EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0831

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs RQ.
Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Immunità ġudizzjarja – Deċiżjoni ta’ tneħħija – Att li jikkawża preġudizzju – Drittijiet tad-difiża.
Kawża C-831/18 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:481

Kawża C831/18 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

RQ

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2020

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Immunità ġudizzjarja – Deċiżjoni ta’ tneħħija – Att li jikkawża preġudizzju – Drittijiet tad-difiża”

1.        Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali – Inammissibbiltà – Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 168(1)(d) u 169(2))

(ara l-punti 42, 43, 62, 63)

2.        Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni li tneħħi l-immunità ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal – Inklużjoni

(Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 11(a); Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91)

(ara l-punti 44 sa 52)

3.        Appell – Aggravji – Aggravju indirizzat kontra raġuni superfluwa – Aggravju ineffettiv – Ċaħda

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

(ara l-punt 53)

4.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Dritt għal smigħ – Deċiżjoni li tneħħi l-immunità ta’ uffiċjal – Assenza ta’ smigħ minn qabel tal-uffiċjal fid-dawl tan-natura sigrieta tal-istruttorja invokata mill-awtoritajiet nazzjonali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Ibbilanċjar tar-rekwiżiti marbuta man-natura sigrieta tal-istruttorja u tar-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2)(a) u 52(1))

(ara l-punti 64 sa 82)

5.        Uffiċjali – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Obbligu li l-individwu kkonċernat jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalu preġudizzju – Portata – Deċiżjoni li tneħħi l-immunità ta’ uffiċjal – Assenza ta’ smigħ minn qabel tal-uffiċjal fid-dawl tan-natura sigrieta tal-istruttorja invokata mill-awtoritajiet nazzjonali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Ibbilanċjar tar-rekwiżiti marbuta man-natura sigrieta tal-istruttorja u tar-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ – Obbligu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jiksbu mingħand l-awtoritajiet nazzjonali l-elementi li jiġġustifikaw l-assenza ta’ smigħ minn qabel – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali

(Artikolu 4(3) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2))

(ara l-punti 94 sa 102)

6.        Uffiċjali – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Obbligu li l-individwu kkonċernat jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalu preġudizzju – Portata – Deċiżjoni li tneħħi l-immunità ta’ uffiċjal – Ksur tad-dritt għal smigħ tal-uffiċjal – Konsegwenzi – Annullament tad-deċiżjoni kkonċernata – Kundizzjonijiet – Possibbiltà li l-proċedura amministrattiva twassal għal riżultat differenti fl-assenza tal-imsemmi ksur minħabba kunsiderazzjonijiet marbuta mal-interess tas-servizz

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2))

(ara l-punti 105 sa 117)

Sunt

Permezz tas-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs RQ (C‑831/18 P), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 2018, RQ vs Il-Kummissjoni (1), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kienet laqgħet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn RQ, ex Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2016) 1449 final, tat-2 ta’ Marzu 2016, li tneħħi l-immunità ġudizzjarja tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sa fejn ma kinitx fi stat li tiġi deċiża.

Fl-2012, ġie ppreżentat ilment mal-Kummissjoni minn produttur ta’ prodotti tat-tabakk, li kien jinkludi allegazzjonijiet gravi dwar l-involviment ta’ membru tal-Kummissjoni f’tentattivi ta’ korruzzjoni. L-OLAF, li tiegħu dak iż-żmien RQ kien id-Direttur Ġenerali, fetaħ investigazzjoni amministrattiva u, sabiex ikollu provi addizzjonali, talab lil xhud jagħmel konverżazzjoni telefonika ma’ persuna allegatament involuta fit-tentattiv ta’ korruzzjoni allegat. Din il-konverżazzjoni telefonika saret bl-użu, bil-qbil u fil-preżenza ta’ RQ, ta’ mowbajl fil-bini tal-OLAF. Wara l-għeluq ta’ din l-investigazzjoni amministrattiva, tressaq ilment kriminali quddiem qorti Belġjana, li fil-kuntest tiegħu kien invokat, b’mod partikolari, is-smigħ illegali ta’ telefonati. Sabiex ikun jista’ jeżamina dan l-ilment, l-imħallef inkwirenti Belġjan kompetenti talab lill-Kummissjoni tneħħi l-immunità ta’ RQ, sabiex jinstema’ bħala imputat. Peress li l-Kummissjoni laqgħet din it-talba, RQ ippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tat-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tiegħu. Dan ir-rikors intlaqa’ mill-Qorti Ġenerali għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet kisret id-dritt għal smigħ ta’ RQ, mingħajr ma seta’ jiġi eskluż kompletament li d-deċiżjoni kkontestata seta’ jkollha kontenut differenti fl-assenza ta’ dan il-ksur.

