This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0626
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Diċembru 2020.
Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Direttiva (UE) 2018/957 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema – Kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg – Remunerazzjoni – Tul tal-kollokament – Determinazzjoni tal-bażi legali – Artikoli 53 u 62 TFUE – Emenda ta’ direttiva eżistenti – Artikolu 9 TFUE – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Neċessità – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasport bit-triq – Artikolu 58 TFUE.
Kawża C-626/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Diċembru 2020.
Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Direttiva (UE) 2018/957 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema – Kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg – Remunerazzjoni – Tul tal-kollokament – Determinazzjoni tal-bażi legali – Artikoli 53 u 62 TFUE – Emenda ta’ direttiva eżistenti – Artikolu 9 TFUE – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Neċessità – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasport bit-triq – Artikolu 58 TFUE.
Kawża C-626/18.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:1000
Kawża C‑626/18
Ir-Repubblika tal-Polonja
kontra
Il-Parlament Ewropew
u
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Diċembru 2020
“Rikors għal annullament – Direttiva (UE) 2018/957 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema – Kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg – Remunerazzjoni – Tul tal-kollokament – Determinazzjoni tal-bażi legali – Artikoli 53 u 62 TFUE – Emenda ta’ direttiva eżistenti – Artikolu 9 TFUE – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Neċessità – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasport bit-triq – Artikolu 58 TFUE”
Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali – Kundizzjoni – Natura diviżibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati – Kriterju oġġettiv – Kundizzjoni mhux issodisfatta – Inammissibbiltà
(Artikolu 263 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/957, Artikolu 1(2)(a) u (b); Direttiva tal-Kunsill 96/71, Artikolu 3(1) u (1a))
(ara l-punti 28 sa 34)
Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Direttiva 2018/957 – Emenda tad-Direttiva 96/71 – Bażi legali – Teħid inkunsiderazzjoni tad-Direttiva 96/71, tal-għan tagħha u tal-kontenut tagħha – Adozzjoni abbażi tal-istess bażi legali bħal dik tad-Direttiva 96/71
(Artikoli 9, 53(1) u 62 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/957; Direttiva tal-Kunsill 96/71, premessi 1, 5, 13 u 14 u Artikolu 3)
(ara l-punti 44 sa 47, 63 sa 69)
Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Artikoli 53(1) u 62 TFUE – Dispożizzjonijiet intiżi għall-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess ġenerali u tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9 TFUE
(Artikoli 9, 53(1) u 62 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/957)
(ara l-punti 49 sa 53, 88, 89)
Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Direttiva 2018/957 – Għan
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/957, premessi 4, 6 u 10)
(ara l-punti 55 sa 57, 90, 104 sa 107)
Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Proporzjonalità – Portata – Setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti
(ara l-punti 94, 95, 97 sa 99)
Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Direttiva ctive 2018/957 – Emenda tad-Direttiva 96/71 – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/957, premessi 4, 6 u 10; Direttiva tal-Kunsill 96/71, Artikolu 3(1))
(ara l-punti 102 sa 108, 111 sa 113, 115 sa 118)
Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Direttiva 2018/957 – Emenda tad-Direttiva 96/71 – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/957, Direttiva tal-Kunsill 96/71, premessa 16 u Artikolu 3(1) u (1a))
(ara l-punti 119 sa 122, 124, 125)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Regolament Nru 593/2008 – Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju – Dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-kunflitti ta’ liġi fil-qasam ta’ obbligi kuntrattwali – Kunċett – Artikolu 3(1) u (1a) tad-Direttiva 96/71, kif emendata bid-Direttiva 2018/957 – Inklużjoni
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 593/2008, premessa 40 u Artikoli 8(1) u (2), u 23; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/957; Direttiva tal-Kunsill 96/71, Artikolu 3(1) u (1a))
(ara l-punti 131 sa 134)
Sunt
Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-Ungerija u mill-Polonja kontra d-direttiva li ssaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema kkollokati. Fid-dawl b’mod partikolari tal-iżvilupp tas-suq intern wara t-tkabbir sussegwenti tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jwettaq evalwazzjoni mill-ġdid tal-interessi ta’ impriżi li jibbenefikaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi u dawk tal-ħaddiema tagħhom ikkollokati fi Stat Membru ospitanti, sabiex jiżgura li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi sseħħ taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi bejn dawn l-impriżi u dawk stabbiliti f’dan l-Istat Membru.
