Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0447

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2019.
    UB vs Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Benefiċċju tax-xjuħija – Moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7 – Ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema nazzjonali u tal-ħaddiema migranti – Vantaġġi soċjali – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-għoti ta’ ‘allowance għar-rappreżentanti sportivi’ biss għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat.
    Kawża C-447/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1098

    Kawża C447/18

    UB

    vs

    Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky)

     Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2019

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Benefiċċju tax-xjuħija – Moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7 – Ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema nazzjonali u tal-ħaddiema migranti – Vantaġġi soċjali – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-għoti ta’ ‘allowance għar-rappreżentanti sportivi’ biss għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat”

    1.        Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Benefiċċji tax-xjuħija – Kunċett – Allowance stabbilita favur ċerti sportivi ta’ livell għoli li jkunu rrappreżentaw Stat Membru – Esklużjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 3(1))

    (ara l-punti 26-33, 54, dispożittiv 1)

    2.        Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Kunċett – Allowance stabbilita favur ċerti sportivi ta’ livell għoli li jkunu rrappreżentaw Stat Membru – Inklużjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti tal-imsemmija allowance għall-kundizzjoni ta’ nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru – Inammissibbiltà

    (Artikolu 45 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 492/2011, Artikolu 7(2))

    (ara l-punti 38-41, 49, 52, 53, 54, dispożittiv 2)

    3.        Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda – Ir-Repubblika Slovakka – Ir-Repubblika Ċeka – Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Ċittadin Ċek impjegat fis-Slovakkja sa minn data preċedenti għall-adeżjoni u li ma ċaqlaqx il-post ta’ residenza tiegħu – Inklużjoni

    (Att ta’ Adeżjoni tal-2003, Artikolu 24; Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, Artikolu 7(2))

    (ara l-punti 42-44)


    Sunt

    Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tillimita l-benefiċċju ta’ allowance stabbilita favur ċerti rappreżentanti sportivi biss għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema

    Fis-sentenza Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava et (C‑447/18), mogħtija fit-18 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/ dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (1), li jipprevedi li ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra mill-istess vantaġġi soċjali bħall-ħaddiema nazzjonali, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-benefiċċju ta’ allowance mħallsa lil ċerti sportivi ta’ livell għoli li jkunu rrappreżentaw lil dan l-Istat Membru, jew lill-predeċessuri legali ta’ dan, fil-kuntest ta’ kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali, għall-kundizzjoni li l-applikant ikollu n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru.

    F’dan il-każ, ċittadin Ċek (li għażel din in-nazzjonalità max-xoljiment tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka) li għandu r-residenza tiegħu fit-territorju li llum huwa s-Slovakkja u li kien kiseb midalji tad-deheb u tal-fidda f’kampjonati Ewropew u dinjija tal-Ice Hockey, inkwantu membru tat-tim nazzjonali tar-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka, ġie rrifjutat il-benefiċċju ta’ allowance stabbilita favur ċerti sportivi ta’ livell għoli li jkunu rrappreżentaw lis-Slovakkja, minħabba li ma kellux in-nazzjonalità Slovakka. Fiż-żmien tal-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka u tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea, il-persuna kkonċernata kienet barra minn hekk impjegata fi skola primarja u kienet kompliet teżerċita dan l-impjieg wara l-adeżjoni.

    Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-allowance inkwistjoni hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali(2). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-allowance ma taqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċċju tax-xjuħija”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament li jistabbilixxi l-oqsma ta’ sigurtà soċjali li għalihom japplika r-Regolament Nru 883/2004. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, f’dan ir-rigward, li l-għan essenzjali tal-allowance huwa li l-benefiċjari ta’ din jiġu kkumpensati għall-kisbiet tagħhom fil-qasam sportiv meta rrappreżentaw il-pajjiż tagħhom, u dan jispjega, minn naħa, il-finanzjament dirett mill-Istat, barra mis-sorsi ta’ finanzjament tas-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali u indipendentement mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-benefiċjarji tagħha, u, min-naħa l-oħra, li hija titħallas biss lil numru ristrett ħafna ta’ atleti. Minbarra dan, hija żiedet li l-ħlas tal-allowance huwa suġġett mhux għad-dritt tal-benefiċjarju li jirċievi pensjoni tal-irtirar, iżda biss għal talba f’dan is-sens imressqa minn dan.

    Sussegwentement, wara li speċifikat li l-ħaddiem ikkonċernat, filwaqt li ma ċaqlaqx il-post ta’ residenza tiegħu, sab ruħu, minħabba l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat li huwa ċittadin tiegħu u tal-Istat li fit-territorju tiegħu huwa stabbilixxa r-residenza tiegħu, fis-sitwazzjoni ta’ ħaddiem migrant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-allowance kkonċernata inkwistjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. F’dan il-kuntest, hija kkonstatat li l-possibbiltà għal ħaddiem migrant li jiġi kkumpensat, bl-istess mod bħall-ħaddiema ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, għar-riżultati sportivi eċċezzjonali li huwa kiseb bħala rappreżentant ta’ dan l-Istat Membru, jew tal-predeċessuri legali ta’ dan, tista’ tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ dan il-ħaddiem fl-imsemmi Stat Membru u għalhekk għat-twettiq tal-għan tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-allowance inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala effett mhux biss li tagħti lill-benefiċjari tagħha sigurtà finanzjarja intiża, b’mod partikolari, sabiex tagħmel tajjeb għall-assenza ta’ integrazzjoni sħiħa fis-suq tax-xogħol matul is-snin iddedikati għall-prattika ta’ sport ta’ livell għoli, iżda wkoll u prinċipalment sabiex tagħtihom prestiġju soċjali partikolari minħabba r-riżultati sportivi li huma jkunu kisbu fil-kuntest ta’ tali rappreżentanza.

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li Stat Membru li jagħti tali allowance lill-ħaddiema nazzjonali tiegħu ma jistax jirrifjutaha lill-ħaddiema ċittadini tal-Istati Membri l-oħra mingħajr ma jwettaq diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.


    1      Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1). L-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi espressjoni partikolari tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali.


    2      Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

    Top