Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TJ0093

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tas-16 ta’ Diċembru 2020.
    International Skating Union vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni – Assoċjazzjoni ta’ impriżi – Kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ veloċi – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Regoli ta’ federazzjoni sportiva – Konċiljazzjoni bejn id-dritt tal-kompetizzjoni u l-ispeċifiċità tal-isport – Imħatri sportivi – Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport – Linji gwida għall-kalkoli ta’ multi – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 101 TFUE – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Miżuri korrettivi.
    Kawża T-93/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:610

    (Kawża T-93/18)

    International Skating Union

    kontra

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tas-16 ta’ Diċembru 2020

    “Kompetizzjoni – Assoċjazzjoni ta’ impriżi – Kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ veloċi – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Regoli ta’ federazzjoni sportiva – Konċiljazzjoni bejn id-dritt tal-kompetizzjoni u l-ispeċifiċità tal-isport – Imħatri sportivi – Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport – Linji gwida għall-kalkoli ta’ multi – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 101 TFUE – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Miżuri korrettivi”

    1. Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Eżami – Limitazzjoni għall-argumenti li ma jqegħdux inkwistjoni l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata biss

      (Artikoli 263 u 296 TFUE)

      (ara l-punt 53, 54)

    2. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur u li tordna miżuri korrettivi – Motivi allegatament kontradittorji

      (Artikoli 263 u 296 TFUE)

      (ara l-punti 56 sa 61)

    3. Akkordji – Deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi – Kunċett – Regola ta’ federazzjoni sportiva internazzjonali li tikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-atleti affiljati fil-kompetizzjonijiet

      (Artikolu 101 TFUE)

      (ara l-punti 69 sa 75)

    4. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Regoli ta’ federazzjoni sportiva internazzjonali li għandha setgħa ta’ awtorizzazzjoni – Klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan – Grad suffiċjenti ta’ dannu – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Kontenut u għan kif ukoll kuntest tal-leġiżlazzjoni – Sanzjonijiet ta’ ineliġibbiltà fil-każ ta’ parteċipazzjoni tal-atleti affiljati f’kompetizzjoni mhux awtorizzata – Restrizzjonijiet inerenti għat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi u proporzjonati – Teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-isport inġenerali kif ukoll tal-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu

      (Artikoli 101 u 165(1) TFUE)

      (ara l-punti 77 sa 79, 82, 100, 106)

    5. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Regoli ta’ federazzjoni sportiva internazzjonali li għandha setgħa ta’ awtorizzazzjoni – Klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan – Grad suffiċjenti ta’ dannu – Evalwazzjoni – Regoli intiżi li jipproteġu l-integrità ta’ dixxiplina sportiva kontra r-riskji marbuta mal-imħatri u li jiġġarantixxu l-osservanza ta’ standards komuni fil-kompetizzjonijiet sportivi – Regoli li għandhom għan leġittimu – Eżerċizzju diskrezzjonali tas-setgħa ta’ awtorizzazzjoni għall-federazzjoni sportiva internazzjonali – Natura sproporzjonata tas-sanzjonijiet imġarrba mill-atleti – Restrizzjoni minħabba l-għan

      (Artikoli 101 u 165(1) TFUE)

      (ara l-punti 85 sa 89, 91 sa 95, 100, 101, 106, 108, 109)

    6. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Kompetenza tal-Kummissjoni – Kriterju tal-effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli ta’ ftehim – Evalwazzjoni

      (Artikolu 101 TFUE)

      (ara l-punti 125 sa 130)

    7. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Waqfien tal-istanzi ta’ ksur – Setgħa tal-Kummissjoni – Ordnijiet diretti lill-impriżi – Limiti – Obbligu li tinbidel regola distinta minn dik li tikkostitwixxi l-ksur ikkonstatat – Regoli ta’ arbitraġġ ta’ federazzjoni sportiva internazzjonali – Analoġija maċ-ċirkustanzi aggravanti – Inammissibbiltà

      (Artikolu 101 TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 28)

      (ara l-punti 143 sa 161)

    8. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Waqfien tal-istanzi ta’ ksur – Setgħa tal-Kummissjoni – Ordnijiet diretti lill-impriżi – Identifikazzjoni tal-mezzi xierqa sabiex jintemm effettivament il-ksur ikkonstatat – Limiti

      (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 7(1))

      (ara l-punti 167 sa 172)

    Sunt

    Il-Qorti Ġenerali tikkonferma li r-regoli tal-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ (UIP) li jipprevedu sanzjonijiet severi kontra l-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ veloċi mhux irrikonoxxuti minnha jmorru kontra r-regoli tal-UE fil-qasam tal-kompetizzjoni

