Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0176

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2024.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Servier SAS et.
    Appell – Kompetizzjoni – Prodotti farmaċewtiċi – Suq tal-perindopril – Artikolu 101 TFUE – Akkordji – Qsim tas-suq – Kompetizzjoni potenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Strateġija intiża li ddewwem id-dħul fis-suq ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindopril – Ftehim ta’ soluzzjoni bonarja għal tilwima fil-qasam tal-privattivi – Ftehim ta’ liċenzja ta’ privattiva – Ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja ta’ teknoloġija – Artikolu 102 TFUE – Suq rilevanti – Abbuż minn pożizzjoni dominanti.
    Kawża C-176/19 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:549

    Kawża C-176/19 P

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Servier SAS et

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas‑27 ta’ Ġunju 2024

    “Appell – Kompetizzjoni – Prodotti farmaċewtiċi – Suq tal-perindopril – Artikolu 101 TFUE – Akkordji – Qsim tas-suq – Kompetizzjoni potenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Strateġija intiża li ddewwem id-dħul fis-suq ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindopril – Ftehim ta’ soluzzjoni bonarja għal tilwima fil-qasam tal-privattivi – Ftehim ta’ liċenzja ta’ privattiva – Ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja ta’ teknoloġija – Artikolu 102 TFUE – Suq rilevanti – Abbuż minn pożizzjoni dominanti”

    1. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbilà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-klassifikazzjoni ġuridika mogħtija lill-fatti tat-tilwima – Ammissibbiltà

      (Artikolu 226(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

      (ara l-punti 69 sa 75)

    2. Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali – Inammissibbiltà – Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà

      (Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 168(1)(d) u 169(2))

      (ara l-punti 77 sa 79)

    3. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Klassifikazzjoni ta’ impriża bħala kompetitur potenzjali – Possibbiltajiet reali u konkreti ta’ dħul fis-suq – Kriterji – Determinazzjoni soda u kapaċità inerenti tal-impriża li tintegra s-suq rilevanti – Assenza ta’ ostakoli insormontabbli – Evalwazzjoni – Eżistenza ta’ privattivi li jipproteġu prodott mediċinali oriġinatur jew wieħed mill-proċessi ta’ manifattura tiegħu – Klassifikazzjoni ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi bħala kompetitur potenzjali tal-manifattur ta’ oriġinaturi proprjetarju tal-privattivi

      (Artikolu 101 TFUE)

      (ara l-punti 91, 92, 100 sa 103, 130 sa 135, 425, 427 sa 440)

    4. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Ftehim ta’ soluzzjoni bonarja għal tilwimiet fil-qasam tal-privattivi u ftehim ta’ liċenzja ta’ privattiva – Ftehimiet konklużi bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi u manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi – Ftehimiet li jinkludu klawżoli ta’ non-kontestazzjoni ta’ privattivi u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi f’ċerti swieq – Klassifikazzjoni bħala restrizzjoni minħabba l-għan – Kriterji – Grad ta’ noċività tal-ftehimiet fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat – Evalwazzjoni fid-dawl tal-kontenut, tal-oriġini u tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-ftehimiet ikkonċernati – Neċessità li jiġu eżaminati l-effetti tal-aġir antikompetittiv fuq il-kompetizzjoni – Assenza – Impriżi involuti li aġixxew mingħajr l-intenzjoni li jipprekludu, li jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni – Fatti mhux determinanti

      (Artikolu 101(1) TFUE)

      (ara l-punti 93 sa 96, 104 sa 108, 174 sa 184, 196 sa 200, 223 sa 226, 236 sa 244)

    5. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Għan antikompetittiv – Ftehimiet dwar it-tqassim tas-swieq – Ksur minħabba l-għan – Assenza ta’ tqassim ermetiku tas-swieq – Assenza ta’ rilevanza

      (Artikolu 101(1) TFUE)

      (ara l-punti 97, 215 sa 219)

    6. Appell – Aggravji – Kritika tal-motivi li jkollhom effett fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata – Aggravju effettiv

      (Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

      (ara l-punti 111 sa 120)

    7. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbilà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament – Aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tal-provi – Qari żbaljat tal-provi mill-Qorti Ġenerali li jmur kontra l-formulazzjoni tagħhom

      (Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

      (ara l-punti 145 sa 154, 230 sa 232)