Adita b’appell ippreżentat mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett ikkonfermat li d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, bit-tneħħija tal-protezzjoni mogħtija lill-uffiċjal permezz tal-immunità ġudizzjarja prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7 (2), deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ immunità tesponih għal miżuri, b’mod partikolari ta’ detenzjoni u ta’ proċeduri legali, stabbiliti fid-dritt komuni tal-Istati Membri. Il-fatt li l-privileġġi u l-immunitajiet ġudizzjarji mogħtija lill-uffiċjali jingħataw biss fl-interess tal-Unjoni ma jibdel xejn mill-konstatazzjoni li t-tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal billi ċċaħħdu mill-benefiċċju ta’ din l-immunità u, konsegwentement, tikkostitwixxi att li jikkawżalu preġudizzju.

Wara li fakkret li d-dritt għal smigħ ma huwiex stabbilit biss fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), iżda wkoll fl-Artikolu 41 tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi kkonfermat li l-Kummissjoni kienet meħtieġa tisma’ lil RQ qabel tadotta d-deċiżjoni li tneħħi l-immunità ġudizzjarja tiegħu, minkejja li din l-immunità tal-uffiċjali hija intiża esklużivament li tipproteġi l-interessi tal-Unjoni. Fil-fatt, għalkemm jista’ jimplika limitazzjoni tal-argumenti li l-uffiċjal ikkonċernat jista’ jinvoka b’mod validu kontra t-tneħħija tal-immunità tiegħu, dan il-punt tal-aħħar ma jistax jiġġustifika l-fatt li dan l-uffiċjal ma jinstemax qabel titneħħa l-immunità tiegħu.

Fir-rigward tar-restrizzjonijiet li jistgħu jiġu introdotti fir-rigward tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta, bħad-dritt għal smigħ, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jeżiġi li kull limitazzjoni tkun prevista mil-liġi u tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni teħtieġ li, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-limitazzjoni tkun neċessarja u tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni.

F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, għalkemm, f’każ bħal dak ta’ RQ, l-assenza ta’ smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-tneħħija tal-immunità tiegħu tista’ tkun iġġustifikata mis-sigriet istruttorju, previst fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Belġjan, tali ġustifikazzjoni għandha madankollu tkun irriżervata għal każijiet eċċezzjonali. Fil-fatt, ma jistax jiġi preżunt li kull istruttorja kriminali timplika sistematikament riskju ta’ tentattivi ta’ ħabi ta’ provi u ta’ indizji mill-persuni kkonċernati, jew ftehimiet frawdolenti bejniethom, li jiġġustifika li dawn ma jiġux informati minn qabel dwar l-eżistenza ta’ istruttorja fil-konfront tagħhom. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali, qabel ma kkonkludiet li kien hemm każ eċċezzjonali li kien jiġġustifika li l-immunità ta’ RQ titneħħa mingħajr ma jkun instema’ minn qabel, kellha raġun meta qieset li l-Kummissjoni kien imissha, b’osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, implimentat miżuri li jippermettu, sa fejn ikun possibbli, li jiġi rrispettat id-dritt għal smigħ tiegħu, mingħajr ma tipperikola l-interessi li s-sigriet istruttorja huwa intiż li jipproteġi.

Il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-assenza ta’ smigħ ta’ RQ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet tmur lil hinn minn dak li kien meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi ggarantit is-sigriet istruttorju u, għaldaqstant, ma kinitx tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt għal smigħ tiegħu. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari kkonfermat li, f’każ bħal dak ta’ RQ, il-Kummissjoni kienet obbligata tikseb mingħand l-awtoritajiet nazzjonali provi suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat ksur gravi għad-dritt għal smigħ tiegħu. Dan, min-natura tiegħu, ma jimplikax interferenza fil-proċedura tal-Istat Membru kkonċernat, li huwa marbut mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE.

Fir-rigward tal-konsegwenzi legali tal-ksur tad-dritt għal smigħ ta’ RQ, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu fakkret li ksur tad-drittijiet tad-difiża jimplika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti. Sabiex jiġi evalwat l-impatt tal-ksur tad-dritt għal smigħ ta’ RQ fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tiegħu, huma rilevanti biss kunsiderazzjonijiet marbuta mal-interess tas-servizz. Għaldaqstant, RQ kellu jistabbilixxi li ma kienx kompletament eskluż li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti li kieku ngħata l-opportunità jinvoka argumenti u elementi marbuta mal-interess tas-servizz. Issa, peress li RQ ma ppreżenta ebda argument quddiem il-Qorti Ġenerali intiż sabiex jistabbilixxi dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-ksur tad-dritt għal smigħ ta’ RQ kien jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tiegħu.


1      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 2018, RQ vs Il-Kummissjoni (T-29/17, EU:T:2018:717)


2      Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266).

Top