EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0308

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Jannar 2021.
Consiliul Concurenţei vs Whiteland Import Export SRL.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Sanzjonijiet imposti mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni – Terminu ta’ preskrizzjoni – Atti li jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni, il-possibbiltà li att sussegwenti ta’ konstatazzjoni jew ta’ investigazzjoni jista’ jinterrompi t-terminu l-ġdid ta’ preskrizzjoni – Prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 25(3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 4(3) TUE – Artikolu 101 TFUE – Prinċipju ta’ effettività.
Kawża C-308/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:47

Kawża C308/19

Consiliul Concurenţei

vs

Whiteland Import Export SRL

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Înalta Curte de Casație și Justiție)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal21 ta’ Jannar 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Sanzjonijiet imposti mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni – Terminu ta’ preskrizzjoni – Atti li jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni, il-possibbiltà li att sussegwenti ta’ konstatazzjoni jew ta’ investigazzjoni jista’ jinterrompi t-terminu l-ġdid ta’ preskrizzjoni – Prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 25(3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 4(3) TUE – Artikolu 101 TFUE – Prinċipju ta’ effettività”

1.        Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Preskrizzjoni fil-qasam ta’ multi – Regoli li jirregolaw il-preskrizzjoni tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet – Kamp ta’ applikazzjoni – Sanzjonijiet imposti minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 25)

(ara l-punti 33 sa 41 u d-dispożittiv 1)

2.        Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Preskrizzjoni fil-qasam ta’ multi – Sanzjonijiet imposti minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni – Applikabbiltà tar-regoli nazzjonali ta’ preskrizzjoni – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-prinċipju ta’ effettività – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kull interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni – Leġiżlazzjoni li tippreżenta riskju sistematiku ta’ impunità ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni – Inammissibbiltà

(Artikolu 4(3) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 35(1))

(ara l-punti 43 sa 57, 65 u d-dispożittiv 2)

3.        Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Obbligi tal-Istati membri – Projbizzjoni li jiġu adottati jew li jinżammu fis-seħħ miżuri li jikkontestaw l-effett utli ta’ dawn ir-regoli – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali – Portata – Interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali – Esklużjoni

(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 101 TFUE)

(ara l-punti 58 sa 64)


Sunt

Fis‑7 ta’ Settembru 2009, il-Consiliul Concurenţei (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, ir-Rumanija) fetaħ investigazzjoni fis-suq bl-imnut tal-ikel kontra diversi impriżi, fosthom Whiteland Import Export SRL (iktar ’il quddiem “Whiteland”), sabiex jiġi stabbilit jekk dawn l-impriżi kinux kisru r-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, huma ġew akkużati li kkonkludew, matul is-snin 2006 sa 2009, ftehimiet antikompetittivi intiżi sabiex joħolqu distorsjoni u jxekklu l-kompetizzjoni fis-suq rilevanti, bl-iffissar tal-prezz ta’ bejgħ u ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodotti tal-fornituri. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ April 2015, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni impona fuqhom multi.

Filwaqt li kkonstatat li, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, it-terminu ta’ preskrizzjoni kien miksub meta l-Kunsill tal-Kompetizzjoni adotta d-deċiżjoni tiegħu, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), adita b’rikors ippreżentat minn Whiteland, annullat l-imsemmija deċiżjoni sa fejn din kienet tikkonċerna lil din il-kumpannija. Fil-fatt, wara li ġie kkonstatat li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien beda jiddekorri fil‑15 ta’ Lulju 2009, data li fiha l-ksur allegat fil-konfront ta’ Whiteland kien intemm, din il-qorti kkunsidrat li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas‑7 ta’ Settembru 2009 kienet interrompiet it-terminu ta’ preskrizzjoni u kienet tat bidu għal terminu ta’ preskrizzjoni ġdid, li kien jiskadi fis‑7 ta’ Settembru 2014. Skont l-imsemmija qorti, abbażi ta’ interpretazzjoni stretta tar-regoli nazzjonali li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni, il-miżuri meħuda mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni ma setgħux jinterrompu t-terminu l-ġdid ta’ preskrizzjoni u, għaldaqstant, din id-deċiżjoni hija l-aħħar att ta’ din l-awtorità li tista’ tinterrompi dan it-terminu. Barra minn hekk, din l-istess qorti qieset li l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (1), li jirrigwarda l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, kien japplika biss għall-Kummissjoni Ewropea u ma kienx jirregola t-termini ta’ preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija, iktar’ il quddiem il-“qorti tar-rinviju”), adita b’appell ippreżentat mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni mis-sentenza tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk il-qrati nazzjonali humiex obbligati japplikaw l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003, għall-preskrizzjoni tas-setgħat ta’ awtorità nazzjonali fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 101 TFUE, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li abbażi tagħha d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni, adottata mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, dwar ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hija l-aħħar att ta’ din l-awtorità li jista’ jkollu l-effett li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni relatat mas-setgħa tagħha li timponi sanzjonijiet u jeskludi li att sussegwenti ta’ konstatazzjoni jew ta’ investigazzjoni jista’ jinterrompi dan it-terminu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fir-rigward tal-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja tafferma li l-qrati nazzjonali ma humiex obbligati li japplikaw l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-preskrizzjoni tas-setgħat ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, hija tosserva li, f’dan il-każ, l-eventwali rilevanza tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprovdi li l-preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità hija interrotta minn kull att tal-Kummissjoni jew ta’ awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru intiż għall-investigazzjoni jew għall-konstatazzjoni tal-ksur, tiddependi esklużivament mill-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni fattwali fil-kawża prinċipali Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fid-dawl tal-kuntest li tagħmel parti munnu l-imsemmija dispożizzjoni u tal-għan imfittex minnha, din tirregola biss is-setgħat li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet. Minn dan jirriżulta li din l-istess dispożizzjoni ma tipprevedix regoli ta’ preskrizzjoni dwar is-setgħat tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet.

Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, qabelxejn, li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu u japplikaw ir-regoli nazzjonali ta’ preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, inklużi l-modalitajiet ta’ sospensjoni u/jew ta’ interruzzjoni. Madankollu, l-istabbiliment u l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jistgħux jirrendu l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

Għalhekk, sabiex ma tippreġudikax l-applikazzjoni sħiħa u uniformi tad-dritt tal-Unjoni u sabiex ma jiħdux jew iżommu fis-seħħ miżuri li jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli nazzjonali li jistabbilixxu t-termini ta’ preskrizzjoni jkunu kkonċepiti b’mod li jiġi stabbilit bilanċ bejn, minn naħa, l-għanijiet li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u li tiġi żgurata l-osservanza tat-trattament tan-negozju f’terminu raġonevoli, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni effettiva u effikaċi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, sabiex jiġi osservat l-interess pubbliku intiż sabiex jiġi evitat li l-funzjonament tas-suq intern ikun distort minn ftehimiet jew prattiki li jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni u, b’mod iktar partikolari, il-fatt li dawn il-kawżi jeħtieġu, bħala prinċipju, it-twettiq ta’ analiżi fattwali u ekonomika kumplessa. Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxa d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, it-tul ta’ dan it-terminu u l-modalitajiet ta’ sospensjoni jew ta’ interruzzjoni tiegħu għandha tiġi adattata għall-ispeċifiċitajiet tad-dritt tal-kompetizzjoni u għall-għanijiet tal-implimentazzjoni tar-regoli ta’ dan id-dritt mill-persuni kkonċernati, sabiex ma tiġix ippreġudikata l-effettività sħiħa tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, barra minn hekk, li sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni li, għal raġunijiet inerenti għaliha, tipprekludi b’mod sistemiku l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrendi l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan id-dritt prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

F’dan il-każ, skont interpretazzjoni stretta tar-regoli nazzjonali li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni fiż-żmien tal-fatti, adottata minn parti mill-ġurisprudenza nazzjonali, u b’mod partikolari mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni intiża għall-investigazzjoni jew għall-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni hija l-aħħar att tal-awtorità tal-kompetizzjoni li jista’ jkollu l-effett li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni relatat mas-setgħa tagħha li timponi sanzjonijiet u l-ebda wieħed mill-atti adottati sussegwentement għall-investigazzjoni jew għall-konstatazzjoni tal-ksur ma jkun qatt jista’ jinterrompi dan it-terminu, anki meta l-adozzjoni ta’ tali atti jikkostitwixxu stadji importanti tal-investigazzjoni u juru r-rieda ta’ din l-awtorità li tikkonstata l-ksur.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li tali interpretazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tidher li tista’ tikkomprometti l-implimentazzjoni effettiva mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, tali interpretazzjoni, li tipprojbixxi b’mod assolut l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni permezz ta’ atti adottati sussegwentement fil-kuntest tal-investigazzjoni, tista’ tippreżenta riskju sistematiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-imsemmi dritt tal-Unjoni. Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ hawnhekk.

Jekk dan jirriżulta li huwa l-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li hija din il-qorti li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tar-regoli ta’ dan id-dritt fil-qasam tal-kompetizzjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew billi ma tapplikax, jekk ikun meħtieġ, l-imsemmija leġiżlazzjoni

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn din tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, għandhiex tibqa’ mhux applikata tqum biss jekk jirriżulta li ebda interpretazzjoni konformi ma’ din id-dispożizzjoni ma tkun possibbli.

Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li tali interpretazzjoni tidher li hija possibbli, fatt li, madankollu, għandu jiġi vverifikat b’mod definittiv mill-qorti tar-rinviju.


1      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

Top