    8. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Modalità ta’ prova – Użu ta’ sensiela ta’ indizji – Grad ta’ saħħa probatorja neċessarja fir-rigward tal-indizji kkunsidrati individwalment – Ammissibbiltà tal-evalwazzjoni globali ta’ sensiela ta’ indizji – Kontenut tal-ftehimiet antikompetittivi disponibbli għall-Kummissjoni – Assenza ta’ effett

      (Artikolu 101(1) TFUE)

      (ara l-punti 271 sa 276)

    9. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Distinzjoni bejn restrizzjonijiet minħabba l-għan u minħabba l-effett – Restrizzjoni minħabba l-għan – Grad suffiċjenti ta’ noċività – Evalwazzjoni – Assenza ta’ rilevanza tal-effetti favur il-kompetizzjoni fis-swieq li ma jaqgħux fil-kamp ġeografiku tal-ksur

      (Artikolu 101(1) TFUE)

      (ara l-punti 288 sa 290, 452, 453, 489)

    10. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Distinzjoni bejn restrizzjonijiet minħabba l-għan u minħabba l-effett – Restrizzjoni minħabba l-effett – Eżami tal-kompetizzjoni fl-assenza ta’ ftehim kontenzjuż – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kompetizzjoni attwali u potenzjali – Ftehim ta’ soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi konkluż bejn kumpannija ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi u impriża ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi – Obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi s-sitwazzjoni kompetittiva possibbli fis-swieq tal-prodott ikkonċernat mingħajr il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja – Stabbiliment ta’ xenarju kontrafattwali reali u kredibbli – Neċessità ta’ punt ta’ riferiment temporali identiku għas-sitwazzjoni osservata u għas-sitwazzjoni kontrafattwali – Xenarju kontrafattwali li ma jistax ikun ibbażat fuq avvenimenti li seħħew wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim – Xenarju kontrafattwali li għandu jistabbilixxi l-possibbiltajiet reali tal-aġir tal-impriża ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi

      (Artikolu 101(1) TFUE)

      (ara l-punti 338 sa 356, 482 sa 486)

    11. Pożizzjoni dominanti – Suq inkwistjoni – Delimitazzjoni – Kriterji – Prodotti farmaċewtiċi – Interkambjabbiltà – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Elastiċità tad-domanda tal-prodott farmaċewtiku met mqabbel mal-bidla fil-prezzijiet ta’ prodotti oħra intiżi għall-istess indikazzjoni terapewtika

      (Artikolu 102 TFUE)

      (ara l-punti 381 sa 390)

    12. Appell – Appell meqjus fondat – Riżoluzzjoni tat-tilwima fuq il-mertu mill-qorti tal-appell – Kundizzjoni – Kawża fi stat li tista’ tiġi deċiża – Assenza – Kawża mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali – Obbligu li l-kawża tintbagħat lura quddiem kulleġġ ġudikanti b’kompożizzjoni differenti – Assenza

      (Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 216(1))

      (ara l-punt 417)

    13. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Ftehim ta’ soluzzjoni bonarja għal tilwimiet fil-qasam tal-privattivi u ftehim ta’ liċenzja ta’ privattiva – Ftehimiet konklużi bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi u manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi – Ftehimiet li jinkludu klawżoli ta’ non-kontestazzjoni ta’ privattivi u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi f’ċerti swieq – Korrispettiv li jikkonsisti fl-għoti ta’ liċenzja li tawtorizza lill-manifattur ta’ ġeneriċi jikkummerċjalizza l-prodott mediċinali inkwistjoni fis-swieq prinċipali tiegħu – Klassifikazzjoni tal-ftehimiet ta’ tqassim tas-swieq li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan – Kriterji – Effett ta’ inċentiv tal-għoti ta’ liċenzja lill-manifattur ta’ ġeneriċi fuq l-irtirar tiegħu milli jikkummerċjalizza l-prodott tiegħu fis-swieq irriżervati għall-manifattur tal-orġinaturi

      (Artikolu 101(1) TFUE)

      (ara l-punti 447 sa 473)

    Sunt

    Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea minn żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali ( 1 ) li annullaw parzjalment id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordji u ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq tal-prodott farmaċewtiku perindopril u imponiet multi fuq il-manifatturi tal-prodotti mediċinali kkonċernati ( 2 ). Billi għamlet hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-linja ta’ demarkazzjoni bejn, minn naħa, il-passi leġittimi ta’ manifatturi ta’ prodotti mediċinali li jikkonsistu f’soluzzjoni bonarja għal tilwimiet attwali tal-privattivi fis-settur farmaċewtiku u, min-naħa l-oħra, il-ftehimiet li jaqsmu b’mod illegali s-suq ta’ prodott farmaċewtiku bi pretest ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja għal tilwimiet fil-qasam tal-privattivi.

