EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TJ0065(01)

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla Manja) tat-13 ta’ Settembru 2023.
République bolivarienne du Venezuela vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil‑Venezwela – Projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti u servizzi – Dritt għal smigħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ineżattezza materjali tal‑fatti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt internazzjonali pubbliku.
Kawża T-65/18 RENV.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:529

Kawża T‑65/18 RENV

Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla Manja) tat‑13 ta’ Settembru 2023

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil‑Venezwela – Projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti u servizzi – Dritt għal smigħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ineżattezza materjali tal‑fatti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt internazzjonali pubbliku”

  1. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Att li jipprojbixxi l-bejgħ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ repressjoni interna fil-Venezwela, kif ukoll il-provvista ta’ ċerti servizzi – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità – Portata – Dispożizzjoni ta’ portata ġenerali

    (Artikolu 215(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill 2017/2063, Artikoli 2, 3, 6 u 7)

    (ara l-punti 30 sa 34)

  2. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Att li jipprojbixxi l-bejgħ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ repressjoni interna fil-Venezwela, kif ukoll il-provvista ta’ ċerti servizzi – Dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ tali miżuri – Assenza

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 29 TUE; Artikolu 215(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Regolament tal-Kunsill 2017/2063, Artikoli 2, 3, 6 u 7)

    (ara l-punti 39, 40, 42 sa 44)

  3. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Atti li jipprojbixxu l-bejgħ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ repressjoni interna fil-Venezwela, kif ukoll il-provvista ta’ ċerti servizzi – Obbligu li jiġu indikati fil-motivazzjoni s-sitwazzjoni ġenerali u l-għanijiet ġenerali li jiġġustifikaw l-imsemmija miżura

    (Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill 2017/2063, Artikoli 2, 3, 6 u 7)

    (ara l-punti 49 sa 57)

  4. Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Att li jipprojbixxi l-bejgħ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ repressjoni interna fil-Venezwela, kif ukoll il-provvista ta’ ċerti servizzi – Portata tal-istħarriġ – Stħarriġ ristrett għar-regoli ġenerali – Stħarriġ li jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u għall-verifika tal-provi

    (Artikolu 29 TUE; Artikolu 215(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill 2017/2063, Artikoli 2, 3, 6 u 7)

    (ara l-punti 63 sa 67, 72, 76 u 78)

  5. Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Att li jipprojbixxi l-bejgħ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ repressjoni interna fil-Venezwela, kif ukoll il-provvista ta’ ċerti servizzi – Portata tal-istħarriġ – Analiżi mill-Kunsill tas-sitwazzjoni politika fil-Venezwela – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Assenza

    (Regolament tal-Kunsill 2017/2063, Artikoli 2, 3, 6 u 7)

    (ara l-punti 80 u 81)

  6. Dritt internazzjonali pubbliku – Prinċipji – Responsabbiltà tal-Istat għal att internazzjonalment illegali – Regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju dwar l-għan u l-limiti tal-kontromiżuri – Possibbiltà għall-partijiet fil-kawża li jinvokaw dawn il-prinċipji sabiex jikkontestaw il-validità ta’ regolament li jimponi miżuri restrittivi fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ammissibbiltà – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Assenza

    (Artikolu 3(5) TUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2017/2063, Artikoli 2, 3, 6 u 7)

    (ara l-punti 87 sa 94)

  7. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Bażi legali – Miżuri restrittivi previsti minn deċiżjoni u minn regolament adottati, rispettivament, fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE u tal-Artikolu 215 TFUE – Kompetenza tal-Kunsill li jadotta miżuri restrittivi awtonomi u distinti minn dawk irrakkomandati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

    (Artikolu 29 TUE; Artikolu 215 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2017/2063, Artikoli 2, 3, 6 u 7)

    (ara l-punti 95 u 98)

  8. Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Att li jipprojbixxi l-bejgħ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ repressjoni interna fil-Venezwela, kif ukoll il-provvista ta’ ċerti servizzi – Portata tal-istħarriġ – Stħarriġ ristrett – Kriterji għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Portata – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    (Artikolu 29 TUE; Artikolu 215(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill 2017/2063, Artikoli 2, 3, 6 u 7)

    (ara l-punti 99 sa 103)

