Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TJ0123

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal-14 ta’ Frar 2019.
    Bayer Intellectual Property GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta qalb – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001.
    Kawża T-123/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2019:95

    Kawża T‑123/18

    Bayer Intellectual Property GmbH

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal‑14 ta’ Frar 2019

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta qalb – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001”

    1. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 7(1)(b))

      (ara l-punti 13, 14)

    2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Evalwazzjoni tal-karattru distintiv – Kriterji – Perċezzjoni tat-trade mark mill-pubbliku rilevanti – Livell ta’ attenzjoni mill-pubbliku

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 7(1)(b))

      (ara l-punt 17)

    3. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Trade mark figurattiva li tirrappreżenta qalb

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 7(1)(b))

      (ara l-punti 23 sa 32)

    4. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ legalità – Neċessità ta’ eżami strett u komplet f’kull każ konkret

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001)

      (ara l-punti 34, 35)

    5. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju – Legalità – Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Assenza ta’ effett

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001)

      (ara l-punt 36)

    Sunt

    Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Bayer Intellectual Property vs EUIPO (T‑123/18), il-Qorti Ġenerali kienet adita b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) li ċaħdet l-appell mid-deċiżjoni tal-eżaminatur, li kien irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva li tirrappreżenta qalb. Il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet ser tiġi pperċepita, mill-pubbliku rilevanti, bħala r-rappreżentazzjoni ta’ qalb u, konsegwentement, bħala riferiment għall-fatt li s-servizzi inkwistjoni jikkonċernaw il-qasam tal-kardjoloġija.

    Il-Qorti Ġenerali tfakkar, l-ewwel nett, li trade mark għandha tippermetti lill-pubbliku rilevanti jiddistingwi l-prodotti li hija tindika minn dawk ta’ impriżi oħrajn, mingħajr dan il-pubbliku ma jkollu juri attenzjoni partikolari, b’mod illi l-grad ta’ distintività meħtieġ għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma jistax jiddependi fuq il-livell ta’ attenzjoni tal-imsemmi pubbliku.

    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, l-EUIPO għandu jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Minkejja li, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni tad-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari l-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha madankollu tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod preċiż, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kwalunkwe applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bl-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati jew annullati b’mod illeġittimu. Huwa għalhekk li għandu jsir tali eżami f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi minn kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami, maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt xi raġuni għal rifjut.

    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li minn dawn il-prinċipji jirriżulta, minn naħa, li huwa l-kompitu tal-Bordijiet tal-Appell, meta dawn jiddeċiedu li jadottaw evalwazzjoni differenti minn dik adottata f’deċiżjonijiet preċedenti dwar applikazzjonijiet simili invokati quddiemhom, li jimmotivaw espliċitament din id-diverġenza fil-konfront tal-imsemmija deċiżjonijiet. Madankollu, tali obbligu ta’ motivazzjoni dwar diverġenza fil-konfront ta’ deċiżjonijiet preċedenti huwa inqas importanti fir-rigward ta’ eżami li jiddependi strettament mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, milli fir-rigward ta’ konstatazzjonijiet fattwali li ma jiddependux minn din l-istess trade mark. Min-naħa l-oħra, jirriżulta wkoll mill-imsemmija ġurisprudenza ċċitata li d-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, li jittieħdu mill-Bordijiet tal-Appell bis-saħħa tar-Regolament 2017/1001, jaqgħu taħt kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali, b’tali mod li l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ dawn l-istess Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Bordijiet tal-Appell ma jistgħux ikunu marbuta b’deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO.

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tirrileva, minn naħa, li l-eżami tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jiddependi strettament fuqha, u mhux fuq konstatazzjonijiet fattwali invokati mir-rikorrenti. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell seta’ sempliċement jindika li r-rikorrenti ma setgħetx validament tinvoka deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO sabiex tinvalida l-konklużjoni li tipprovdi li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet konfliġġenti għar-raġuni għal rifjut ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. Hija tosserva, barra minn hekk, li l-Bord tal-Appell, fi kwalunkwe każ, espliċitament immotiva r-raġuni li għaliha huwa ċaħad is-soluzzjoni mogħtija fid-deċiżjoni preċedenti invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, huwa rrileva, essenzjalment, li l-prodotti inkwistjoni ma kinux jirrigwardaw speċifikament il-kardjoloġija, b’mod illi dawn il-prodotti ma kellhomx, b’differenza għas-servizzi inkwistjoni f’dawn il-proċedimenti, “relazzjoni diretta u li tingħaraf immedjatament mal-qalb umana”. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni mingħajr ma tikkontesta l-fondatezza tar-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Issa, hija tinnota li l-Bord tal-Appell qies, ġustament, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet konfliġġenti għar-raġuni għal rifjut ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

    Top