Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0546

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-9 ta’ Settembru 2021.
    FN et vs Übernahmekommission.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Offerti pubbliċi ta’ akkwist – Direttiva 2004/25/KE – Artikolu 5 – Offerta obbligatorja – Artikolu 4 – Awtorità superviżorja – Deċiżjoni definittiva li tikkonstata ksur tal-obbligu li tiġi sottomessa offerta pubblika ta’ akkwist – Effett vinkolanti ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ulterjuri mibdija mill-istess awtorità – Prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Drittijiet tad-difiża – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Dritt li wieħed jibqa’ sieket – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali.
    Kawża C-546/18.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:711

    Kawża C‑546/18

    FN et

    vs

    Übernahmekommission

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-9 ta’ Settembru 2021

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Offerti pubbliċi ta’ akkwist – Direttiva 2004/25/KE – Artikolu 5 – Offerta obbligatorja – Artikolu 4 – Awtorità superviżorja – Deċiżjoni definittiva li tikkonstata ksur tal-obbligu li tiġi sottomessa offerta pubblika ta’ akkwist – Effett vinkolanti ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ulterjuri mibdija mill-istess awtorità – Prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Drittijiet tad-difiża – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Dritt li wieħed jibqa’ sieket – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali”

    Libertà ta’ stabbiliment – Kumpanniji – Direttiva 2004/25 – Offerti pubbliċi ta’ akkwist – Awtorità superviżorja – Sanzjonijiet – Deċiżjoni definittiva li tikkonstata ksur tal-obbligu li tiġi sottomessa offerta pubblika ta’ akkwist – Effett vinkolanti ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ulterjuri mibdija mill-istess awtorità – Partijiet ikkonċernati minn din il-proċedura li, matul il-proċedura preċedenti ta’ konstatazzjoni, ma setgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża u d-dritt li wieħed jibqa’ sieket u li lanqas ma setgħu jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza – Partijiet li ma jistgħux jibbenefikaw mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-imsemmija deċiżjoni fi proċedura ta’ ġurisdizzjoni sħiħa – Inammissibbiltà

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 48; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/25, Artikoli 4 u 17)

    (ara l-punti 58 sa 62, 70 u 71, u d-dispożittiv)

    Sunt

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2016, l-Übernahmekommission (il-Kummissjoni tal-Offerti Pubbliċi ta’ Akkwist, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni tal-OPA”) ikkonstatat li GM, persuna fiżika, u erba’ kumpanniji kienu aġixxew flimkien sabiex jinċitaw lil kumpannija oħra tikkonkludi tranżazzjoni li kellha twassal sabiex jissaħħaħ b’mod sostanzjali s-sehem miżmum mill-azzjonist prinċipali tagħha. Peress li l-partijiet inkwistjoni kellhom sehem li kien jagħti kontroll fil-kumpannija kkonċernata, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tittrasponi d-Direttiva 2004/25 ( 1 ), il-Kummissjoni tal-OPA qieset li dawn il-partijiet kienu meħtieġa jissottomettu offerta pubblika ta’ akkwist.

    Peress li din id-deċiżjoni saret definittiva, il-Kummissjoni tal-OPA sussegwentement bdiet proċedura intiża għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi kontra GM u żewġ persuni fiżiċi oħra, HL u FN, dawn it-tnejn tal-aħħar fil-kwalità tagħhom, rispettivament, ta’ membru tal-bord tad-diretturi u ta’ direttur ta’ tnejn mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2016.

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni tal-OPA imponiet fuq GM, HL u FN sanzjonijiet amministrattivi bbażati, b’mod partikolari, fuq il-konstatazzjonijiet fattwali li jinsabu fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2016.

    Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), li quddiemha ġew ippreżentati rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tad-29 ta’ Jannar 2018, għandha dubji dwar il-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tal-prassi amministrattiva nazzjonali segwita mill-Kummissjoni tal-OPA. Fil-fatt, skont id-dritt Awstrijak, deċiżjoni li tikkonstata ksur, bħal dik tat-22 ta’ Novembru 2016, ladarba tkun saret definittiva, torbot mhux biss lill-awtorità li tkun adottatha, iżda wkoll lill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji l-oħra msejħa sabiex jiddeċiedu fi proċeduri oħra dwar l-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi, bil-kundizzjoni li jkun hemm identiċità tal-partijiet ikkonċernati.