  9. Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Motiv ibbażat fuq elementi li joħorġu fil-mori tal-kawża – Assenza – Amplifikazzjoni ta’ motiv eżistenti – Assenza ta’ amplifikazzjoni – Inammissibbiltà

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 84(1))

    (ara l-punti 116 sa 119)

Sunt

Fid-dawl tad-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tal-Istat ta’ dritt u tad-demokrazija, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fl‑2017, adotta miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela (iktar ’il quddiem il-“Venezwela”). L-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 ( 1 ) pprevedew, essenzjalment, projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal finijiet ta’ repressjoni interna u ta’ servizzi relatati mal-imsemmi tagħmir u ma’ tagħmir militari lil kull persuna fiżika jew ġuridika, kull entità jew kull organu fil-Venezwela jew għall-finijiet ta’ użu f’dan il-pajjiż.

Fl‑2018, il-Venezwela ppreżentat rikors intiż għall-annullament tar-Regolament 2017/2063 sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att kienu jikkonċernawha. Sussegwentement, il-Venezwela adattat ir-rikors tagħha sabiex dan ikopri wkoll id-Deċiżjoni 2018/1656 ( 2 ) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 ( 3 ), atti li permezz tagħhom il-Kunsill kien estenda u biddel, rispettivament, il-miżuri restrittivi adottati. Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli minħabba li s-sitwazzjoni legali tal-Venezwela ma kinitx affettwata direttament mid-dispożizzjonijiet kontenzjużi ( 4 ). Adita b’appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021 ( 5 ), annullat id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet li l-Venezwela kellha locus standi sabiex tikkontesta l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 ( 6 ). Hija bagħtet ukoll il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi fuq il-mertu.

Fis-sentenza tagħha, li ngħatat mill-Awla Manja u li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni, f’sitwazzjoni mingħajr preċedent li tirrigwarda rikors ippreżentat minn Stat terz fil-qasam tal-miżuri restrittivi, dwar id-dritt għal smigħ tal-Venezwela u dwar l-allegat ksur tad-dritt internazzjonali invokat minnha.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat jikkostitwixxu miżuri restrittivi ta’ portata ġenerali, peress li dawn jikkostitwixxu, skont l-Artikolu 215(1) TFUE, miżuri li jinterrompu jew inaqqsu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz fir-rigward ta’ ċerti oġġetti u servizzi. Dawn il-miżuri ma kinux immirati lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi identifikati, iżda kienu japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u għal kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, il-Qorti Ġenerali fakkret, qabel kollox, li d-dritt għal smigħ ma setax jiġi traspost fil-kuntest, bħal f’dan il-każ, tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ portata ġenerali u li ebda dispożizzjoni ma tobbliga lill-Kunsill jinforma lil kull persuna li tista’ tiġi affettwata minn kriterju ġdid ta’ portata ġenerali bl-adozzjoni ta’ dan il-kriterju. Barra minn hekk, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea japplika għal “miżur[i] individwali” meħuda fil-konfront ta’ persuna, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ portata ġenerali. Hija żiedet tgħid, barra minn hekk, li r-Regolament ikkontestat kien jirrifletti għażla tal-Unjoni fil-qasam tal-politika internazzjonali. Fil-fatt, l-interruzzjoni jew it-tnaqqis tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz, skont l-Artikolu 215(1) TFUE, jagħmlu parti mid-definizzjoni stess, mill-awtoritajiet tal-Unjoni u fid-diskrezzjoni tagħhom, tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) ( 7 ), li titfassal b’reazzjoni għal sitwazzjoni internazzjonali partikolari, bil-għan li tiġi eżerċitata influwenza fuq tali sitwazzjoni. Issa, is-smigħ minn qabel tal-pajjiż terz ikkonċernat iwassal, skont il-Qorti Ġenerali, sabiex il-Kunsill ikun obbligat jorganizza diskussjonijiet simili għal negozjati internazzjonali ma’ dan il-pajjiż u jċaħħad, minħabba f’hekk, mis-sustanza tiegħu l-effett mixtieq mill-impożizzjoni tal-imsemmija miżuri fir-rigward tal-imsemmi pajjiż, jiġifieri li ssir pressjoni fuq dan tal-aħħar sabiex ibiddel l-aġir tiegħu. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Venezwela kienet direttament ikkonċernata mill-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat ma setax, fih innifsu, jagħtiha l-benefiċċju tad-dritt għal smigħ. Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Venezwela ma setgħetx tinvoka dan id-dritt fir-rigward tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill taħt ir-Regolament ikkontestat.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-motiv ibbażat fuq l-ineżattezza materjali tal-fatti u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni politika fil-Venezwela, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Kunsill għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi abbażi tal-Artikolu 29 TUE u tal-Artikolu 215 TFUE u li l-istħarriġ li l-qorti tal-Unjoni teżerċita f’dan ir-rigward huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tar-regoli ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ ristrett japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom jiġu bbażati l-miżuri. Il-Qorti Ġenerali osservat, f’dan il-każ, li l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat kienu jirriproduċu, essenzjalment, il-pożizzjoni politika tal-Unjoni mfissra fid-Deċiżjoni 2017/2074. Hija kkonstatat f’dan ir-rigward li mill-premessi 1 u 8 ta’ din id-deċiżjoni kien jirriżulta li l-miżuri restrittivi previsti fl-imsemmija artikoli kienu bbażati fuq id-deterjorament kontinwu tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela, kif ukoll fuq vjolenza, użu eċċessiv ta’ forza u ksur jew abbuż tad-drittijiet tal-bniedem, li r-rikorrenza tagħhom kellha tiġi evitata permezz tal-imsemmija miżuri restrittivi.

