Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0014

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2020.
    Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (CSUE) vs KF.
    Appell – Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN) – Membru tal-persunal bil-kuntratt tas-SATCEN – Ilmenti għal fastidju psikoloġiku – Investigazzjoni amministrattiva – Talba għal assistenza – Sospensjoni tal-membru tal-persunal – Proċeduri dixxiplinari – Tneħħija tal-membru tal-persunal – Bord tal-Appelli tas-SATCEN – Għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwim tal-persunal tas-SATCEN – Rikors għal annullament – L-ewwel u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Rikors għad-danni – Artikolu 268 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Ammissibbiltà – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Natura kuntrattwali tat-tilwima – Artikoli 272 u 274 TFUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali – Żnaturament tal-fatti u tal-provi – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
    Kawża C-14/19 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:492

    Kawża C14/19 P

    Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN)

    vs

    KF

     Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2020

    “Appell – Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN) – Membru tal-persunal bil-kuntratt tas-SATCEN – Ilmenti għal fastidju psikoloġiku – Investigazzjoni amministrattiva – Talba għal assistenza – Sospensjoni tal-membru tal-persunal – Proċeduri dixxiplinari – Tneħħija tal-membru tal-persunal – Bord tal-Appelli tas-SATCEN – Għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwim tal-persunal tas-SATCEN – Rikors għal annullament – L-ewwel u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Rikors għad-danni – Artikolu 268 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Ammissibbiltà – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Natura kuntrattwali tat-tilwima – Artikoli 272 u 274 TFUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali – Żnaturament tal-fatti u tal-provi – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

    1.        Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN) – Regolamenti tal-Persunal – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Possibbiltà għall-Kunsill li jeskludi l-ġurisdizzjoni kemm tal-qrati nazzjonali kif ukoll tal-Qorti Ġenerali sabiex jiddeċiedu dwar it-tilwim bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tiegħu – Assenza

    (Artikolu 2 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/747/PESK, Artikolu 28(6) u Anness X, punt 1)

    (ara l-punti 59, 62 sa 65)

    2.        Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi – Deċiżjonijiet ta’ sospensjoni, ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari u ta’ tneħħija ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt adottati miċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea – Inklużjoni

    (Artikoli 263 u 270 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/747/PESK u 2014/401/PESK)

    (ara l-punti 69 sa 77)

    3.        Rikors għal annullament – Rikors li fil-verità jirrigwarda tilwima ta’ natura kuntrattwali – Annullament ta’ att li jaqa’ f’kuntest kuntrattwali – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni taħt l-Artikolu 263 TFUE – Inammissibbiltà – Eċċezzjoni – Deċiżjonijiet adottati miċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea li għandhom l-effett li jtemmu l-kuntratt ta’ wieħed mill-membru tal-persunal tiegħu – Ġurisdizzjoni esklużiva ta’ bord tal-appell – Ħtieġa li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qorti nazzjonali jew qorti tal-Unjoni

    (Artikoli 263, 268, 272 u 274 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/747/PESK, Artikolu 28(6))

    (ara l-punti 78 sa 86)

    4.        Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Atti adottati miċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea li għandhom l-effett li jtemmu l-kuntratt ta’ wieħed mill-membru tal-persunal tiegħu – Inklużjoni

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE; l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/747/PESK, Artikolu 28(6) u Anness X, punt 1)

    (ara l-punti 92 sa 95)

    5.        Uffiċjali – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Obbligu li l-persuna kkonċernata tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jikkawżawlha preġudizzju – Portata – Ksur – Konsegwenzi

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2); Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/747/PESK, Anness IX, Artikoli 1(1) u (2)

    (ara l-punti 117 sa 121, 123)

    Sunt

    Fis-sentenza SATCEN vs KF (C‑14/19 P), mogħtija fil-25 ta’ Ġunju 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fl-appell, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (1) li kienet, minn naħa, annullat żewġ deċiżjonijiet tad-Direttur taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN) (2), dwar is-sospensjoni u t-tneħħija ta’ KF, membru tal-persunal bil-kuntratt, rispettivament, u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli tas-SATCEN mogħtija fil-kuntest tal-istess tilwima (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi) kif ukoll, min-naħa l-oħra, ikkundannat lis-SATCEN iħallas lil KF is-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-dannu morali subit.

