EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0746

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ Marzu 2021.
Proċeduri kriminali kontra H. K.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trattament ta’ data personali fis-settur tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Limitazzjonijiet – Artikolu 15(1) – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni li tipprovdi għaż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data relattiva għat-traffiku u għad-data ta’ lokalizzazzjoni mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma għal finijiet ta’ investigazzjoni – Ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali – Awtorizzazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur – Użu tad-data fil-kuntest tal-proċeduri kriminali bħala provi – Ammissibbiltà.
Kawża C-746/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:152

Kawża C746/18

H. K.

vs

Prokuratuur

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Riigikohus)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ Marzu 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trattament ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Limitazzjonijiet – Artikolu 15(1) – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni li tipprovdi għaż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data relattiva għat-traffiku u għad-data ta’ lokalizzazzjoni mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma għal finijiet ta’ investigazzjoni – Ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali – Awtorizzazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur – Użu tad-data fil-kuntest tal-proċeduri kriminali bħala provi – Ammissibbiltà”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Fakultà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Miżuri nazzjonali li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – Aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet kriminali – Għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali – Inammissibbiltà – Tul tal-perijodu ta’ aċċess għad-data u l-kwantità jew natura tad-data disponibbli għal tali perijodu – Assenza ta’ effett

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikoli 5(1) u 15(1))

(ara l-punti 29 sa 35, 40, 45, dispożittiv 1)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Fakultà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi  – Miżuri nazzjonali li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – Aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet kriminali – Aċċess suġġett għal verifika minn qabel imwettqa minn entità amministrattiva indipendenti – Awtorizzazzjoni ta’ aċċess mogħtija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikoli 5(1) u 15(1))

(ara l-punti 48-59, dispożittiv 2)

Sunt

L-aċċess, għal finijiet kriminali, għal ġabra ta’ data ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi dwar it-traffiku jew dwar il-lokalizzazzjoni, li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata, huwa awtorizzat biss sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità serja jew sabiex jiġi evitat theddid serju għas-sigurtà pubblika.

Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kompetenza lill-uffiċċju tal-prosekutur sabiex jawtorizza l-aċċess ta’ awtorità pubblika għal din id-data sabiex imexxi investigazzjoni kriminali.

Tressqu proċeduri kriminali fl-Estonja kontra H. K. fuq akkużi ta’ serq, ta’ użu tal-karta bankarja ta’ terz u ta’ vjolenza fir-rigward ta’ persuni li jipparteċipaw fi proċeduri ġudizzjarji. H. K. ġiet ikkundannata għal dawn ir-reati minn qorti tal-ewwel istanza għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell.

Il-proċessi verbali li fuqhom hi bbażata l-konstatazzjoni ta’ dawn ir-reati ġew ippreparati, b’mod partikolari, abbażi ta’ data ta’ natura personali ġġenerata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), li quddiemha tressaq appell fil-kassazzjoni minn H. K., esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni (1) taċ-ċirkustanzi li fihom is-servizzi ta’ investigazzjoni kellhom aċċess għal din id-data.

Dawn id-dubji jikkonċernaw, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk it-tul tal-perijodu li fih id-dipartimenti ta’ investigazzjoni kellhom aċċess għad-data jikkostitwixxix kriterju li jippermetti li tiġi evalwata l-gravità tal-indħil li jikkostitwixxi dan l-aċċess fil-konfront tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. Għalhekk, meta l-imsemmi perijodu jkun qasir ħafna jew meta l-kwantità tad-data miġbura tkun limitata ħafna, il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk l-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, u mhux biss tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, jistax jiġġustifika tali ndħil. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar il-possibbiltà li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Estonjan jitqies, fid-dawl tal-kompiti differenti fdati lilu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħala awtorità amministrattiva “indipendenti” fis-sens tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson et (2), li tista’ tawtorizza l-aċċess tal-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni għad-data kkonċernata.

