Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TJ0163

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tat-12 ta’ Frar 2020 (Estratti).
    Gabriel Amisi Kumba vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Iffriżar ta’ fondi – Tiġdid tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-persuni kkonċernati – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-Kunsill li jikkomunika l-elementi l-ġodda li jiġġustifikaw it-tiġdid tal-miżuri restrittivi – Żball ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Eċċezzjoni ta’ illegalità.
    Kawża T-163/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:57

    Kawża T‑163/18

    Gabriel Amisi Kumba

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tat‑12 ta’ Frar 2020

    “Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Iffriżar ta’ fondi – Tiġdid tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-persuni kkonċernati – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-Kunsill li jikkomunika l-elementi l-ġodda li jiġġustifikaw it-tiġdid tal-miżuri restrittivi – Żball ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

    1. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni li jippreġudikaw l-istat tad-dritt jew li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem – Rekwiżiti minimi

      (Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2017/2282, Anness II)

      (ara l-punti 32, 34-36)

    2. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni li jippreġudikaw l-istat tad-dritt jew li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem – Obbligu ta’ identifikazzjoni fil-motivazzjoni tar-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw tali miżuri – Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li tippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha

      (Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2017/2282, Anness II)

      (ara l-punti 33, 41-45)

    3. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni li jippreġudikaw l-istat tad-dritt jew li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem – Obbligu li jiġu kkomunikati r-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni meħuda – Obbligu li l-persuna kkonċernata tiġi permessa tesponi b'mod utli l-opinjoni tagħha dwar il-motivi allegati kontriha – Portata

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2017/2282, Anness II)

      (ara l-punti 49, 50, 52)

    4. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Iffriżar ta’ fondi – Drittijiet tad-difiża – Deċiżjoni sussegwenti li żammet l-isem tar-rikorrent fil-lista tal-persuni kkonċernati b’dawn il-miżuri – Assenza ta’ motivi ġodda – Obbligu mill-Kunsill li jikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi l-ġodda meħuda inkunsiderazzjoni matul l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi – Komunikazzjoni ta’ elementi ġodda lill-persuna kkonċernata għall-finijiet tal-ġbir tal-osservazzjonijiet – Assenza – Ksur tad-drittijiet tad-difiża

      (Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2017/2282, Artikolu 9(2)u Anness II)

      (ara l-punti 54-61, 64, 67)

    5. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jikkomunikaw lill-persuna kkonċernata l-elementi l-ġodda meħuda inkunsiderazzjoni matul l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi – Portata – Illegalità tal-att li tiddependi fuq il-prova ta’ effett proċedurali possibbli tal-ksur tal-imsemmi obbligu – Assenza ta’ effett f’dan il-każ

      (Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2017/2282, Anness II)

      (ara l-punti 68-71, 73, 76)

    6. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Kamp ta’ applikazzjoni – Persuni li kkontribwew, billi ppjanaw, ddiriġew jew wettqu, atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew abbużi tagħhom – Kunċett – Persuni li wettqu l-imsemmija atti fil-passat, minkejja l-assenza ta’ elementi li jipproduċu l-prova tal-involviment jew parteċipazzjoni attwali f’tali atti – Inklużjoni – Interpretazzjoni sostnuta mill-possibbiltà li jiġu estiżi l-miżuri restrittivi – Effett utli

      (Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2016/2231 u (PESK) 2017/2282, Artikoli 3(2)(b) u 9(2))

      (ara l-punti 81-84, 86)

    7. L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Portata tal-istħarriġ – Inklużjoni tar-rikorrent fil-lista annessa għad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-funzjonijet tiegħu – Dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku li jikkonfermaw it-twettiq ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem – Valur probatorju – Prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2017/2282, Anness II)

      (ara l-punti 93-95, 98, 99)

    8. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Kriterji – Funzjonijiet li jagħtu responsabbiltà fir-ripressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili jew ir-rispett għall-istat tad-drittt – Żball ta’ evalwazzjoni – Assenza

      (Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2016/2231 u (PESK) 2017/2282, Anness II]

      (ara l-punti 112-115)

    9. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Restrizzjonijiet fuq id-dritt għall-proprjetà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

      (Artikoli 3(5), 21(2)(b) u (c), u 29 TUE; Artikolu 215(2) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17(1) u 52(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2016/2231 u (PESK) 2017/2282, Artikolu 5(1))

      (ara l-punti 120-133)

    10. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Kompatibbiltà mal-imsemmi prinċipju – Kundizzjonijiet

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2017/2282, Artikolu 5(1)u (9))

      (ara l-punti 136-141)

    11. Eċċezzjoni ta’ illegalità – Portata – Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita – Att ta’ natura ġenerali li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata – Neċessità ta’ rabta ġuridika bejn l-att ikkontestat u l-att ġenerali kkontestat – Assenza – Inammissibbiltà

