Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0243

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2020.
    A vs Veselības ministrija.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 20(2) – Direttiva 2011/24/UE – Artikolu 8(1) u (5) kif ukoll (6)(d) – Assigurazzjoni għall-mard – Kura fl-isptar mogħtija fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni – Rifjut ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Trattament fi sptar li jista’ jiġi żgurat b’mod effettiv fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni – Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon.
    Kawża C-243/19.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:872

    Kawża C‑243/19

    A vs Veselības ministrija

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa(Senāts))

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2020

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 20(2) – Direttiva 2011/24/UE – Artikolu 8(1) u (5) kif ukoll (6)(d) – Assigurazzjoni għall-mard – Kura fl-isptar mogħtija fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni – Rifjut ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Trattament fi sptar li jista’ jiġi żgurat b’mod effettiv fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni – Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon”

    1. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Assigurazzjoni għall-mard – Benefiċċji in natura mogħtija fi Stat Membru ieħor – Obbligu għall-awtorità kompetenti li tagħti l-awtorizzazzjoni minn qabel – Kundizzjonijiet – Kura li ma tistax tingħata fi żmien xieraq fl-Istat Membru ta’ residenza – Teħid inkunsiderazzjoni esklużiv tas-sitwazzjoni medika tal-pazjent

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 20)

      (ara l-punti 24, 25, 29, 30)

    2. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Assigurazzjoni għall-mard – Benefiċċji in natura mogħtija fi Stat Membru ieħor – Kura fl-isptarijiet – Rifjut ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Trattament tal-isptarijiet li jista’ jiġi żgurat b’mod effettiv fl-Istat Membru ta’ residenza – Twemmin reliġjuż tal-persuna assigurata li ma jippermettix il-metodu ta’ trattament użat f’dan l-aħħar Stat Membru – Differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Dannu lill-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali – Ammissibbiltà

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikolu 21(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 20(2))

      (ara l-punti 42, 43, 46, 47, 52-56 u d-dispożittiv 1)

    3. Saħħa pubblika – Kura tas-saħħa transkonfinali – Direttiva 2011/24 – Kura fl-isptarijiet – Rifjut ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Trattament tal-isptarijiet li jista’ jiġi żgurat b’mod effettiv fl-Istat Membru ta’ residenza – Twemmin reliġjuż tal-persuna assigurata li ma jippermettix il-metodu ta’ trattament użat f’dan l-aħħar Stat Membru – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni bbażata fuq it-tfittxija ta’ għan leġittimu – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Verifika mill-qorti nazzjonali

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikolu 21(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/24, Artikolu 8(5) u (6)(d))

      (ara l-punti 72-74, 77-79, 82-85 u d-dispożittiv 2)

    Sunt

    Ir-rifjut, mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni ta’ pazjent, li jagħti awtorizzazzjoni minn qabel għar-rimbors tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali meta trattament fl-isptar effettiv ikun disponibbli f’dan l-Istat iżda t-twemmin reliġjuż tal-persuna affiljata ma jippermettix il-metodu ta’ trattament użat, jistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon

    Dan ir-rifjut ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni jekk ikun oġġettivament iġġustifikat minn għan leġittimu marbut maż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura tas-saħħa jew ta’ kompetenza medika, u jikkostitwixxi mezz xieraq u neċessarju li jippermetti li jintlaħaq dan l-għan

    Iben ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu jgħaddi minn operazzjoni tal-qalb. Din l-operazzjoni kienet disponibbli fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni ta’ dan tal-aħħar, il-Latvja, iżda ma setgħetx titwettaq mingħajr trasfużjoni tad-demm. Issa, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali oppona dan il-mod ta’ trattament minħabba li kien xhud ta’ Ġehovah, u għalhekk talab lin-Nacionālais veselības dienests (is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa, il-Latvja) jagħti awtorizzazzjoni li tippermetti lil ibnu jibbenefika minn kura tas-saħħa ppjanata fil-Polonja, fejn l-operazzjoni setgħet titwettaq mingħajr trasfużjoni tad-demm. Peress li t-talba tiegħu ġiet miċħuda, ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tas-servizz tas-saħħa. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza fl-ewwel istanza, li ġiet ikkonfermata fl-appell. Sadanittant, iben ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie operat fil-qalb fil-Polonja, mingħajr trasfużjoni tad-demm.

    Adita b’appell fil-kassazzjoni, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja) tistaqsi jekk is-servizzi tas-saħħa Latvjani setgħux jirrifjutaw il-ħruġ tal-formola li tippermetti dan it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas tal-kura abbażi ta’ kriterji esklużivament mediċi jew jekk dawn kinux ukoll obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward it-twemmin reliġjuż tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Billi kellha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel bħal dik inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari intiżi għall-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 1 ), li jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom l-Istat Membru ta’ residenza ta’ persuna assigurata li titlob l-awtorizzazzjoni sabiex tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tibbenefika minn trattament mediku, huwa obbligat li jagħti l-awtorizzazzjoni u, konsegwentement, li jieħu r-responsabbiltà għall-kura medika mogħtija fl-Istat Membru l-ieħor, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/24 ( 2 ), li jikkonċerna s-sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għar-rimbors tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”), li b’mod partikolari jipprojbixxi kull diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon.

    Fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) iddeċidiet, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, ma jipprekludix li l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata jirrifjuta li jagħti lil din tal-aħħar l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament meta, f’dan l-Istat Membru, trattament tal-isptar, li l-effettività medika tiegħu ma tqajjem ebda dubju, ikun disponibbli iżda meta t-twemmin reliġjuż ta’ din il-persuna assigurata ma jippermettix il-metodu ta’ trattament użat.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod partikolari li r-rifjut li tingħata l-awtorizzazzjoni minn qabel prevista mir-Regolament Nru 883/2004 jintroduċi differenza fit-trattament li hija indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin reliġjuż. Fil-fatt, il-pazjenti li jirċievu intervent mediku bi trasfużjoni tad-demm ikollhom l-ispejjeż tagħhom koperti mis-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ residenza, filwaqt li dawk li, għal raġunijiet reliġjużi, jiddeċiedu li ma jirċevux tali intervent f’dan l-Istat Membru u li jirrikorru, fi Stat Membru ieħor, għal trattament li ma huwiex prekluż mit-twemmin reliġjuż tagħhom, ma jibbenefikawx minn tali kopertura ta’ dawn fl-ewwel Stat Membru.

    Tali differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli u tkun proporzjonata mal-għan imfittex. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan kien il-każ f’din il-kawża. Qabel kollox din osservat li, fil-każ fejn benefiċċji in natura mogħtija fi Stat Membru ieħor jagħtu lok għal spejjeż ogħla minn dawk marbuta mal-benefiċċji li kienu jingħataw fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata, l-obbligu ta’ rimbors sħiħ jista’ jagħti lok għal spejjeż addizzjonali fir-rigward ta’ dan l-aħħar Stat Membru. Sussegwentement, din ikkonstatat li kieku l-istituzzjoni kompetenti kienet marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni t-twemmin reliġjuż tal-persuna assigurata, tali spejjeż addizzjonali jistgħu, fid-dawl tal-imprevedibbiltà u tal-portata potenzjali tagħhom, iwasslu għal riskju għan-neċessità li tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema tal-assigurazzjoni għall-mard, li tikkostitwixxi għan leġittimu rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni.

    Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fl-assenza ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ibbażata fuq kriterji esklużivament mediċi, l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jkun espost għal piż finanzjarju addizzjonali li jkun diffiċilment prevedibbli u li jista’ jwassal għal riskju għall-istabbiltà finanzjarja tas-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard tiegħu. Konsegwentement, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-twemmin reliġjuż tal-persuna kkonċernata tidher bħala miżura ġġustifikata fid-dawl tal-għan iċċitat iktar ’il fuq, li jissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità.

    Fit-tieni lok, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 8(5) u (6)(d) tad-Direttiva 2011/24, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, jipprekludi li l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni ta’ pazjent jirrifjuta li jagħti lil dan tal-aħħar l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva meta, f’dan l-Istat Membru, trattament fi sptar, li l-effettività medika tiegħu ma tqajjem ebda dubju, ikun disponibbli iżda t-twemmin reliġjuż ta’ dan il-pazjent ma jippermettix il-metodu ta’ trattament użat. Is-sitwazzjoni tkun differenti kieku dan ir-rifjut kien oġġettivament iġġustifikat minn għan leġittimu għaż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura tas-saħħa jew ta’ kompetenza medika, u kien jikkostitwixxi mezz xieraq u neċessarju li jippermetti li jintlaħaq dan l-għan, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox irrilevat li l-għan dwar in-neċessità li tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema ta’ sigurtà soċjali ma jistax jiġi invokat mill-Gvern Latvjan sabiex jiġġustifika r-rifjut li tingħata l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/24 f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, is-sistema ta’ rimbors stabbilita mir-Regolament Nru 883/2004 hija differenti minn dik prevista mid-Direttiva 2011/24 peress li r-rimbors previst minnha, minn naħa, huwa kkalkolat abbażi tat-tariffi applikabbli għall-kura tas-saħħa fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni u, min-naħa l-oħra, ma jeċċedix l-ispejjeż reali tal-kura tas-saħħa rċevuta meta l-ispiża tal-kura mogħtija fl-Istat Membru ospitanti tkun inqas minn dik tal-kura mogħtija fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni. Fid-dawl ta’ dan il-limitu doppju, is-sistema tas-saħħa tal-Istat Membru ta’ affiljazzjoni ma tistax tkun suġġetta għal riskju ta’ spejjeż addizzjonali marbuta mal-ħlas tal-kura tas-saħħa transkonfinali u dan l-Istat Membru ma jkunx, bħala prinċipju, espost għal spiża finanzjarja addizzjonali fil-każ ta’ kura transkonfinali.

    Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-għan leġittimu relatat maż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura tas-saħħa jew ta’ kompetenza medika, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li r-rifjut li tingħata l-awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/24, għar-raġuni li ma jkunux issodisfatti r-rekwiżiti previsti fil-paragrafi 5 u 6 tal-istess artikolu, jintroduċi differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon. Din ippreċiżat li, biex jiġi evalwat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex proporzjonata għall-għan imfittex, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tat-twemmin reliġjuż tal-pazjenti fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 8(5) u (6) tad-Direttiva 2011/24, jistax joħloq riskju għall-pjanifikazzjoni ta’ trattamenti fi sptar fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni.


    ( 1 ) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

    ( 2 ) Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, p. 45).

    Top