    KF kienet ġiet irreklutata mis-SATCEN mill-1 ta’ Awwissu 2009 bħala l-Kap tad-Diviżjoni Amministrattiva. Meta disfunzjoni fir-relazzjonijiet umani fi ħdan din id-diviżjoni kienet ġiet irrilevata, u wara lment dwar l-aġir u l-kondotta ta’ KF, infetħet investigazzjoni amministrattiva fil-konfront tagħha. Fi tmiem din l-investigazzjoni, l-Assistent Direttur tas-SATCEN ikkonkluda li l-fatti li bihom kienet akkużata KF kienu kkonfermati u kienu jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku. Konsegwentement, id-Direttur tas-SATCEN iddeċieda li jibda proċeduri dixxiplinari kontra KF u li jissospendiha mill-funzjonijiet tagħha. Fi tmiem dawn il-proċeduri, id-Direttur tas-SATCEN neħħa lil KF mill-pożizzjoni tagħha għal raġunijiet dixxiplinari; l-ilment amministrattiv imressaq minn KF kontra din id-deċiżjoni quddiem id-Direttur taċ-Ċentru ġie miċħud, kif ukoll l-appell quddiem il-Bord tal-Appelli tas-SATCEN, istanza li d-deċiżjonijiet tagħha, li huma eżekuttivi għaż-żewġ partijiet, ma jistgħux jiġu appellati (3).

    KF ressqet rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament, b’mod partikolari, tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u sabiex is-SATCEN jiġi kkundannat iħallasha s-salarju li ma rċevitx u s-somma ta’ EUR 500 000 għad-dannu morali subit. Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat, b’mod partikolari, motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, hija qajmet, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, minħabba li din id-dispożizzjoni tagħmel lill-Bord tal-Appelli l-unika istanza ta’ stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tad-Direttur tas-SATCEN, u b’hekk teżenta lil dawn id-deċiżjonijiet minn kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju. Peress li l-Qorti Ġenerali laqgħat l-eċċezzjoni ta’ illegalità u laqgħat parzjalment ir-rikors, is-SATCEN appella mis-sentenza appellata. Insostenn, huwa qajjem erba’ aggravji, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors fl-ewwel istanza, fuq l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, fuq żnaturament tal-fatti u ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, rispettivament.

    Meta eżaminat, fl-ewwel lok, l-aggravji bbażati fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors fl-ewwel istanza u l-inammissibbiltà ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, l-ewwel nett, li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jawtorizzax istituzzjoni tal-Unjoni sabiex tintroduċi kundizzjonijiet u arranġamenti partikolari li jeżentaw tilwim li jinvolvi l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-ġurisdizzjoni kemm tal-qrati tal-Istati Membri kif ukoll tal-qorti tal-Unjoni. Madankollu, dan huwa l-effett tad-dispożizzjoni li tagħti lill-Bord tal-Appelli ġurisdizzjoni esklużiva sabiex japplika u jinterpreta, mingħajr il-possibbiltà ta’ appell, ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, li jinsab f’deċiżjoni adottata mill-Kunsill u jinkludi, minħabba f’dan, dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-għoti ta’ ġurisprudenza esklużiva lill-imsemmi Bord tal-Appelli tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (4) li tipprovdi li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni.