    Bil-kontra, kien b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kkontestat ir-regoli ta’ arbitraġġ tal‑UIP

    L-International Skating Union (l-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ, iktar ’il quddiem l-“UIP”) hija l-unika federazzjoni sportiva internazzjonali rrikonoxxuta mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ((KOI) sabiex tiżgura r-regolamentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-pattinaġġ artistiku kif ukoll tal-pattinaġġ veloċi. L-UIP teżerċita wkoll attività kummerċjali li tikkonsisti fl-organizzazzjoni ta’ diversi kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ veloċi fil-kuntest tal-kompetizzjonijiet internazzjonali l-iktar importanti, bħall-kampjonati tal-Ewropa u tad-dinja kif ukoll il-Logħob Olimpiku tax-Xitwa.

    Fl-2014, il-kumpannija Koreana Icederby International Co. Ltd kienet qiegħda tipprevedi li torganizza kompetizzjoni tal-pattinaġġ veloċi f’Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda) li kienet tinkludi provi b’format ġdid. Peress li l-UIP ma kinitx awtorizzat dan l-avveniment, din il-kumpannija organizzatriċi ltaqgħet ma’ diffikultajiet sabiex tiżgura l-parteċipazzjoni tal-pattinaturi professjonali li jipprattikaw il-pattinaġġ veloċi u dan wassalha tirrinunzja għal dan il-proġett. Fil-fatt, il-pattinaturi affiljati mal-federazzjonijiet nazzjonali membri tal-UIP huma suġġetti, mill-istatuti ta’ din tal-aħħar, għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, li tinkludi “regoli ta’ eliġibbiltà”. Bis-saħħa ta’ dawn ir-regoli, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għal dan il-perijodu, il-parteċipazzjoni ta’ pattinatur f’kompetizzjoni mhux awtorizzata kienet tesponih għal sanzjoni ta’ esklużjoni permanenti minn kull kompetizzjoni organizzata mill-UIP.

    Wara li tressaq quddiemha lment minn żewġ pattinaturi professjonali Olandiżi, il-Kummissjoni Ewropea qieset, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2017 ( 1 ) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), li r-regoli ta’ eliġibbiltà tal-UIP kienu inkompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (Artikolu 101 TFUE) inkwantu huma kellhom l-għan li jirrestrinġu l-possibbiltajiet tal-pattinaturi professjonali li jipprattikaw il-pattinaġġ veloċi milli jipparteċipaw liberament f’kompetizzjonijiet internazzjonali organizzati minn terzi u jċaħħdu, għaldaqstant, lil dawn it-terzi mis-servizzi tal-atleti li huma neċessarji sabiex jiġu organizzati dawn il-kompetizzjonijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni ordnat lill-UIP, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, ittemm il-ksur kif ikkonstatat, mingħajr madankollu ma imponiet fuqha multa.

    L-UIP ikkontestat id-Deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali, mitluba tippronunzja ruħha għall-ewwel darba fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità ta’ leġiżlazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tikkonferma l-fondatezza tal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, iżda tannulla parzjalment id-Deċiżjoni kkontestata, fil-parti tagħha relatata mal-miżuri korrettivi imposti fuq l-UIP.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li r-regoli ta’ eliġibbiltà għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, qabelxejn, li s-sitwazzjoni li fiha tinsab l-UIP tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi. Fil-fatt, minn naħa, l-UIP għandha funzjoni regolatorja, li permezz tagħha hija għandha s-setgħa tistipula regoli fl-isport li jaqa’ taħt il-kompetenzi tagħha u, għaldaqstant, li tawtorizza l-kompetizzjonijiet organizzati minn terzi, filwaqt li, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha, hija torganizza hija stess il-kompetizzjonijiet l-iktar importanti tal-pattinaġġ veloċi li fihom il-pattinaturi professjonali għandhom jipparteċipaw sabiex jaqilgħu l-għixien tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li l-obbligi li għandha federazzjoni sportiva fl-eżerċizzju tal-funzjoni regolatorja tagħha skont l-Artikolu 101 TFUE huma dawk stabbiliti b’mod konsistenti fil-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 102 u 106 TFUE ( 2 ), b’tali mod li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-UIP hija obbligata tiżgura, fl-eżami tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni, li dawn l-organizzaturi terzi ta’ kompetizzjonijiet tal-pattinaġġ veloċi ma jiġux imċaħħda indebitament minn aċċess għas-suq rilevanti, sal-punt li l-kompetizzjoni f’dan is-suq tkun distorta.

