This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0152
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Marzu 2021.
Deutsche Telekom AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Slovakk tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja – Obbligu ta’ aċċess regolatorju għal-linja lokali għall-operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva – Kundizzjonijiet stabbiliti mill-operatur stabbilit għall-aċċess diżassoċjat ta’ operaturi oħra għal-linja lokali – Natura indispensabbli tal-aċċess – Imputabbiltà tal-aġir tas-sussidjarja lill-kumpannija omm – Drittijiet tad-difiża.
Kawża C-152/19 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Marzu 2021.
Deutsche Telekom AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Slovakk tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja – Obbligu ta’ aċċess regolatorju għal-linja lokali għall-operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva – Kundizzjonijiet stabbiliti mill-operatur stabbilit għall-aċċess diżassoċjat ta’ operaturi oħra għal-linja lokali – Natura indispensabbli tal-aċċess – Imputabbiltà tal-aġir tas-sussidjarja lill-kumpannija omm – Drittijiet tad-difiża.
Kawża C-152/19 P.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:238
Kawża C-152/19 P
Deutsche Telekom AG
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
u
Slovanet, a.s
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Marzu 2021
“Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Slovakk tas-servizzi tal-internet broadband – Obbligu ta’ aċċess regolamentari għaċ-ċirkwit lokali għall-operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva – Kundizzjonijiet stabbiliti mill-operatur preeżistenti għall-aċċess diżaggregat minn operaturi oħra għaċ-ċirkwit lokali – Natura indispensabbli tal-aċċess – Imputabbiltà tal-aġir tas-sussidjarja lill-kumpannija omm – Drittijiet tad-difiża”
Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Rifjut ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li tħalli lil impriża oħra taċċedi għal prodott jew servizz neċessarju għall-attività tagħha – Aċċess minn impriżi terzi għaċ-ċirkwit lokali tal-operatur preeżistenti fis-suq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni broadband – Iffissar ta’ kundizzjonijiet inġusti għall-aċċess li jirriżultaw f’rifjut ta’ aċċess impliċitu – Evalwazzjoni tan-natura abbużiva – Obbligu għall-Kummissjoni li turi n-natura indispensabbli tal-aċċess għaċ-ċirkwit lokali għad-dħul fis-suq tal-operaturi kompetituri – Assenza
(Artikolu 102 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 54)
(ara l-punti 40 sa 60)
Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija omm u sussidjarji – Unità ekonomika – Kriterji ta' evalwazzjoni – Eżerċizzju ta’ influwenzza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja li jista’ jiġi dedott minn sensiela ta’ indizji relattivi għar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi mal-kumpannija omm – Ċirkustanzi li jippermettu l-konfemra tal-eżistenza ta’ influwenza determinanti – Preżenza ta’ eżekuttiv anzjan fil-bord tad-diretturi tas-sussidjarja – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kollaboraturi mas-sussidjarja – Riċezzjoni regolari ta’ informazzjoni dwar l-istrateġija kummerċjali tas-sussidjarja
(Artikolu 102 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 54)
(ara l-punti 72 sa 87, 94 sa 97)
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Kontenut neċessarju – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Provi ġodda li saru magħrufa mill-persuna kkonċernata fi stadju avvanzat ħafna – Ftehim ta’ terminu qasir biex jitressqu osservazzjonijiet – Ammissibbiltà
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))
(ara l-punti 105 sa 106)
Sunt
Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli ppreżentati minn Slovak Telekom u minn Deutsche Telekom mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali dwar il-prattiki antikompetittivi fis-suq Slovakk tat-telekomunikazzjonijiet. Il-multa ta’ EUR 38 061 963, li għaliha huma responsabbli in solidum dawn iż-żewġ kumpanniji, u dik li tammonta għal EUR 19 030 981, li għaliha hija responsabbli Deutsche Telekom biss, jibqgħu għalhekk l-istess.
Slovak Telekom a.s. (iktar ’il quddiem “ST”) toffri, bħala operatur storiku ta’ telekomunikazzjonijiet fis-Slovakkja, servizzi broadband fuq in-netwerks fissi tar-ram u tal-fibra ottika tagħha. In-networks ta’ ST jinkludu wkoll il-“linja lokali”, jiġifieri l-linji fiżiċi li jorbtu, minn naħa, is-sokit telefonika tal-abbonat u, min-naħa l-oħra, is-swiċċ prinċipali tan-netwerk tat-telefon fiss.
Wara analiżi tas-suq nazzjonali tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali Slovakka fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet adottat, fit-8 ta’ Marzu 2005, deċiżjoni li identifikat lil ST bħala operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq bl-ingrossa għall-aċċess disassoċjat għal-linja lokali. Konsegwentement, ST kienet obbligata, skont il-qafas regolatorju tal-Unjoni ( 1 ), li tagħti lill-operaturi alternattivi l-aċċess għal-linja lokali li tagħha kienet proprjetarja, biex b’hekk tippermetti lill-operaturi l-ġodda li jużaw din l-infrastruttura sabiex joffru s-servizzi tagħhom lill-utenti finali.
Fil-15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tissanzjona lil ST, kif ukoll lill-kumpannija omm tagħha, Deutsche Telekom AG (iktar ’il quddiem “DT”), talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Slovakk tas-servizzi tal-internet broadband, billi llimitat l-aċċess tal-operaturi alternattivi għal-linja lokali tagħha bejn l-2005 u l-2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-Kummissjoni kkritikat, b’mod iktar partikolari, lil ST kif ukoll lil DT, li kisru l-Artikolu 102 TFUE billi ffissaw modalitajiet u kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam tal-aċċess disassoċjat għal-linja lokali tagħha u applikat tariffi inġusti li ma kinux jippermettu lil operatur daqstant effettiv jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti minn ST mingħajr ma jsostni telf. B’hekk, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 38 838 000 fuq ST u fuq DT in solidum, kif ukoll multa ta’ EUR 31 070 000 fuq DT.