Fir-rigward, qabelxejn, tal-provi prodotti mill-Kunsill sabiex juri l-eżattezza materjali tal-fatti li fuqhom kienu bbażati l-imsemmija miżuri, il-Qorti Ġenerali rrilevat li dawn kellhom sorsi kredibbli u kienu jirreferu, b’mod iddettaljat, għal, fost oħrajn, ir-repressjoni brutali mir-reġim tad-dissidenti u tal-oppożituri u l-pressjonijiet fuq il-Prosekutriċi Ġenerali tal-Venezwela li kienet qiegħda tinvestiga l-mod kif aġixxew il-forzi tas-sigurtà.

Fir-rigward, sussegwentement, tal-provi prodotti, bi tweġiba, mill-Venezwela, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li din tal-aħħar ma wrietx li l-fatti li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom sabiex jadotta l-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu vvizzjati b’ineżattezzi materjali, billi kważi l-provi kollha ma kinux jikkonċernaw lill-Venezwela u kienu bbażati fuq żewġ rapporti interni tar-reġim li ma kienu kkorroborati minn ebda prova oħra minn sorsi esterni għal dan ir-reġim.

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-evalwazzjoni mill-Kunsill tas-sitwazzjoni politika fil-Venezwela, il-Qorti Ġenerali rrimarkat li l-provi prodotti mir-rikorrenti f’dan ir-rigward kienu iktar kontestazzjoni dwar l-opportunità tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Issa, ma kienx il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha dwar din il-kwistjoni minflok dik li jkun għamel il-Kunsill, li għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, ta’ natura politika, fir-rigward tad-definizzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni fuq kwistjoni relatata mal-PESK, konformement mal-Artikolu 29 TUE.

Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-motiv ibbażat fuq l-impożizzjoni ta’ kontromiżuri illegali u fuq il-ksur tad-dritt internazzjonali, il-Qorti Ġenerali bdiet billi fakkret il-kliem tal-Artikolu 49, dwar l-għan u l-limiti tal-kontromiżuri, tal-Abbozz ta’ Artikoli dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Internazzjonalment Illegali, adottat mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti ( 8 ). Hija saħqet, f’dan ir-rigward, li r-Regolament ikkontestat kien ġie adottat f’kuntest ta’ reazzjoni għad-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, bil-għan li jiġu evitati iktar vjolenza, użu eċċessiv ta’ forza u ksur tad-drittijiet tal-bniedem f’dak il-pajjiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat ma kellhomx l-għan li jirreaġixxu għal att internazzjonalment illegali imputabbli lill-Venezwela permezz ta’ nuqqas temporanju ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Minn dan hija kkonkludiet li dawn ma kinux jikkostitwixxu kontromiżuri fis-sens tal-Artikolu 49 tal-Abbozz ta’ Artikoli tal-KDI, u ċaħdet, konsegwentement, l-allegazzjonijiet tal-Venezwela dwar l-allegat ksur mill-Kunsill tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil fl-affarijiet interni tal-Venezwela.

Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ibbażat fuq l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Hija fakkret li t-Trattati jagħtu lill-Kunsill il-kompetenza sabiex jadotta atti li jkun fihom miżuri restrittivi awtonomi ( 9 ), distinti minn miżuri rrakkomandati speċifikament mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Hija rrilevat li l-Venezwela ma wrietx, f’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ “prassi ġenerali aċċettata bħala liġi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], skont l-Artikolu 38(1)(b) tal-Istatut tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, li teħtieġ li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti qabel l-adozzjoni, mill-Kunsill, ta’ miżuri restrittivi.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li kienet teżisti relazzjoni raġonevoli bejn il-miżuri restrittivi inkwistjoni u l-għan imfittex li jiġi evitat ir-riskju ta’ vjolenza ġdida, ta’ użu eċċessiv tal-forza u ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Hija qieset, fid-dawl tan-natura limitata tal-miżuri previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat, kif ukoll tad-derogi li kien jipprevedi dan tal-aħħar, li l-imsemmija miżuri ma kinux manifestament mhux xierqa u lanqas ma kienu jmorru lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma ġiex miksur.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-Venezwela, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt internazzjonali konswetudinarju fir-rigward tal-allegata impożizzjoni ta’ kontromiżuri illegali.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Venezwela li l-miżuri adottati mill-Kunsill kienu jimplikaw l-eżerċizzju mill-Unjoni ta’ ġurisdizzjoni ekstraterritorjali, u minħabba f’hekk, l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni illegali fid-dritt internazzjonali, il-Qorti Ġenerali fakkret mill-ġdid il-kompetenza mogħtija lill-Kunsill mit-Trattati ( 10 ) fil-qasam tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, peress li dawn tal-aħħar jipprevedu b’mod partikolari “l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar”. Hija saħqet li l-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu jirrigwardaw persuni u sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri ratione loci jew ratione personae. Is-setgħa tal-Kunsill li jadotta miżuri restrittivi taqa’ fil-kuntest tal-miżuri awtonomi tal-Unjoni adottati fil-kuntest tal-PESK, konformement mal-għanijiet u mal-valuri tal-Unjoni ( 11 ), jiġifieri, b’mod partikolari, li jiġu promossi, fil-bqija tad-dinja, id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, li tikkostitwixxi “interess ġuridiku” komuni li d-drittijiet inkwistjoni jiġu mħarsa, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ( 12 ).

Fid-dawl tal-premess, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.


( 1 ) Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat‑13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2017, L 295, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas‑6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 276, p. 10).

( 3 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1653 tas‑6 ta’ Novembru 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 276, p. 1).

( 4 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (T‑65/18, EU:T:2019:649).

( 5 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507).

( 6 ) F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li s-sentenza inizjali kienet saret res judicata f’dak li jirrigwarda l-inammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 u tad-Deċiżjoni 2018/1656.

( 7 ) Fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE.

( 8 ) Abbozz adottat fl‑2001 mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem l-“Abbozz ta’ Artikoli tal-KDI”). L-Artikolu 49 jipprovdi: “1. L-Istat li jġarrab id-dannu jista’ jieħu kontromiżuri kontra l-Istat responsabbli għal atti internazzjonalment illegali biss sabiex iġiegħel lil dak l-Istat iwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Tieni Parti. 2. Il-kontromiżuri għandhom ikunu limitati għan-nuqqas temporanju ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi internazzjonali tal-Istat li jieħu l-miżuri fil-konfront tal-Istat responsabbli. 3. Il-kontromiżuri għandhom, sa fejn ikun possibbli, jittieħdu b’mod li jippermetti t-tkomplija tal-eżekuzzjoni tal-obbligi inkwistjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 9 ) Artikolu 29 TUE u Artikolu 215 TFUE.

( 10 ) Artikolu 29 TUE u Artikolu 215 TFUE.

( 11 ) Artikolu 3(5) TUE u Artikolu 21 TUE.

( 12 ) Sentenzi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Frar 1970, Barcelona Traction, Light and Power Company, Limited (Il-Belġju vs Spanja) (QIĠ Ġabra 1970, p. 3, paragrafu 33 u 34), tal‑20 ta’ Lulju 2012, Domandi dwar l-obbligu ta’ prosekuzzjoni jew ta’ estradizzjoni (Il-Belġju vs Is-Senegal) (QIĠ Ġabra 2012, p. 422, paragrafi 68 sa 70).

Top