    Fir-rigward ta’ HL u FN, il-Qorti Amministrattiva Federali għandha dubju dwar l-eżistenza ta’ tali identiċità, peress li dawn ma kinux preżenti bħala “partijiet” matul il-proċedura ta’ konstatazzjoni tal-ksur, iżda aġixxew biss bħala rappreżentanti ta’ tnejn mill-kumpanniji li kienu partijiet fl-imsemmija proċedura. Madankollu, waqt il-proċedimenti ta’ sanzjoni amministrattiva, il-Kummissjoni tal-OPA rrikonoxxiet li d-deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2016 kellha effetti vinkolanti fil-konfront ta’ HL u FN. Peress li dawn tal-aħħar ma kinux ibbenefikaw mill-istatus ta’ “parti” fil-proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ ksur, huma ma kinux setgħu jibbenefikaw mid-drittijiet proċedurali kollha rrikonoxxuti lil “parti”, inkluż id-dritt li wieħed jibqa’ sieket.

    Permezz tad-domandi tagħha, il-Qorti Amministrattiva Federali qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 4 u 17 tad-Direttiva 2004/25, moqrija fid-dawl tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludux prassi nazzjonali bħal dik segwita f’dan il-każ mill-Kummissjoni tal-OPA.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Peress li d-Direttiva 2004/25 ma tipprevedix regoli li jirregolaw l-effetti li d-deċiżjonijiet amministrattivi definittivi adottati skont din id-direttiva jipproduċu fi proċeduri ulterjuri, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Għalhekk, bħala prinċipju, id-Direttiva 2004/25 ma tipprekludix l-istabbiliment ta’ proċedura amministrattiva maqsuma f’żewġ fażijiet distinti, bħal f’dan il-każ, u lanqas prassi li tagħti effett vinkolanti lil deċiżjonijiet amministrattivi, li saru definittivi, fi proċeduri ulterjuri. Fil-fatt, tali prassi tista’ tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-proċeduri amministrattivi intiżi sabiex jistabbilixxu kif ukoll sabiex jissanzjonaw in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tad-Direttiva 2004/25, u għalhekk sabiex jiġi żgurat l-effett utli tagħha. Madankollu, id-drittijiet iggarantiti lill-partijiet ikkonċernati mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu rrispettati fiż-żewġ fażijiet proċedurali msemmija iktar ’il fuq.

    Fir-rigward ta’ persuni li, bħal GM, kienu partijiet fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata t-twettiq ta’ ksur, l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu li tali deċiżjoni għandha effett vinkolanti fil-kuntest ta’ proċedura ulterjuri intiża sabiex timponi fuq dawn il-persuni sanzjoni amministrattiva minħabba t-twettiq ta’ dan il-ksur, sakemm dawn il-persuni setgħu jinvokaw, matul il-proċedura ta’ konstatazzjoni, id-drittijiet fundamentali tagħhom, bħad-drittijiet tad-difiża, id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u l-preżunzjoni ta’ innoċenza.

    Għall-kuntrarju, fid-dawl tan-natura suġġettiva tad-drittijiet tad-difiża, is-sitwazzjoni tkun differenti fir-rigward ta’ persuni li, bħal HL u FN, ma kinux parti fil-proċedura ta’ konstatazzjoni, anki jekk dawn il-persuni aġixxew bħala membri ta’ korp ta’ rappreżentanza ta’ persuna ġuridika li kienet parti fl-imsemmija proċedura. Għaldaqstant, l-awtorità amministrattiva għandha teskludi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva li tirrigwarda persuna fiżika, l-effett vinkolanti marbut mal-evalwazzjonijiet li jinsabu f’deċiżjoni li tikkonstata l-ksur allegat fil-konfront ta’ din il-persuna u li saret definittiva, mingħajr ma l-imsemmija persuna setgħet tikkontesta personalment dawn l-evalwazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha stess. Bl-istess mod, id-dritt li wieħed jibqa’ sieket jipprekludi li tali persuna tiġi mċaħħda minn dan id-dritt fir-rigward tal-punti ta’ fatt li sussegwentement ikunu ser jintużaw insostenn tal-akkuża u b’hekk ikun ser ikollhom effett fuq il-kundanna jew is-sanzjoni imposta. Barra minn hekk, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tipprekludi li persuna fiżika tinżamm responsabbli, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva, għat-twettiq ta’ ksur ikkonstatat minn deċiżjoni li saret definittiva mingħajr ma l-imsemmija persuna setgħet tikkontestaha, u li ma tkunx għadha tista’ tiġi kkontestata mill-imsemmija persuna, fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal rimedju effettiv, quddiem qorti indipendenti, imparzjali u kompetenti sabiex tiddeċiedi kemm il-punti ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi. Dan id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandu jibbenefika lill-partijiet kollha kkonċernati mill-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva, kemm jekk kienu u kemm jekk ma kinux partijiet fil-proċedura preċedenti ta’ konstatazzjoni.


    ( 1 ) Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal 21 ta’ April 2004 dwar offerti ta’ xiri (ĠU 2004, L 142, p. 12).

    Top