Permezz tas-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni ( 2 ) u Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni ( 3 ), il-Qorti Ġenerali qed tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata billi tiffissa l-multa li għaliha huma responsabbli in solidum ST u DT għal EUR 38061963, u dik li għaliha hija responsabbli biss din tal-aħħar għal EUR 19030981.
L-appelli ppreżentati minn ST u minn DT huma miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja li tippreċiża, f’dan il-kuntest, il-portata tas-sentenza tagħha Bronner ( 4 ) dwar il-klassifikazzjoni bħala abbużiva, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, ta’ rifjut ta’ aċċess għall-infrastrutturi miżmuma minn impriża dominanti. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet stabbilixxiet livell minimu ogħla sabiex tikkonkludi li prattika li tikkonsisti f’rifjut, minn impriża dominanti, li tqiegħed infrastruttura li tagħha hija proprjetarja għad-dispożizzjoni ta’ impriżi kompetituri hija inġusta.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, qabel kollox, li kull impriża, anki jekk dominanti, tibqa’, bħala prinċipju, libera li tirrifjuta li tikkuntratta u li topera l-infrastruttura li hija tkun żviluppat għall-bżonnijiet tagħha stess. Il-fatt li impriża dominanti, minħabba r-rifjut abbużiv tagħha li tikkonkludi kuntratti, tiġi obbliga tikkuntratta ma’ impriża kompetitriċi sabiex tagħtiha aċċess għall-infrastruttura tagħha stess huwa, għaldaqstant, partikolarment ta’ ħsara għal-libertà li jiġi konkluż kuntratt u għad-dritt ta’ proprjetà tal-impriża dominanti. B’hekk, meta impriża dominanti tirrifjuta li tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha, id-deċiżjoni li tobbligaha tagħti aċċess lill-kompetituri tagħha tista’ tiġi ġġustifikata biss, fuq il-livell tal-politika tal-kompetizzjoni, meta din l-impriża dominanti jkollha ħakma reali tas-suq ikkonċernat.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, sussegwentement, li l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner, u b’mod partikolari tat-tielet minn dawn il-kundizzjonijiet, tippermetti li jiġi ddeterminat jekk impriża dominanti għandhiex tali ħakma minħabba l-infrastruttura tagħha. Skont din is-sentenza, impriża dominanti tista’ tiġi obbligata tagħti aċċess għal infrastruttura li hija tkun żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha biss meta, l-ewwel nett, ir-rifjut ta’ dan l-aċċess ikun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni min-naħa tal-impriża kompetitriċi li titlob l-aċċess, it-tieni nett, dan ir-rifjut ma jkunx jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat u, it-tielet nett, tali aċċess ikun indispensabbli għall-attività tal-impriża kompetitriċi, jiġifieri li ma jkunx hemm sostitut reali jew potenzjali għal din l-infrastruttura.
Min-naħa l-oħra, meta impriża dominanti tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha iżda tissuġġetta dan l-aċċess għal kundizzjonijiet inġusti, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner ma japplikawx. Fil-fatt, għalkemm tali aġir jista’ jkun abbużiv inkwantu jista’ joħloq effetti antikompetittivi fis-swieq ikkonċernati, dan l-aġir ma jistax jitqabbel ma’ rifjut li jingħata aċċess mill-impriża dominanti għall-infrastruttura tagħha, peress li l-istanzi responsabbli għall-kompetizzjoni ma jistgħux iġiegħlu lil din l-impriża tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha, meta dan l-aċċess ikun diġà ngħata. Għaldaqstant, il-miżuri li għandhom jiġu imposti f’tali kuntest għandhom ikunu ta’ inqas preġudizzju għal-libertà tal-impriża dominanti li tikkuntratta u għad-dritt ta’ proprjetà tagħha milli l-fatt li din tiġi obbligata tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha meta hija kienet tirriżerva tali aċċess għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess.
Fid-dawl tal-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni, li jimponi fuq ST li tagħti aċċess għal-linja lokali tagħha lill-impriżi kompetituri, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li dan l-operatur ta’ telekomunikazzjonijiet Slovakk ma setax u realment ma rrifjutax li jagħti aċċess għaliha. Għall-kuntrarju, kien b’applikazzjoni tal-awtonomija deċiżjonali tagħha fir-rigward tal-konfigurazzjoni ta’ dan l-aċċess li ST stabbilixxiet il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess ikkontestati fid-deċiżjoni kkontestata. Peress li dawn ma kinux jikkostitwixxu rifjut ta’ aċċess paragunabbli għal dak li kien is-suġġett tas-sentenza Bronner, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din l-okkażjoni ma japplikawx f’dan il-każ. Konsegwentement, kuntrarjament għall-argumenti mressqa minn ST u minn DT, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi n-natura indispensabbli tal-aċċess għal-linja lokali ta’ ST għad-dħul fis-suq tal-operaturi kompetituri, sabiex tkun tista’ tikklassifika bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess ikkontestati.
Peress li qed jiġu miċħuda wkoll l-aggravji l-oħra invokati minn ST u minn DT, li b’mod partikolari jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-prattika tariffarja ta’ ST li wasslet għal kompressjoni tal-marġni u għall-imputabbiltà tal-ksur lil DT bħala kumpannija omm, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli kollha kemm huma.
( 1 ) B’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 83), u d-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).
( 2 ) Kawża T-827/14, EU:T:2018:930.
( 3 ) Kawża T-851/14, EU:T:2018:929.
( 4 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C-7/97, EU:C:1998:569).