Id-Direttiva 96/71, dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi ( 1 ), ġiet parzjalment emendata bid-Direttiva 2018/957 ( 2 ). Meta adotta din tal-aħħar, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprova jiżgura l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fuq bażi ekwa billi jiggarantixxi kompetizzjoni li ma tkunx ibbażata fuq l-applikazzjoni, fi Stat Membru, ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg ta’ livell sostanzjalment differenti skont jekk il-persuna li timpjega tkunx stabbilita jew le f’dan l-Istat Membru, filwaqt li offra protezzjoni ikbar lill-ħaddiema kkollokati. Għal dan il-għan, id-Direttiva 2018/957 hija intiża li tirrendi l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema kkollokati l-iktar qrib possibbli għal dawk tal-ħaddiema impjegati minn impriżi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti.
F’dan is-sens, id-Direttiva 2018/957 emendat, fost oħrajn, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema kkollokati. Dawn l-emendi, iggwidati mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jinvolvu b’mod partikolari l-fatt li għal dawn il-ħaddiema ma jiġux applikati r-“rati minimi ta’ ħlas” stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti iżda r-“remunerazzjoni” prevista minn din il-liġi, li huwa kunċett usa’ minn dak ta’ rati minimi ta’ ħlas. Barra minn hekk, fil-każ li t-tul effettiv ta’ kollokament ikun ta’ iktar minn tnax-il xahar jew, b’eċċezzjoni, iktar minn tmintax-il xahar, id-Direttiva 2018/957 imponiet, permezz tal-inklużjoni tal-Artikolu 3(1a) fid-Direttiva 96/71, l-applikazzjoni ta’ kważi l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg kollha tal-Istat Membru ospitanti.
L-Ungerija (Kawża C‑620/18) u r-Repubblika tal-Polonja (Kawża C‑626/18) ippreżentaw rikors kull wieħed intiż għall-annullament tad-Direttiva 2018/957. Dawn l-Istati Membri jqajmu b’mod partikolari motivi bbażati fuq l-għażla ta’ bażi legali żbaljata għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva, fuq ksur tal-Artikolu 56 TFUE, li jiggarantixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll fuq ksur tar-Regolament “Ruma I” ( 3 ). Permezz tas-sentenzi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiċħad iż-żewġ rikorsi kollha kemm huma.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jibbaża ruħu, waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2018/957, fuq l-istess bażi legali bħal dik użata għall-adozzjoni tad-Direttiva 96/71, jiġifieri l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 TFUE ( 4 ), li jippermettu b’mod partikolari li jiġu adottati direttivi intiżi li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
Fil-fatt, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li, bħad-Direttiva 2018/957, temenda leġiżlazzjoni eżistenti, huwa importanti li, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali xierqa, tittieħed inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni eżistenti li hija temenda u, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tagħha. Barra minn hekk, meta att leġiżlattiv ikun diġà kkoordina l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’qasam partikolari ta’ azzjoni tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jadatta dan l-att għal kull bidla fiċ-ċirkustanzi jew għal kull żvilupp ta’ għarfien. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għat-tkabbir sussegwenti tal-Unjoni li seħħ mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/71, kif ukoll għal analiżi tal-impatt, imfassla fil-kuntest tal-emenda ta’ din id-direttiva. Din l-analiżi tikkonstata li d-Direttiva 96/71 kienet il-kawża ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ekwi bejn l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ospitanti u l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema f’dan l-Istat Membru, kif ukoll ta’ segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, minħabba distinzjoni strutturali tar-regoli dwar is-salarji applikabbli għall-ħaddiema rispettivi tagħhom ( 5 ).
Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-fatt li l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 TFUE jawtorizzaw lil-leġiżlatur tal-Unjoni jikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jistgħu, bid-diskrepanza tagħhom stess, jostakolaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn l-Istati Membri, ma jistax jimplika li dan il-leġiżlatur ma għandux jiżgura wkoll l-osservanza, b’mod partikolari, tal-għanijiet trażversali stabbiliti fl-Artikolu 9 TFUE. Fost dawn l-għanijiet hemm ir-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg kif ukoll il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata.
Għaldaqstant, sabiex jintlaħaq bl-aħjar mod l-għan li d-Direttiva 96/71 riedet tilħaq f’kuntest li kien inbidel, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jadatta l-bilanċ li fuqu kienet ibbażata din id-direttiva billi jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema kkollokati fl-Istat Membru ospitanti sabiex il-kompetizzjoni bejn l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema f’dan l-Istat Membru u l-impriżi stabbiliti fih tiżviluppa f’kundizzjonijiet iktar ekwi.
Il-Qorti tal-Ġustizza tippreċiża wkoll, f’dan il-kuntest, li l-Artikolu 153 TFUE, li huwa intiż biss għall-protezzjoni tal-ħaddiema u mhux għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni, ma setax jikkostitwixxi bażi legali tad-Direttiva 2018/957. Peress li din id-direttiva ma tinkludi ebda miżura ta’ armonizzazzjoni, iżda sempliċement tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-każ ta’ kollokament ta’ ħaddiema, billi timponi l-applikazzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg previsti mir-regoli vinkolanti tal-Istat Membru ospitanti, hija ma tistax tmur kontra l-eċċezzjoni li jistabbilixxi l-Artikolu 153(5) TFUE għall-kompetenzi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ewwel paragrafi ta’ dan l-artikolu.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 56 TFUE, u b’mod iktar partikolari, tal-fatt li d-Direttiva 2018/957 telimina l-vantaġġ kompetittiv, f’termini ta’ spejjeż, li minnhom ibbenefikaw il-fornituri ta’ servizzi stabbilit f’uħud mill-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja ttirrileva li, sabiex tilħaq l-għan tagħha, id-Direttiva 2018/957 twettaq bilanċ mill-ġdid tal-fatturi li fir-rigward tagħhom l-impriżi stabbiliti fid-diversi Stati Membri jistgħu jikkompetu bejniethom. Għaldaqstant, din id-direttiva ma tneħħix il-vantaġġ kompetittiv eventwali li minnu bbenefikaw il-fornituri ta’ servizz ta’ ċerti Stati Membri, peress li hija b’ebda mod ma għandha l-effett li telimina kull kompetizzjoni bbażata fuq l-ispejjeż. Hija tipprevedi, fil-fatt, li tiggarantixxi lill-ħaddiema kkollokati l-applikazzjoni ta’ numru ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg fl-Istat Membru ospitanti, fosthom l-elementi li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni li jkunu saru vinkolanti f’dan l-Istat. Għaldaqstant, din id-direttiva ma għandhiex effett fuq l-elementi l-oħra ta’ spejjeż ta’ impriżi li jikkollokaw tali ħaddiema, bħall-produttività jew l-effiċjenza ta’ dawn il-ħaddiema, li jissemmew fil-premessa 16 tagħha.
Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-eżami tal-legalità tar-regoli dwar il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” u dawk dwar il-kollokament għal żmien twil, previsti rispettivament fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li meta l-qorti tal-Unjoni tiġi adita b’rikors għal annullament kontra att leġiżlattiv bħad-Direttiva 2018/957, hija għandha tiżgura ruħha biss, mill-perspettiva tal-legalità interna ta’ dan l-att, li dan ma jiksirx it-Trattati UE u FUE jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li ma jkunx ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter. Għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma, bħal-leġiżlazzjoni dwar il-kollokament tal-ħaddiema, fejn l-azzjoni tiegħu tinvolvi għażliet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali u fejn jintalab iwettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi. Fir-rigward ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għal dak li jirrigwarda r-regola dwar il-kollokament għal żmien twil, kien mingħajr ma jwettaq żball manifest li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jqis li kollokament għal iktar minn tnax-il xahar kellu jkollu bħala konsegwenza li jqarreb b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni personali tal-ħaddiema kkollokati kkonċernati lejn dik tal-ħaddiema impjegati minn impriżi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti.
Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-analiżi tal-impatt, li ttieħdet inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex iqis li l-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati prevista mid-Direttiva 96/71 ma kinitx għadha xierqa, uriet, b’mod partikolari, żewġ ċirkustanzi li setgħu raġonevolment iwasslu lil-leġiżlatur iqis li l-applikazzjoni tar-“rati minimi ta’ ħlas” tal-Istat Membru ospitanti, ma kinitx iktar kapaċi tiżgura l-protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adottat interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett fis-sentenza Sähköalojen ammattiliitto ( 6 ), li tinkludi, lil hinn mis-salarju minimu previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti, ċertu numru ta’ elementi. Għaldaqstant, seta’ jiġi kkonstatat, fl-analiżi tal-impatt, li l-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas”, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, kien differenti ħafna mill-prassi mifruxa tal-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fi Stat Membru ieħor, li tikkonsisti f’li dawn jitħallsu biss il-paga minima. Min-naħa l-oħra, mill-analiżi tal-impatt jirriżulta li, matul is-sena 2014, kienu tfaċċaw differenzi sinjifikattivi fir-remunerazzjoni, f’diversi Stati Membri ospitanti, bejn il-ħaddiema impjegati minn impriżi stabbiliti f’dawn l-Istati Membri u l-ħaddiema li ġew ikkollokati fihom.
Fil-ħames lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-allegat ksur tar-Regolament “Ruma I” mill-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata, li jipprevedi li, fil-każ ta’ kollokament għal iktar minn tnax-il xahar, kważi l-obbligi kollha li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti japplikaw imperattivament għall-ħaddiema kkollokati, tkun liema tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota li l-Artikolu 8 tar-Regolament “Ruma I” jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu li, fin-nuqqas ta’ għażla min-naħa tal-partijiet, il-kuntratt individwali ta’ xogħol jiġi rregolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu, u dan il-pajjiż ma jitqiesx li jinbidel meta l-ħaddiem iwettaq ix-xogħol tiegħu temporanjament f’pajjiż ieħor. Għaldaqstant, ir-Regolament “Ruma I” jipprevedi, fl-Artikolu 23 tiegħu, li tista’ ssir deroga mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li huwa jistabbilixxi meta dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxu regoli dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali f’ċerti oqsma. Issa, min-natura tiegħu u mill-kontenut tiegħu, l-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata jikkostitwixi regola speċjali ta’ kunflitt tal-liġijiet, fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament “Ruma I”.
( 1 ) Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 5, Vol. 2, p. 431; u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66).
( 2 ) Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU 2018, L 173, p. 16, u r-rettifika fil-ĠU 2019, L 91, p. 77).
( 3 ) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6 u rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ‘Ruma I'”).
( 4 ) Id-Direttiva 96/71 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 57(2) u tal-Artikolu 66 KE, li ġew issostitwiti bl-artikoli tat-Trattat FUE iċċitati iktar ’il fuq.
( 5 ) Dokument ta’ Ħidma SWD(2016) 52 final tat-8 ta’ Marzu 2016 intitolat “Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71”.
( 6 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2015, Sähköalojen ammattiliitto (C‑396/13, EU:C:2015:86, EU:C:2015:86, punti 38 sa 70).