    Il-grupp farmaċewtiku Servier, li l-kumpannija omm tiegħu, Servier SAS, hija stabbilita fi Franza (iktar ’il quddiem, individwalment jew konġuntament, “Servier”), żviluppa l-perindopril, prodott mediċinali li jaqa’ taħt il-klassi tal-inibituri tal-enżima ta’ konverżjoni, indikat fil-mediċina kardjovaskulari u intiż prinċipalment li jiġġieled kontra l-pressjoni għolja u l-insuffiċjenza kardijaka. Il-privattiva relatata mal-molekula tal-perindopril, ippreżentata quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (iktar ’il quddiem l-“UPE”) fl‑1981, skadiet matul is-snin 2000.

    L-ingredjent farmaċewtiku attiv tal-perindopril huwa fil-forma ta’ melħ, l-erbumina. Fl‑1988, Servier ippreżenta diversi privattivi quddiem l-UEP relatati mal-proċessi ta’ manifattura tal-imsemmi ingredjent attiv li kienu ser jiskadu fis‑16 ta’ Settembru 2008.

    Privattiva ġdida relatata mal-perindopril u mal-proċess ta’ manifattura tiegħu ġew ippreżentati quddiem l-UEP minn Servier fl‑2001 u maħruġa fl‑2004 (iktar ’il quddiem il-“privattiva 947”). Barra minn hekk, Servier kiseb privattivi nazzjonali li jikkorrispondu mal-privattiva 947 f’diversi Stati Membri qabel ma dawn kienu partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej.

    B’effett mis-sena 2003, kien hemm diversi tilwimiet bejn Servier u manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li kienu ser jikkummerċjalizzaw verżjoni ġenerika tal-perindopril. F’dan il-kuntest, għaxar manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ppreżentaw oppożizzjoni kontra l-privattiva 947 quddiem l-UEP, li l-Bord tal-Appell Tekniku tiegħu rrevoka l-privattiva kkontestata f’Mejju 2009. Diversi manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kkontestaw ukoll il-validità tal-privattiva 947 quddiem ċerti qrati nazzjonali. Min-naħa tiegħu, Servier ressaq azzjonijiet għal kontrafazzjoni kif ukoll talbiet għal ordnijiet provviżorji kontra l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi inkwistjoni, fosthom il-kumpannija Slovena KRKA, tovarna zdravil, d.d. (iktar ’il quddiem “Krka”).

    Sabiex itemm l-imsemmija tilwimiet, Servier ikkonkluda, bejn l‑2005 u l‑2007, ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja ma’ diversi manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi. Ma’ Krka, Servier ikkonkluda ftehim ta’ soluzzjoni bonarja li kien ikopri l-privattiva 947 u l-privattivi nazzjonali ekwivalenti, ftehim ta’ liċenzja u ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet Krka”). Dawn il-ftehimiet kienu jkopru l-Istati kollha li kienu membri tal-Unjoni Ewropea fid-data li fiha seħħew il-fatti, kif ukoll l-Istati li ma kinux membri tal-Unjoni u li kienu jikkostitwixxu s-swieq prinċipali ta’ Krka.

    Skont il-Kummissjoni, Servier u Krka kkonkludew ftehimiet bl-għan illegali li jaqsmu t-territorju tal-pajjiżi koperti f’żewġ sferi ta’ influwenza, li kienu jinkludu, fir-rigward ta’ kull waħda minnhom, is-swieq prinċipali tagħhom, li fihom huma setgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-assigurazzjoni, fir-rigward ta’ Servier, li ma kellux ikun suġġett, min-naħa ta’ Krka, minn pressjonijiet kompetittivi li kienu jeċċedu l-limiti li jirriżultaw minn dawn il-ftehimiet u, fir-rigward ta’ Krka, li ma tiħux ir-riskju li titressaq azzjoni għal kontrafazzjoni kontriha minn Servier.

    Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2014 ( 3 ), il-Kummissjoni kkonstatat li l-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Krka u mal-manifatturi l-oħra ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni pprojbiti mill-Artikolu 101 TFUE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li Servier kien kiser l-Artikolu 102 TFUE billi żviluppa u implimenta strateġija ta’ esklużjoni li tkopri s-suq tal-perindopril u tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv ta’ dan il-prodott mediċinali, fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja u fir-Renju Unit.