    It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjonijiet kontenzjużi jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitqiesu li huma atti li jistgħu jiġu kkontestati, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, huma jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tas-SATCEN u huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi ta’ KF, li hija d-destinatarja tagħhom u li lilha jikkawżaw preġudizzju, billi jbiddlu b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni legali tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li r-relazzjoni ta’ impjieg eżistenti bejn KF u s-SATCEN, li għaliha l-Artikolu 270 TFUE ma japplikax, ma tippermettix li jitqies li t-tilwima ma hijiex bejn is-SATCEN u terz fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Din ir-relazzjoni ta’ impjieg ma teskludix, għaldaqstant, din it-tilwima mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li ż-żamma tal-koerenza tas-sistema ġudizzjarja teżiġi, fil-prinċipju, li l-qorti tal-Unjoni tirrinunzja għall-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 263 TFUE, meta s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent tkun tidħol fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali li jaqgħu taħt il-kompetenzi previsti fl-Artikoli 272 u 274 TFUE. Madankollu, f’kuntest fejn huwa eskluż kull stħarriġ ġudizzjarju, skont l-Artikoli 272 jew 274 TFUE, mill-qrati nazzjonali u mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjonijiet adottati mis-SATCEN, din ir-rinunzja mill-qorti tal-Unjoni ma hijiex iġġustifikata mill-għan li tinżamm il-koerenza tas-sistema ġudizzjarja. F’tali ċirkustanzi, sabiex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, huwa l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 263 TFUE.

    Ir-raba’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, għalkemm ir-rabta inizjali tas-SATCEN mal-Unjoni tal-Ewropa tal-Punent, li hija organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva, fil-passat kienet timpika li s-sitwazzjoni tal-persunal tas-SATCEN ma setgħetx tiġi assimilata ma’ dik tal-membri tal-persunal tal-Komunità Ewropea, dan ma għadux il-każ sa mid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat ta’ Lisbona, peress li t-tilwim bejn is-SATCEN u l-persunal tiegħu juru, sa minn din id-data, sitwazzjoni paragunabbli għal dik tat-tilwim bejn il-membri tal-persunal tal-Unjoni u l-persuna li timpjegahom. Bl-istess mod, id-deroga mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (5) ma teskludix il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ atti ta’ ġestjoni tal-persunal bħad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

    Meta eżaminat, fit-tieni lok, l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li kemm mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jinkludi d-dritt għal smigħ, kif ukoll mir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN (6) jirriżulta li l-Assistent Direttur tas-SATCEN, qabel ma silet konklużjonijiet fi tmiem l-investigazzjoni interna u, fi kwalunkwe każ, id-Direttur tas-SATCEN, qabel ma beda l-proċedura dixxiplinari fil-konfront ta’ KF, kienu obbligati jirrispettaw id-dritt tagħha għal smigħ. Għal dan il-għan, dawn kellhom jikkomunikaw lill-persuna kkonċernata, l-fatti li jikkonċernawha u jagħtuha terminu raġonevoli sabiex tipprepara l-osservazzjonijiet tagħha. Din il-komunikazzjoni kellha ssir, tal-inqas, permezz ta’ sunt tad-dikjarazzjonijiet użati, stabbilit fl-osservanza ta’ interessi leġittimi potenzjali ta’ kunfidenzjalità tax-xhieda mistoqsija.


    1      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2018, KF vs SATCEN (T‑286/15, EU:T:2018:718)


    2      Fis-27 ta’ Ġunju 1991, il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni tal-Ewropa tal-Punent (UEP) adotta deċiżjoni dwar il-ħolqien ta’ ċentru operattiv ta’ data satellitari. Fl-10 ta’ Novembru 2000, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li joħloq, taħt il-forma ta’ aġenzija tal-Unjoni Ewropea, ċentru satellitari li jinkludi l-elementi rilevanti ta’ dak stabbilit fi ħdan l-UEP. Dan iċ-ċentru twaqqaf permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/555/PESK tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar it-twaqqif ta’ ċentru tas-Satelliti ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 187). Sussegwentement, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/401/PESK tas-26 ta’ Ġunju 2014 dwar is-SATCEN u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2001/555, dwar it-twaqqif ta’ ċentru tas-Satelliti ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 188, p. 73), li issa tikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku applikabbli għas-SATCEN


    3      Bis-saħħa tal-Artikolu 28(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/747/PESK tal-14 ta’ Settembru 2009 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 276, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN”). Il-kompożizzjoni, il-funzjonament u l-proċedura ta’ din l-istanza huma deskritti fl-Anness X tad-Deċiżjoni 2009/747


    4      Opinjoni 1/17, tat-30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 111, u s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 167


    5      L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE


    6      Artikolu 1(1) u (2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN

    Top