġġustament tad-dikjarazzjoni fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, billi ċċaħħad lill-kreditur mid-dritt tiegħu għal tnaqqis minħabba l-fatt li d-dejn definittivament ma jistax jiġi rkuprat, ma jistax jiġi stabbilit qabel it-tmiem tal-proċedura ta’ insolvenza jew ta’ stralċ, b’din il-kundizzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-inċertezza inerenti tan-natura definittiva tan-nuqqas ta’ ħlas.. Madankollu, tali inċertezza tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni billi jingħata t-tnaqqis tal-valur taxxabbli għall-VAT meta l-kreditur juri, qabel it-tmiem tal-proċedura ta’ insolvenza jew ta’ stralċ, probabbiltà raġonevoli li d-dejn ma jiġix onorat, b’tali mod li dan il-valur taxxabbli jiġi evalwat mill-ġdid ’il fuq fl-ipoteżi fejn il-ħlas isir madankollu. Tali modalità hija wkoll effettiva sabiex jintlaħaq l-għan intiż filwaqt li huwa inqas restrittiv għall-kreditur.
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, peress li l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu effett dirett, persuna taxxabbli bħal E., li ma tissodisfax biss il-kundizzjonijiet nazzjonali mhux konformi ma’ din id-dispożizzjoni, tista’ tinvoka l-imsemmija dispożizzjoni quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat sabiex tikseb it-tnaqqis tal-valur taxxabbli tagħha, u hija l-qorti nazzjonali adita li għandha twarrab dawn il-kundizzjonijiet mhux konformi skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.
( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.).