      (Artikolu 277 TFUE; Deċiżjoni 2010/788/PESK, Artikolu 3(2)(b); Regolament tal-Kunsill Nru 1183/2005, Artikolu 2b(1)(b))

      (ara l-punti 145, 146)

    12. L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Portata tal-istħarriġ – Stħarriġ ristrett għar-regoli ġenerali – Kriterji għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi – Kontribuzzjoni, bl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq, ta’ atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem – Portata – Rispett għall-prinċipju taċ-ċertezza legali li jirrikjedi ċarezza, preċiżjoni u prevedibbiltà tal-effetti tar-regoli ġuridiċi

      (Artikoli 3(5) u 21(2)(b) u (c) TUE; il-paragrafu 2d tal-Artikolu 275 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/788/PESK, Artikolu 3(2)(b) u (PESK) 2016/2231, premessi 3 u 4; Regolament tal-Kunsill Nru 1183/2005)

      (ara l-punti 147-157)

    Fis-sentenzi Amisi Kumba vs Il-Kunsill (T‑163/18) u Kande Mupompa vs Il-Kunsill (T‑170/18), mogħtija fit‑12 ta’ Frar 2020, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi għal annullament ippreżentati mir-rikorrenti rispettivi, jiġifieri l-kmandant militari tal-ewwel żona tad-difiża tal-forzi armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (FARDC) u l-gvernatur ta’ Kasaï Central, kontra l-atti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ( 1 ) li bihom, essenzjalment, l-ismijiet tagħhom kienu nżammu fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo bil-għan li tiġi stabbilita paċi dejjiema f’dan il-pajjiż, li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788 (iktar 'il quddiem il-“lista kontenzjuża”).

    Dawn is-sentenzi jidħlu fil-kuntest tas-sitwazzjoni politika li sejra għall-agħar fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo minħabba n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-aħħar tal-2016 u d-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ sigurtà sussegwenti. Konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788, ġew adottati miżuri restrittivi mill-Kunsill kontra persuni li kkontribwew għal atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika mill-Kongo. Peress li l-FARDC ħadu sehem fl-użu sproporzjonat tal-forza u r-repressjoni vjolenti ta’ dimostrazzjonijiet li seħħew f’Settembru 2016 f’Kinxasa, il-kmandant militari tal-ewwel żona ta’ difiża tal-FARDC kien ġie inkluż fil-lista kontenzjuża għar-raġunijiet li kien, taħt il-funzjonijiet tiegħu, ikkontribwixxa, billi ppjana, mexxa jew wettaq, atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Il-gvernatur ta’ Kasaï Central, min-naħa tiegħu, kien ġie inkluż fil-lista kontenzjuża peress li, minħabba l-funzjonijiet tiegħu, huwa kien “responsabbli għall-użu sproporzjonat tal-forza, repressjoni vjolenti u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji” imwettqa mill-forzi tas-sigurtà f’dan ir-reġjun mill-2016, inkluż allegat qtil illegali fi Frar 2017. Bid-Deċiżjoni 2017/2282, il-Kunsill ġedded, fil‑11 ta’ Diċembru 2017, l-inklużjoni tal-ismijiet tar-rikorrenti fil-lista kontenzjuża bl-istess motivazzjonijiet kontrihom. Il-motivazzjoni użata fil-konfront tal-gvernatur ta’ Kasaï Central nbidlet sussegwentement fit‑12 ta’ April 2018.

    Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti ressqu diversi motivi, ibbażati b’mod partikolari fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll fuq żball ta’ liġi.