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni imponiet fuq Servier multi li jammontaw għal total ta’ EUR 289727200 għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, li minnhom EUR 37661800 minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-ftehimiet Krka, kif ukoll multa ta’ EUR 41270000 għall-ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Min-naħa tagħha, ġiet imposta multa ta’ EUR 10 miljun fuq Krka għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

    Adita b’rikorsi ppreżentati minn Servier u minn Krka, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji ta’ liġi meta kklassifikat il-ftehimiet Krka bħala ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE mingħajr ma stabbilixxiet l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew minħabba l-effett. Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE allegat fil-konfront ta’ Servier, il-Qorti Ġenerali qieset li d-definizzjoni tas-suq tal-perindopril adottata mill-Kummissjoni kienet ivvizzjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jivvizzjaw il-konstatazzjonijiet tagħha dwar il-pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq rilevanti.

    Konsegwentement, permezz ta’ żewġ sentenzi mogħtija fit‑12 ta’ Diċembru 2018 ( 4 ), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tal-ftehimiet Krka kif ukoll ksur tal-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll il-multi imposti rispettivament fuq Servier u Krka fir-rigward ta’ dan il-ksur.

    Il-Kummissjoni ppreżentat żewġ appelli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE

    A. Eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Servier u Krka

    Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fl-ewwel lok, l-ilmenti tal-Kummissjoni bbażati fuq żbalji ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ kompetizzjoni potenzjali mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

    Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, għall-finijiet tal-eżami fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE ta’ prattiki kollużivi fil-forma ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali bejn impriżi, bħall-ftehimiet Krka, kellu jiġi ddeterminat, fl-ewwel stadju, jekk dawn il-prattiki setgħux jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minn impriżi li kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni, anki jekk potenzjali biss. Jekk dan kellu jkun il-każ, kellu jiġi vverifikat, fit-tieni stadju, jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi ekonomiċi tagħhom, l-imsemmija prattiki kinux jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Meta l-għan antikompetittiv tal-imsemmija prattiki ma jkunx stabbilit, ikollhom jiġu eżaminati l-effetti tagħhom.

    Wara li saret din il-preċiżazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat l-ilmenti bbażati fuq żbalji ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ kompetizzjoni potenzjali effettivi, peress li l-Qorti Ġenerali kienet eżaminat diversi premessi tad-deċiżjoni kontenzjuża relatati mal-kwistjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Krka u Servier kif ukoll ċerti lmenti mressqa f’dan ir-rigward minn din tal-aħħar.

    Fuq il-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, peress li kienet iddeċidiet li, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, kien hemm indizji konkordanti li setgħu jagħtu x’jifhem lil Servier u lil Krka li l-privattiva 947 kienet valida, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dawn l-indizji li kompetizzjoni bejn dawn l-impriżi fis-swieq nazzjonali fi ħdan l-Unjoni kienet issa eskluża u li għalhekk ma kinitx għadha teżisti kompetizzjoni potenzjali bejniethom.

    Sabiex tasal għal tali konklużjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx baqgħet ma stabbilixxietx l-eżistenza, fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet Krka, ta’ possibbiltajiet reali u konkreti għal Krka li tidħol fis-suq rilevanti u li tikkompeti ma’ Servier, fid-dawl tal-passi preparatorji suffiċjenti u tan-nuqqas ta’ ostakoli għal dan id-dħul li huma ta’ natura insormontabbli.

    Madankollu, minflok ma għamlet il-verifiki neċessarji fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tafferma li Servier u Krka kienu konvinti li l-privattiva 947 kienet valida u li l-aġir ta’ Krka li jikkonsisti fiż-żamma tal-pressjoni kompetittiva fuq Servier seta’ jiġi spjegat mix-xewqa tiegħu li jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fin-negozjati eventwali sabiex jintlaħaq ftehim ta’ soluzzjoni bonarja flimkien ma’ ftehim ta’ liċenzja. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali żbaljat fir-rigward tar-rilevanza legali tas-sitwazzjoni ta’ privattiva kkonstatata fis-swieq inkwistjoni, kif ukoll tal-intenzjonijiet tal-partijiet. Barra minn hekk, hija naqset milli timmotiva l-konstatazzjoni impliċita tagħha li Servier u Krka ma kinux iktar kompetituri potenzjali, minkejja l-elementi tad-deċiżjoni kontenzjuża intiżi li juru l-kuntrarju.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, waqt l-eżami tagħha tal-kuntest li fih ġew konklużi l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, il-Qorti Ġenerali mhux biss żnaturat it-termini ċari u preċiżi ta’ deċiżjoni ta’ qorti Brittanika dwar kontrotalba għall-annullament tal-privattiva 947 imressqa minn Krka, iżda wkoll is-sens u l-portata tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-effetti ta’ deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UEP, li kienet ivvalidat din il-privattiva.