    Wara li ppreċiżat dan kollu, il-Qorti Ġenerali teżamina mbagħad l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontenut tar-regoli ta’ eliġibbiltà. Qabelxejn huwa paċifiku li dawn tal-aħħar ma jispjegawx l-għanijiet leġittimi li jridu jilħqu u jipprevedu kriterji ta’ awtorizzazzjoni, li barra minn hekk ma humiex eżawrjenti, biss mill-2015. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti applikabbli minn din id-data ma jistgħux jitqiesu kollha li huma kriterji ta’ awtorizzazzjoni ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorju u verifikabbli, li, bħala tali, jistgħu jiggarantixxu lill-organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet aċċess effettiv għas-suq rilevanti. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li l-UIP kienet żammet, inkluż wara l-adozzjoni tal-kriterji ta’ awtorizzazzjoni fl-2015, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tirrifjuta li tawtorizza l-kompetizzjonijiet proposti minn terzi.

    Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna s-sistema ta’ sanzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li s-severità tas-sanzjonijiet previsti hija element partikolarment rilevanti fit-tfitxija ta’ ostakoli potenzjali għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti. Fil-fatt, tali severità tista’ tiskoraġġixxi lill-atleti milli jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet mhux awtorizzati mill-UIP, inkluż meta ebda motiv leġittimu ma jkun jiġġustifika tali rifjut ta’ awtorizzazzjoni. Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis li s-sanzjonijiet previsti mir-regoli ta’ eliġibbiltà, anki wara li s-sistema ttaffiet fl-2016, huma sproporzjonati. Fil-fatt, sa minn din id-data, mhux biss il-kategoriji ta’ ksur għadhom iddefiniti b’mod żbaljat, iżda t-tul tas-sanzjonijiet imposti b’mod partikolari fil-każ ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet ta’ terzi mhux awtorizzati għadhom severi fid-dawl tat-tul medju tal-karriera ta’ pattinatur.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali teżamina l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-għanijiet imfittxija mir-regoli ta’ eliġibbiltà. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-protezzjoni tal-integrità tal-isport tikkostitwixxi għan leġittimu rrikonoxxut fl-Artikolu 165 TFUE. Il-Qorti Ġenerali taċċetta, konsegwentement, li l-UIP kienet intitolata tistabbilixxi regoli intiżi kemm sabiex tevita r-riskji ta’ manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn imħatri sportivi kif ukoll biex tiżgura l-konformità tal-kompetizzjonijiet sportivi ma’ standards komuni. Madankollu, fil-każ ineżami, xorta jibqa’ l-fatt li r-regoli adottati mill-UIP jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu tali għanijiet u, għaldaqstant, ma humiex proporzjonati għal dawn l-istess għanijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni ġustament qieset li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mis-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma jistgħux jiġu ġġustifikati mill-għanijiet inkwistjoni.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Kummissjoni ġustament kkonkludiet li r-regoli ta’ eliġibbiltà għandhom grad suffiċjenti ta’ dannu, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontenut tagħhom, sabiex jitqiesu li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan.

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar il-legalità tal-miżuri korrettivi imposti mid-Deċiżjoni kkontestata sabiex jintemm il-ksur ikkonstatat u tilqa’ parzjalment it-talbiet għal annullament tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, sa fejn il-Kummissjoni eżiġiet, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, li r-regoli ta’ arbitraġġ tal-UIP jiġu emendati b’mod sostanzjali fil-każ li tinżamm is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Kummissjoni qieset li dawn ir-regoli ta’ arbitraġġ, li jagħtu lill-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport f’Lausanne (l-Isvizzera) kompetenza esklużiva sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ ineliġibbiltà u jirrendu obbligatorju tali arbitraġġ, kienu qegħdin isaħħu r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mir-regoli ta’ eliġibbiltà. Sa fejn il-Kummissjoni ispirat ruħha, f’dan ir-rigward, mil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi ( 3 ), u b’mod iktar preċiż, mill-kunċett ta’ “ċirkustanzi aggravanti” li jinsab fihom, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li huma biss aġir jew ċirkustanzi illegali li jagħmlu l-ksur iktar dannuż u li jistgħu jiġġustifikaw aggravazzjoni tal-multa imposta għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Issa, fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx tali ċirkustanzi illegali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis li r-regoli ta’ arbitraġġ tal-UIP jikkostitwixxu ċirkustanza aggravanti.


    ( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 8230 final tat-8 ta’ Diċembru 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ AT/40208 – Regoli ta’ Eliġibilità tal-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ).

    ( 2 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, (C-49/07 EU:C:2008:376, punti 5152), u tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, (C-1/12, EU:C:2013:127, punti 8892).

    ( 3 ) Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).

    Top