    Fir-rigward tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-motivazzjoni adottata fid-Deċiżjoni 2017/2282, kif ukoll fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/569, esponiet ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-kriterji ta’ inklużjoni kienu applikabbli għar-rikorrenti, sa fejn tali motivazzjoni kienet relatata mal-funzjonijiet tagħhom u l-involviment tagħhom, bħala riżultat ta’ tali funzjonijiet, f’atti kklassifikati bħala ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali speċifikat li r-rikorrenti ma setgħux jinjoraw il-fatt li, fid-dawl tal-funzjonijiet tagħhom, huma kellhom is-setgħa li jinfluwenzaw direttament is-suldati tal-FARDC u l-forzi tas-sigurtà fil-provinċja ta’ Kasaï Central, li nżammu, fil-motivazzjoni inkwistjoni, responsabbli għat-twettiq ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imsemmi iktar 'il fuq. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati ppermettiet b’hekk, minn naħa, lir-rikorrenti jikkontestaw il-validità taż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimhom fil-lista kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha ta’ legalità. Għaldaqstant hija ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    Sussegwentement, fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, għalkemm it-tiġdid tal-miżuri adottati kontra r-rikorrenti fid-Deċiżjoni 2017/2282 kien ibbażat fuq l-istess raġunijiet bħal dawk li kienu ġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri inizjali, dan ma eżentax lill-Kunsill mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, milli jagħtuhom l-opportunità li jressqu l-perspettiva tagħhom b’mod utli dwar l-elementi meħuda inkunsidrazzjoni għall-adozzjoni tal-atti kkontestati. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-miżuri restrittivi huma ta’ natura protettiva u, mid-definizzjoni tagħhom, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għal li jippersistu ċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll il-ħtieġa li jinżammu sabiex jintlaħaq li jilħqu l-għan li huwa assoċjat magħhom, li huwa l-Kunsill li għandu jevalwa dan matul l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-imsemmija miżuri, billi jwettaq bilanċ aġġornat tas-sitwazzjoni u billi jistabbilixxi evalwazzjoni tal-impatt tal-imsemmija miżuri. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant fakkret li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li l-Kunsill jikkomunika lir-rikorrenti, qabel ma jadotta deċiżjoni li ġġedded il-miżuri restrittivi fir-rigward tagħha, l-elementi li bihom għamel, matul l-ezami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri inkwistjoni, aġġornament tal-elementi li kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni inizjali tagħhom. F’dan il-każ, fid-dawl tal-għan inizjali mfittex mill-miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li huwa li jiżgura klima adatta li twassal għall-iżvolġiment ta’ elezzjonijiet u li ttemm kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-Kunsill kien marbut, matul l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi imposti fuq ir-rikorrenti, jikkomunikalhom l-elementi ġodda għad-dispożizzjoni tiegħu u li permezz taggħhom kien aġġorna l-elementi li jikkonċernaw mhux biss is-sitwazzjoni personali tagħhom, iżda wkoll is-sitwazzjoni politika u ta’ sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, billi naqset milli tieħu l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar dawn l-elementi qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża ta’ dawn tal-aħħar.

    Madankollu, il-Qorti Ġenerali fakkret li hija l-qorti tal-Unjoni Ewropea li għandha tivverifika, meta jkun hemm irregolarità li taffettwa d-drittijiet tad-difiża, jekk skont iċ-ċirkustanzi fattwali u ta’ dritt speċifiċi ta’ dan il-każ, il-proċeduri inkwistjoni setgħu rriżultaw f’riżultat differenti sa fejn ir-rikorrenti setgħu ddifendew ruħhom aħjar fl-assenza ta’ din l-irregolarità. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ikkonkludiet li ma kien hemm ebda element li jissuġġerixxi li, jekk ir-rikorrenti kienu ġew notifikati bl-elementi l-ġodda inkwistjoni, il-miżuri restrittivi kkonċernati ma setgħux jinżammu fil-konfront tagħhom. Abbażi ta’ dal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti sostnew li l-Kunsill kien wettaq żball ta’ liġi meta adotta l-atti kkontestati abbażi ta’ fatti li kienu waqfu fiż-żmien ta’ tali adozzjoni tagħhom, bi ksur tal-kriterju ta’ inklużjoni li uża l-partiċipju preżenti u li kien jirrigwarda l-persuni li “jikkontribwixxu [...] għal atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-użu tal-partiċipju preżenti fid-definizzjoni tal-kriterji għall-inklużjoni fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi ma jimplikax li l-fatti li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni ta’ isem il-persuna jew l-entità f’din il-lista għandhom jippersistu fiż-żmien meta r-reġistrazzjoni jew iż-żamma ta’ din ir-reġistrazzjoni huma deċiżi, minħabba li l-partiċipju preżenti jirreferi għas-sens ġenerali tad-definizzjonijiet legali u mhux għal perijodu ta’ żmien speċifiku. Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li, sa fejn il-Kunsill kien iddeċieda li jirreferi, fir-raġunijiet għall-inklużjoni tar-rikorrenti, għal fatti u sitwazzjonijiet konkreti li jimplikaw il-forzi tas-sigurtà li joperaw taħt ir-responsabbiltà tagħhom, ma setax ikun hemm kwistjoni ta’ aġir fil-passat. Il-Qorti Ġenerali finalment osservat li, sakemm din id-dispożizzjoni ma tiċċaħħadx minn effett effettiv, l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendata bid-Deċiżjoni 2017/2282, li skontu “il-miżuri restrittivi għandhom jiġġeddu, jew jiġu emendati kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħhom ma jkunux intlaħqu”, ikkonferma din l-interpretazzjoni. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi u ċaħdet ir-rikorsi fl-intier tagħhom.


    ( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2282 tal‑11 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2017, L 328, p. 19 kif ukoll, għal Alex Kande Mupompa, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/569 tat-12 ta’ April 2018 li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2018, L 95, p. 21), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/566 tat-12 ta’ April 2018 li jimplimenta l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2018, L 95, p. 9).

    Top