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-ilmenti tal-Kummissjoni bbażati fuq żbalji ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ kompetizzjoni potenzjali mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

    B. Klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żbalji ta’ liġi meta kkonkludiet li ma kienx hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

    Fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali qieset li, fil-preżenza ta’ tilwima reali dwar privattiva, ftehim ta’ soluzzjoni bonarja għal din it-tilwima, li kien jinkludi klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, relatat ma’ ftehim ta’ liċenzja li kien jirrigwarda din il-privattiva, seta’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan biss jekk il-Kummissjoni setgħet turi li dan il-ftehim ta’ liċenzja ma kienx jikkostitwixxi tranżazzjoni konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq u għalhekk kien jostor ħlas invertit.

    Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-raġunament ma ħax inkunsiderazzjoni n-natura stess tal-ftehimiet inkwistjoni, li kienu jikkonsistu mhux f’sempliċi ftehim ta’ soluzzjoni bonarja għal tilwima dwar privattiva bi ħlas invertit, iżda fi ftehim ta’ tqassim tas-swieq f’żewġ żoni, fejn waħda minnhom, barra minn hekk, ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

    Dan l-iżball ta’ liġi kien wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tivverifika l-klassifikazzjoni tal-prattika illegali imputata lil Servier u lil Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan billi tanalizza l-forma u l-karatteristiċi legali tal-ftehimiet intiżi li jimplimentaw din il-prattika, filwaqt li hija kellha l-obbligu tevalwa l-grad ta’ noċività ekonomika tal-imsemmija ftehimiet billi twettaq analiżi ddettaljata tal-karatteristiċi tagħhom, kif ukoll tal-għanijiet tagħhom u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li kienu jagħmlu parti minnu.

    Barra minn hekk, billi qieset li, peress li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka ma rriżervawx parti mis-suq għal Krka, ma setax jiġi konkluż li kien hemm qsim ta’ suq, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101(1)(c) TFUE, fid-dawl tal-fatt li l-projbizzjoni tal-ftehimiet li tikkonsisti fit-tqassim tas-swieq stabbiliti minn din id-dispożizzjoni ma kinitx limitata għall-ftehimiet li jistabbilixxu tqassim “ermetiku” bejn is-swieq.

    Iktar minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi ieħor meta introduċiet, fir-raġunament tagħha dwar l-assenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, kunsiderazzjonijiet dwar in-natura allegatament ipotetika tal-effetti potenzjali tal-ftehimiet inkwistjoni, filwaqt li ma kienx hemmx lok li jiġu mfittxija u lanqas a fortiori li jintwerew l-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ prattiki kklassifikati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, inkluż fil-kuntest ta’ eventwali eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-aġir ikkonċernat jippreżentax il-grad ta’ noċività meħtieġ għall-finijiet ta’ tali klassifikazzjoni.

    Bl-istess mod, billi kkritikat lill-Kummissjoni talli ma wrietx, essenzjalment, li Servier jew Krka kellhom l-intenzjoni li jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejniethom, minkejja li tali prova ma kinitx meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni libera tal-prova meta kkonstatat li kienet teżisti distinzjoni fid-dritt, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi frammentarji u sparsi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur, bejn is-sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni kellha l-kontenut ta’ ftehimiet antikompetittivi u dawk li fihom hija ma kellhiex tali kontenut. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi addizzjonali meta kkonstatat li deduzzjonijiet misluta minn estratti parzjali ta’ posta elettronika jew ta’ dokumenti oħra intiżi li jistabbilixxu l-intenzjonijiet tal-partijiet ma setgħux faċilment iqiegħdu f’dubju konklużjoni bbażata fuq il-kontenut stess tal-ftehimiet inkwistjoni.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-possibbiltà li liċenzja ta’ privattiva setgħet tipproduċi, f’ċerti swieq ġeografiċi, effetti favur il-kompetizzjoni kienet totalment irrilevanti sabiex jiġi evalwat jekk kienx hemmx lok li tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan skont l-Artikolu 101(1) TFUE. Billi ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti pożittivi tal-ftehim ta’ liċenzja Krka fis-swieq prinċipali ta’ Krka, il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, iktar u iktar peress li s-swieq prinċipali ta’ Krka ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

    Fid-dawl tal-iżbalji msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar in-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ikkawżat mill-ftehimiet Krka kien, kollu kemm hu, ivvizzjat b’illegalità.

