Dokument je izvleček s spletišča EUR-Lex.
Dokument 62018TJ0343
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tad-29 ta’ Settembru 2021 (Estratti).
Tokin Corp. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Koordinazzjoni tal-prezzijiet fiż-ŻEE kollha – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Valur tal-bejgħ – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti.
Kawża T-343/18.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tad-29 ta’ Settembru 2021 (Estratti).
Tokin Corp. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Koordinazzjoni tal-prezzijiet fiż-ŻEE kollha – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Valur tal-bejgħ – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti.
Kawża T-343/18.
Zbirka odločb – splošno – razdelek „Informacije o neobjavljenih odločbah“
Oznaka ECLI: ECLI:EU:T:2021:636
Kawża T-343/18
Tokin Corp.
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tad-29 ta’ Settembru 2021
“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Koordinazzjoni tal-prezzijiet fiż-ŻEE kollha – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Valur tal-bejgħ – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti”
Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Sostituzzjoni tal-motivi tal-att ikkontestat
(Artikoli 101, 102, 261 u 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)
(ara l-punti 44-48)
Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata – Dħul mill-bejgħ magħmul bil-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur – Teħid inkunsiderazzjoni rispettiv – Limiti – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ imwettaq b’rabta diretta jew indiretta mal-ksur
(Artikoli 101 u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 13)
(ara l-punti 58, 59)
Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Gravità tal-ksur – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni rriżervat għall-Kummissjoni – Limiti – Osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet
(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 13)
(ara l-punti 60-63, 65, 66)
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Natura provviżorja – Obbligu għall-Kummissjoni li fid-deċiżjoni finali tispjega d-differenzi li jeżistu bejnha u l-evalwazzjonijiet provviżorji tagħha – Assenza – Deċiżjoni finali li tikkonstata data tat-tmiem tal-ksur differenti minn dik li hija kkunsidrat, provviżorjament, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Ammissibbiltà
(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27)
(ara l-punti 81-85)
Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Sena ta’ referenza – L-aħħar sena sħiħa tal-ksur – Użu ta’ diversi snin ta’ referenza għall-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur – Użu ta’ perijodu ta’ referenza ieħor għal impriża li waqfet tbigħ il-prodotti suġġetti għal akkordju – Ammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza
(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 13)
(ara l-punti 101-104, 110-114, 116-119, 120)
Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Gravità tal-ksur – Teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur, għall-finijiet tal-aġġustament u mhux tal-iffissar tal-ammont bażiku – Ammissibbiltà
(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafi 19 sa 22)
(ara l-punti 131, 132, 138, 139, 141)
Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Issuġġettar għal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi – Esklużjoni – Obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)
(ara l-punti 160-164)
Sunt
Tokin Corp. (iktar ’il quddiem “Tokin”) hija kumpannija stabbilita fil-Ġappun, li timmanifattura u tbigħ kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju. Mill-1 ta’ Awwissu 2009 sal-31 ta’ Jannar 2013, Tokin kienet miżmuma 100 % minn Nec Corp.
Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2018 ( 1 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li Tokin u Nec Corp. kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw fi ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li kellhom bħala għan il-koordinazzjoni tal-politiki tal-prezzijiet għall-provvista ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà ta’ Tokin, minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha f’dan l-akkordju mid-29 ta’ Jannar 2003 sat-23 ta’ April 2012, u r-responsabbiltà ta’ Nec Corp., fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm, għall-perijodu mill-1 ta’ Awwissu 2009 sat-23 ta’ April 2012. Id-deċiżjoni kkontestata kienet timponi, minn naħa, multa fuq Tokin, flimkien u in solidum ma’ Nec Corp. u, min-naħa l-oħra, multi individwali fuq Tokin u fuq Nec Corp. rispettivament.
Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-imsemmija multi, il-Kummissjoni segwiet il-metodoloġija esposta fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi ( 2 ).
Għall-kalkolu tal-multi imposti fuq Tokin, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażiku billi rreferiet, qabel kollox, għall-valur tal-bejgħ tal-kapaċitaturi elettrolitiċi kkonċernati matul l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur u billi sussegwentement applikat koeffiċjent multiplikatur għat-tul ta’ żmien li jikkorrispondi għall-perijodu bejn id-29 ta’ Jannar 2003 u t-23 ta’ April 2012. Billi qieset li l-arranġamenti orizzontali ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet huma, min-natura tagħhom stess, fost l-iktar ksur gravi tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni ffissat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jintuża skont il-gravità tal-ksur għal 16 %. Sabiex tiżgura ruħha min-natura suffiċjentement dissważiva tal-multi imposti, il-Kummissjoni applikat barra minn hekk ammont addizzjonali ta’ 16 %.
Fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku, il-Kummissjoni tat lil Tokin u lil Nec Corp. tnaqqis ta’ 3 % tal-ammont bażiku tal-multa, minħabba li l-parteċipazzjoni tagħhom f’ċerti laqgħat ma kinitx stabbilita. Għall-kooperazzjoni tagħhom skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 ( 3 ), Tokin u Nec Corp. barra minn hekk kisbu tnaqqis ta’ 15 % tal-ammont ta’ kwalunkwe multa li, fin-nuqqas tagħha, kienet tiġi imposta fuqhom għall-ksur.
Tokin ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li madankollu huwa miċħud mid-Disa’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ta’ Tokin ibbażat, minn naħa, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu l-Kummissjoni biddlet id-data tat-tmiem tal-ksur li bih ġiet ikkritikata Tokin filwaqt li kienet taf li din il-modifika ser ikollha l-effett li timmultiplika l-valur tal-bejgħ rilevanti u, konsegwentement, l-ammont tal-multa.
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tindika li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tindika li Tokin kienet ipparteċipat fil-ksur sal-11 ta’ Diċembru 2013, filwaqt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li t-tul tal-ksur inkwistjoni huwa stabbilit sat-23 ta’ April 2012 u li Tokin ipparteċipat fih sa dik id-data.
Madankollu, għalkemm id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tindika l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha fil-proċedura ta’ investigazzjoni tagħha, din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt tiegħu huma ta’ natura purament proviżorja. Konsegwentement, deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ma tistax tiġi annullata għas-sempliċi raġuni li l-konklużjonijiet definittivi bbażati fuq il-fatti indikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jikkorrispondux b’mod preċiż mal-evalwazzjoni provviżorja ta’ dawn il-fatti li tinsab fl-imsemmija dikjarazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata żżomm l-evalwazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ dritt magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li, fid-deċiżjoni kkontestata, ħadet inkunsiderazzjoni data ta’ tmiem il-ksur differenti minn dik li hija kienet semmiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
Barra minn hekk, Tokin la kkontestat id-data tat-tmiem tal-ksur indikata fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas il-fatt li l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet tikkorrispondi għall-perijodu mill-1 ta’ April 2011 sal-31 ta’ Marzu 2012.
Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li Tokin ma kienet ressqet ebda argument iddettaljat insostenn tal-allegat ksur.
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilment ta’ Tokin ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Kummissjoni użat, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, snin ta’ referenza differenti skont id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, qabel kollox, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tindika li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi li kellhom jiġu imposti, il-Kummissjoni kienet applikat għall-impriżi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ tnejn minnhom, il-kriterju previst fil-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006 li skontu dan l-ammont għandu jiġi ddeterminat billi jintuża bħala parametru ta’ referenza l-valur tal-bejgħ imwettaq mill-impriża inkwistjoni fl-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Skont il-Qorti Ġenerali, id-deroga mill-imsemmi kriterju għal tnejn mill-impriżi kkonċernati kienet oġġettivament iġġustifikata, inkwantu dawn l-impriżi kienu waqfu jbigħu l-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur qabel it-tmiem tiegħu, u minħabba f’hekk kienu jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-Kummissjoni kienet tabilħaqq ikkalkolat separatament, għall-parteċipanti kollha fl-akkordju, il-valur rilevanti tal-bejgħ taż-żewġ kategoriji ta’ prodotti kkonċernati, jiġifieri l-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju.
Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tikkonferma li l-metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-bejgħ segwit mill-Kummissjoni ma kienx arbitrarju u ma kienx iwassal, fih innifsu, għal ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad ukoll il-motiv ta’ Tokin ibbażat fuq il-fatt li, fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni messha ħadet inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha f’ċerti laqgħat antikompetittivi fil-koeffiċjent ta’ gravità tal-ksur u mhux fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti.
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur u taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża jew matul il-kalkolu tal-ammont bażiku, jew fl-aġġustament tal-ammont bażiku skont ċirkustanzi attenwanti u aggravanti. Għaldaqstant, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi kollha tal-ksur inkwistjoni, l-għażla tal-Kummissjoni li tapplika koeffiċjent ta’ gravità tal-ksur ta’ 16 %, bil-għan li tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, u li tagħti tnaqqis ta’ 3 % tal-ammont bażiku, abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti, la kienet tikser ir-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 1768 final tal-21 ta’ Marzu 2018 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.40136 – Kapasiters).
( 2 ) Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”).
( 3 ) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2016, C 144, p. 23).