Permezz tas-sentenza tagħha, mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika, moqrija fid-dawl tal-Karta, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għal data dwar it-traffiku jew data dwar il-lokalizzazzjoni, li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet imwettqa minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali li huwa juża u li jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tiegħu, għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, mingħajr ma dan l-aċċess ikun limitat għal proċeduri intiżi għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew għall-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tul tal-perijodu li għalih l-aċċess għal din id-data jintalab u l-kwantità jew in-natura tad-data disponibbli għal tali perijodu ma għandux effett f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din l-istess direttiva, moqrija fid-dawl tal-Karta, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kompetenza lill-uffiċċju tal-prosekutur sabiex jawtorizza l-aċċess ta’ awtorità pubblika għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni sabiex twettaq investigazzjoni kriminali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom l-aċċess għad-data dwar it-traffiku u għad-data ta’ lokalizzazzjoni miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’, għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jingħata lil awtoritajiet pubbliċi, b’applikazzjoni ta’ miżura adottata skont id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika (3), il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar dak li hija ddeċidiet fis-sentenza tagħha La Quadrature du Net et (4). Għalhekk, din id-direttiva tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw, fost oħrajn għal dawn il-finijiet, miżuri leġiżlattivi intiżi li jillimitaw il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari l-obbligu li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku (5), biss b’osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (6). F’dan il-kuntest, id-Direttiva tipprekludi miżuri leġiżlattivi li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod preventiv, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni.

Fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huma biss l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew ta’ prevenzjoni ta’ theddid serju għas-sigurtà pubblika li huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għal grupp ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, li jistgħu jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma fatturi oħra li jirrigwardaw il-proporzjonalità ta’ talba għal aċċess, bħat-tul tal-perijodu li għalih l-aċċess jintalab għal tali data, jista’ jkollhom l-effett li l-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali jkun jista’ jiġġustifika tali aċċess.

Fir-rigward tal-kompetenza mogħtija lill-uffiċċju tal-prosekutur sabiex jawtorizza l-aċċess ta’ awtorità pubblika għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni sabiex imexxi investigazzjoni kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-aċċess għad-data li huma jkollhom. Madankollu, sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, tali leġiżlazzjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni, li tagħhom tkun inżammet id-data personali, ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li din id-data tiġi protetta b’mod effettiv kontra r-riskji ta’ abbuż. Din il-leġiżlazzjoni għandha tkun legalment vinkolanti fid-dritt intern u għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet materjali u proċedurali tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa essenzjali li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun suġġett għal kontroll minn qabel imwettaq jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba mmotivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali. F’każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, l-istħarriġ għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-istħarriġ minn qabel jeħtieġ, fost oħrajn, li l-qorti jew l-entità inkarigata li twettaq dan l-istħarriġ ikollha s-setgħat kollha neċessarji u tippreżenta l-garanziji kollha neċessarji sabiex tiżgura konċiljazzjoni tal-interessi u tad-drittijiet differenti inkwistjoni. Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ investigazzjoni kriminali, tali stħarriġ jeżiġi li din il-qorti jew din l-entità tkun f’pożizzjoni li tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi marbuta mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li d-data tagħhom tkun ikkonċernata mill-aċċess. Meta dan l-istħarriġ jitwettaq mhux minn qorti iżda minn entità amministrattiva indipendenti, din għandha tgawdi minn status li jippermettilha taġixxi, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, b’mod oġġettiv u imparzjali u għandha tkun, għal dan il-għan, ħielsa minn kull influwenza esterna.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan jirriżulta li r-rekwiżit ta’ indipendenza li għandha tissodisfa l-awtorità inkarigata li teżerċita l-istħarriġ minn qabel jimponi li din l-awtorità jkollha l-kwalità ta’ terz fir-rigward ta’ dik li titlob l-aċċess għad-data, b’mod li tal-ewwel tkun f’pożizzjoni li teżerċita dan l-istħarriġ b’mod oġġettiv u imparzjali li tħalliha ħielsa minn kull influwenza esterna. B’mod partikolari, fil-qasam kriminali, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jimplika li l-awtorità inkarigata minn dan l-istħarriġ minn qabel, minn naħa, ma tkunx involuta fit-tmexxija tal-investigazzjoni kriminali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, ikollha pożizzjoni ta’ newtralità fil-konfront tal-partijiet fil-proċedura kriminali. Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ uffiċċju tal-prosekutur li, bħalma huwa l-każ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Estonjan, imexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni u jeżerċita, jekk ikun il-każ, l-azzjoni pubblika. Minn dan isegwi li l-uffiċċju tal-prosekutur ma huwiex f’pożizzjoni li jwettaq l-istħarriġ minn qabel imsemmi iktar’ il fuq.


1      Iktar preċiżament, mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU L 241, 10.9.2013, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).


2      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016: 970, 120).


3      Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.


4      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 166 sa 169).


5      Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58.


6      B’mod partikolari, l-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

Top