    C. Klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett

    Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkritika l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-ftehimiet Krka kellhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni potenzjali, peress li din l-istituzzjoni ma kienx irnexxilha tipprova li, fin-nuqqas ta’ dawn il-ftehimiet, Krka kienet probabbilment tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi kkawżati minn ftehim bejn impriżi, is-sitwazzjoni kompetittiva li tirriżulta minn dan il-ftehim kellha tiġi pparagunata ma’ dik li kienet teżisti fl-assenza tiegħu. Dan il-metodu, imsejjaħ “kontrofattwali”, kien jimplika n-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret tal-ftehim. Għalhekk, ix-xenarju kontrofattwali, previst mill-assenza tal-imsemmi ftehim, kellu jkun realistiku u kredibbli.

    Fid-dawl ta’ din il-preċiżazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, fi tliet aspetti prinċipali, il-karatteristiċi tal-metodu kontrofattwali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka kienet ibbażata fuq approċċ ipotetiku u eżami inkomplet ta’ dawn l-effetti, peress li l-Kummissjoni ma inkludietx fix-xenarju kontrofattwali l-iżvolġiment reali tal-avvenimenti li seħħew wara dan il-ftehim. Madankollu, dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li x-xenarju kontrofattwali li, mid-definizzjoni tiegħu stess, kien ipotetiku, fis-sens li ma kienx seħħ, ma setax ikun ibbażat fuq elementi sussegwenti għall-konklużjoni tal-imsemmi ftehim.

    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-ġurisprudenza li tgħid li ftehim bejn impriżi jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effetti potenzjali tiegħu ma tibqax tapplika meta dan il-ftehim ikun ġie implimentat, abbażi tal-fatt li l-effetti reali tal-imsemmi ftehim fuq il-kompetizzjoni jistgħu jiġu osservati. Fil-fatt, meta ftehim ma jwassalx sabiex jiġi emendat, iżda, għall-kuntrarju, sabiex jinżamm in-numru jew l-aġir ta’ impriżi kompetituri diġà preżenti fi ħdan dan suq, sempliċi paragun bejn is-sitwazzjonijiet ikkonstatati fl-imsemmi suq qabel u wara l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim ikun insuffiċjenti sabiex jippermetti li jiġi konkluż li ma hemmx effett antikompetittiv, peress li l-effett antikompetittiv huwa dovut għat-tneħħija ċerta, minħabba l-imsemmi ftehim, ta’ sors ta’ kompetizzjoni li, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, jibqa’ potenzjali.

    It-tielet nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta tistabbilixxi x-xenarju kontrafattwali bl-għan li jiġi eżaminat ftehim ta’ soluzzjoni bonarja għal tilwima dwar privattivi bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali ta’ oriġinaturi u manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata twettaq konstatazzjoni definittiva dwar il-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ dan tal-aħħar fit-tilwima relatata mal-privattiva jew mal-probabbiltà ta’ konklużjoni ta’ ftehim inqas restrittiv. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE meta ddeċidiet li l-Kummissjoni baqgħet ma pprovatx li, fl-assenza tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja, Krka probabbilment kienet tidħol fis-swieq inkwistjoni u li t-tkomplija tal-proċeduri kontenzjużi li jikkontestaw il-validità tal-privattiva 947 kienet b’mod probabbli, u saħansitra plawżibbli, tippermetti annullament iktar rapidu jew iktar komplet ta’ din il-privattiva.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-iżbalji ta’ liġi identifikati b’dan il-mod kienu jivvizzjaw b’illegalità r-raġunament kollu tal-Qorti Ġenerali li ċaħad il-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett tal-ftehimiet Krka.

