EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0761

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Jannar 2021.
Päivi Leino-Sandberg vs Il-Parlament Ewropew.
Appell – Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Artikolu 10 – Rifjut ta’ aċċess – Rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kontra deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tirrifjuta l-aċċess għal dokument – Żvelar tad-dokument annotat minn terz wara l-preżentata tar-rikors – Dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali minħabba t-telf tal-interess ġuridiku – Żball ta’ liġi.
Kawża C-761/18 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:52

Kawża C761/18 P

Päivi Leino-Sandberg

vs

Il-Parlament Ewropew

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Jannar 2021

“Appell – Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Artikolu 10 – Rifjut ta’ aċċess – Rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kontra deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tirrifjuta l-aċċess għal dokument – Żvelar tad-dokument annotat minn terz wara l-preżentata tar-rikors – Dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali minħabba t-telf tal-interess ġuridiku – Żball ta’ liġi”

Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti – Żvelar ta’ dokument annotat minn terz wara l-preżentata tar-rikors – Eżistenza tal-interess ġuridiku – Evalwazzjoni fid-dawl tad-dritt materjali applikabbli għall-mertu tal-kawża – Regolament Nru 1049/2001 – Assimilazzjoni tal-iżvelar ta’ dokument minn terz mal-iżvelar mill-istituzzjoni kkonċernata – Inammissibbiltà – Żamma tal-interess ġuridiku

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 10(1) u (2))

(ara l-punti 32 sa 35, 40, 45 sa 49)

Sunt

L-appellanti, professura fl-università, ressqet quddiem il-Parlament Ewropew, fil-kuntest ta’ proġetti ta’ riċerka dwar it-trasparenza fit-trilogi, talba għal aċċess għad-deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni li tirrifjuta li tagħti lil persuna l-aċċess għal ċerti dokumenti, li fihom informazzjoni stabbilita fil-kuntest ta’ trilogi (1). Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2017 (2), il-Parlament irrifjuta lill-appellanti l-aċċess għad-dokument mitlub.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet (3) li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors tal-appellanti, ippreżentat kontra din l-aħħar deċiżjoni, peress li, wara l-iżvelar fuq l-internet, mid-destinatarju tiegħu, tad-dokument li għalih l-appellanti talbet l-aċċess, l-imsemmi rikors kien tilef l-iskop tiegħu.

Adita b’appell ippreżentat mill-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali u tirrinvija l-kawża quddiem din il-qorti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tagħha (4), il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, minkejja li d-dokument inkwistjoni ġie żvelat minn terz, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx irtirata formalment mill-Parlament, u li għaldaqstant it-tilwima żammet l-iskop tagħha.

Sabiex jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni dwar jekk l-appellanti, minkejja l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż minn terz, żammitx l-interess ġuridiku tagħha. Preliminarjament, hija tirrileva li, għalkemm huwa minnu li l-interess ġuridiku, li għandu jippersisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, jikkostitwixxi kundizzjoni proċedurali indipendenti mid-dritt sostantiv applikabbli għall-mertu ta’ kawża, dan madankollu ma jistax jiġi sseparat minn dan id-dritt. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li t-talba għal aċċess imressqa mill-appellanti kienet ibbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 (5), il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li dan ir-regolament, li huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ ftuħ, huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-usa’ possibbli. Hija tippreċiża li l-imsemmi regolament jistabbilixxi, minn naħa, id-dritt, bħala prinċipju, ta’ kull persuna li jkollha aċċess għad-dokumenti ta’ istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, l-obbligu, bħala prinċipju, ta’ istituzzjoni li tagħti l-aċċess għad-dokumenti tagħha. L-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huma elenkati b’mod eżawrjenti.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu ħsieb tippreċiża li, għalkemm, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 (6), l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tissodisfa l-obbligu tagħha li tagħti aċċess għad-dokument billi tinforma lill-applikant dwar il-mezzi sabiex jikseb id-dokument mixtieq jekk id-dokument ikun ġie żvelat minnha u jkun faċilment aċċessibbli, dan ma jkunx il-każ jekk id-dokument ta’ istituzzjoni jkun ġie żvelat minn terz. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li dokument żvelat minn terz ma jistax jitqies li jikkostitwixxi dokument uffiċjali jew bħala li jesprimi l-pożizzjoni uffiċjali ta’ istituzzjoni fl-assenza ta’ approvazzjoni inekwivoka ta’ din l-istituzzjoni li tgħid li dak li nġabar joriġina fil-fatt minnha u jesprimi l-pożizzjoni uffiċjali tagħha.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, f’sitwazzjoni fejn l-appellanti tikseb biss aċċess għad-dokument kontenzjuż żvelat minn terz u fejn il-Parlament ikompli jirrifjutalha l-aċċess għad-dokument mitlub, ma jistax jitqies li l-appellanti kisbet l-aċċess għall-imsemmi dokument, fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, u lanqas li, għaldaqstant, hija tilfet l-interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament li tirrifjutalha l-aċċess għal dan id-dokument, sempliċement minħabba dan l-iżvelar. Bil-kontra, f’tali sitwazzjoni, l-applikant iżomm interess reali li jikseb l-aċċess għal verżjoni awtentikata tad-dokument mitlub, li jiggarantixxi li din l-istituzzjoni hija l-awtur tiegħu u li dan id-dokument jesprimi l-pożizzjoni uffiċjali tagħha.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta assimilat l-iżvelar ta’ dokument minn terz mal-iżvelar mill-istituzzjoni kkonċernata tad-dokument mitlub u billi ddeduċiet minn dan li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tal-appellanti minħabba li, peress li d-dokument ġie żvelat minn terz, l-appellanti setgħet taċċedi għalih u tagħmel użu minnu b’mod daqstant legali daqslikieku hija kienet kisbitu bħala riżultat ta’ talba magħmula skont dan ir-regolament


1      Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2015, A(2015) 4931.


2      Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew A(2016) 15112.


3      Digriet tal-20 ta’ Settembru 2018, Leino-Sandberg vs Il-Parlament (T‑421/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:628).


4      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660).


5      Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001, L 145, p. 43).


6      Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Top