    Fuq il-ksur tal-Artikolu 102 TFUE

    Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li d-definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti adottata mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-eżami tagħha tal-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti minn Servier kienet ivvizzjata bi żbalji ta’ natura li jivvizzjaw dan l-eżami. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kienet ikkritikat b’mod partikolari lill-Kummissjoni talli llimitat b’mod żbaljat is-suq rilevanti għall-perindopril biss, bl-esklużjoni tal-prodotti mediċinali l-oħra li jaqgħu taħt il-klassi tal-inibituri tal-enżima ta’ konverżjoni (iktar ’il quddiem il-“prodotti mediċinali IEK”).

    Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-determinazzjoni tas-suq rilevanti, li hija prerekwiżit għall-evalwazzjoni ta’ eventwali pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, tippreżupponi li jiġi ddefinit, fl-ewwel lok, is-suq tal-prodotti, sussegwentement, fit-tieni lok, is-suq ġeografiku tiegħu.

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ suq rilevanti jimplika livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà bejn il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti minnu. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-eżami tas-sostitwibbiltà ekonomika bejn il-prodotti mediċinali, dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tat-trasferimenti tal-bejgħ bejn prodotti mediċinali intiżi għall-istess indikazzjoni terapewtika, ikkawżati mill-bidliet fil-prezzijiet relattivi ta’ dawn il-prodotti mediċinali. Il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ tali sostitwibbiltà turi l-eżistenza ta’ suq distint, u dan irrispettivament mill-kawżi tiegħu.

    Peress li l-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm interkambjabbiltà bejn il-perindopril u l-prodotti mediċinali l-oħra IEK fir-rigward tal-konstatazzjoni, mhux ikkontestata minn Servier, dwar l-inelastiċità tad-domanda tal-perindopril meta mqabbla mat-tnaqqis kbir fil-prezzijiet tal-prodotti mediċinali IEK l-oħra fis-swieq ikkonċernati, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkritikat lill-Kummissjoni talli llimitat is-suq rilevanti għall-perindopril biss.

    Peress li l-Qorti Ġenerali kienet sussegwentement qieset li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril kienet ibbażata fuq id-delimitazzjoni żbaljata tas-suq rilevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kienu bbażati fuq premessa żbaljata u, minħabba f’hekk, kienu wkoll ivvizzjati b’illegalità.

    Peress li l-aggravji tal-Kummissjoni dwar l-iżbalji msemmija iktar ’il fuq intlaqgħu, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat parzjalment is-sentenzi appellati.

    Fuq ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn Servier u minn Krka

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-ħames lok, li l-kawża kienet fi stat li tiġi deċiża fir-rigward tal-motivi mressqa minn Servier u minn Krka quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi kkontestata l-klassifikazzjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan kif ukoll il-klassifikazzjoni tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja u tal-ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett.

    Fir-rigward, minn naħa, tal-klassifikazzjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tikklassifika dawn il-ftehimiet bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali eżerċitata fuq Servier minn Krka. Għal dan l-għan, kellu jiġi eżaminat jekk fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmija ftehimiet, kinux jeżistu possibbiltajiet reali u konkreti li Krka tidħol fis-suq tal-perindopril u tikkompeti ma’ Servier.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-eżistenza ta’ privattiva li tipproteġi l-proċess ta’ manifattura ta’ sustanza attiva li tkun daħlet fid-dominju pubbliku ma tistax, bħala tali, titqies li tkun ostakolu insormontabbli għad-dħul fis-suq ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi abbażi ta’ din is-sustanza attiva. Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ tali privattiva ma tipprekludix li jiġi kklassifikat bħala kompetitur potenzjali tal-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinatur ikkonċernat manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jkollu effettivament id-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità inerenti li jidħol fis-suq u li, permezz tal-passi mwettqa minnu, juri li jkun lest li jikkontesta l-validità ta’ din il-privattiva u jkun suġġett għar-riskju, mad-dħul tiegħu fis-suq, li titressaq fil-konfront tiegħu azzjoni għal kontrafazzjoni mill-proprjetarju ta’ din il-privattiva.

    Fir-rigward tad-determinazzjoni soda ta’ Krka li tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tikkummerċjalizza l-perindopril tagħha minkejja t-telfiet ġudizzjarji li kienet ġarrbet fl-2006 f’tilwimiet relatati mal-privattivi li kellha kontra Servier, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li mill-provi ċċitati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li Krka ma kinitx waqqfet l-isforzi tagħha sabiex tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier.

    Barra minn hekk, il-fatt li Krka innegozjat ma’ Servier bl-għan li tikkonkludi l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka lanqas ma huwa biżżejjed sabiex jintwera li Krka ma kellhiex iktar id-determinazzjoni soda li tikkompeti ma’ Servier.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li Krka kienet kompetitur potenzjali ta’ Servier fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat, it-tieni nett, jekk il-Kummissjoni qisitx b’mod żbaljat li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kellhom l-għan li jaqsmu s-swieq tal-perindopril.

    F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li l-fatt li ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja għal tilwima fil-qasam tal-privattivi, l-istess bħal ftehimiet ta’ liċenzja assoċjati ma’ tali ftehimiet, jistgħu jiġu konklużi b’għan li jista’ jkun leġittimu ma jistax jeskludihom mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jekk jirriżulta li l-imsemmija ftehimiet ikunu intiżi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. F’dan il-każ, barra minn hekk, kien jirriżulta b’mod ċar mit-termini tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka u miċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni tagħhom li huma marbuta ekonomikament u u ma jistgħux jiġu eżaminati separatament.

    L-effett konġunt tal-ftehim ta’ liċenzja Krka, li permezz tiegħu Servier irrinunzja milli jopponi l-kummerċjalizzazzjoni minn Krka ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril fis-swieq prinċipali ta’ din tal-aħħar, u tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja, li jipprevedi obbligu ta’ nuqqas ta’ kontrafazzjoni minn Krka fis-swieq prinċipali ta’ Servier, kien ekwivalenti, minn perspettiva ekonomika, għal quid pro quo, li ppermetta lil Servier u Krka jżommu, fis-swieq prinċipali rispettivi tagħhom, pożizzjoni iktar favorevoli. Tali sett ta’ ftehimiet jimplika, fil-prinċipju, qsim ta’ dawn is-swieq u, għalhekk, restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li ma tistax tiġi rrelativizzata jew ikkumpensata b’eventwali effetti pożittivi jew effetti favorevoli għall-kompetizzjoni f’suq li jkun.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata kienu juru l-eżistenza tal-prattika intiża, għal Servier u Krka, li jinqasam is-suq tal-perindopril permezz tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, u li huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni ta’ din il-prattika bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-klassifikazzjoni tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja u tal-ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li kienet il-Kummissjoni li kellha tqabbel is-sitwazzjoni kompetittiva li tirriżulta minn dawn il-ftehimiet mas-sitwazzjoni kompetittiva li tirriżulta minn xenarju kontrofattwali realistiku u kredibbli. Sa fejn, f’dan il-każ, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni inkwistjoni kienet tirrigwarda l-eliminazzjoni tas-sors ta’ kompetizzjoni potenzjali eżerċitata minn Krka fuq Servier, l-analiżi tax-xenarju kontrofattwali kienet tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tal-eżistenza ta’ din il-kompetizzjoni potenzjali.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet validament tqis li Krka kienet tirrappreżenta waħda mill-iktar theddidiet immedjati għal Servier, minħabba l-fatt li hija kellha possibbiltajiet reali u konkreti li tidħol fis-swieq fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit. Fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka, din il-possibbiltà ta’ dħul min-naħa ta’ Krka, permezz tal-perindopril tagħha, kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, ma kinitx tiġi eliminata. Konsegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-eliminazzjoni, permezz tal-implimentazzjoni tal-imsemmija ftehimiet, ta’ dan is-sors ta’ kompetizzjoni potenzjali kellha l-effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni b’mod sostanzjali. Dan l-effett, li la kien ipotetiku u lanqas potenzjali, iżda reali, kien ta’ natura li jiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni li saret fid-deċiżjoni kontenzjuża.

    Wara li ddeċidiet dwar ċerti motivi mressqa minn Servier u minn Krka quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kawża ma kinitx, madankollu, fi stat li tiġi deċiża fl-intier tagħha. Għaldaqstant, hija bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja Krka, kif ukoll, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Servier et (C‑176/19 P), dwar il-kumplament tal-motivi relatati mal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE u dwar il-motivi sussidjarji intiżi li jikkontestaw l-ammont tal-multa.


    ( 1 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni (T‑691/14, EU:T:2018:922) u Krka vs Il-Kummissjoni (T‑684/14, EU:T:2018:918) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi appellati”).

    ( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 4955 final tad‑9 ta’ Lulju 2014 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 102 [TFUE] [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    ( 3 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2.

    ( 4 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1.

    Top