Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0385

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
    Arriva Italia Srl et vs Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Kunċett – Impriża pubblika ferrovjarja f’diffikultà – Miżuri ta’ għajnuna – Għoti ta’ għajnuna finanzjarja – Għan – Tkomplija tal-attivitajiet tal-impriża pubblika ferrovjarja – Għoti u parteċipazzjoni fil-kapital ta’ din l-impriża pubblika – Trasferiment fil-kapital ta’ impriża pubblika oħra – Kriterju ta’ investitur privat – Obbligu ta’ notifika preliminari tal-għajnuna ġdida.
    Kawża C-385/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1121

    Kawża C-385/18

    Arriva Italia Srl et

    vs

    Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Kunċett – Impriża pubblika ferrovjarja f’diffikultà – Miżuri ta’ għajnuna – Għoti ta’ għajnuna finanzjarja – Għan – Tkomplija tal-attivitajiet tal-impriża pubblika ferrovjarja – Għoti u parteċipazzjoni fil-kapital ta’ din l-impriża pubblika – Trasferiment fil-kapital ta’ impriża pubblika oħra – Kriterju ta’ investitur privat – Obbligu ta’ notifika preliminari tal-għajnuna ġdida”

    1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat imputabbli lill-Istat – Awtorizzazzjoni leġiżlattiva ta’ spiża baġitarja favur impriża pubblika f’diffikultà – Inklużjoni – Assenza ta’ mobilizzazzjoni immedjata u ċerta tar-riżorsi statali – Assenza ta’ effett

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 33-41)

    2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Għajnuna li tista’ taffettwa l-imsemmi kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni – Kunċett

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 42-45)

    3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat – Stat azzjonist ta’ impriża – Għoti ta’ somma ta’ flus lil impriża pubblika f’diffikultà sabiex tiġi żgurata t-tkomplija tal-attivitajiet tagħha – Stat li jaġixxi bħala setgħa pubblika – Distinzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat – Elementi ta’ evalwazzjoni

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 46-51)

    4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Għajnuna li tippermetti ż-żamma fuq is-suq ta’ impriża pubblika f’diffikultà – Għajnuna li tista’ toħloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni – Impriża pubblika li tibbenefika minn monopolju legali li ma jeskludix kull kompetizzjoni potenzjali – Assenza ta’ effett

      (Artikolu 107(1) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2016/C 262/01, punti 188 u 219)

      (ara l-punti 52-61)

    5. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Trasferiment mingħajr korrispettiv finanzjarju tal-holding tal-Istat fil-kapital ta’ impriża pubblika f’diffikultà lil impriża pubblika oħra – Determinazzjoni tal-benefiċjarju – Kriterji

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punt 64)

    6. Kompetizzjoni – Applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni – Ugwaljanza fit-trattament bejn impriżi pubbliċi u privati – Skema tal-proprjetà pubblika – Assenza ta’ effett

      (Artikolu 106(1), Artikolu 107(1) u Artikolu 345 TFUE)

      (ara l-punti 66, 67)

    7. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat – Stat azzjonist ta’ impriża – Trasferiment mingħajr korrispettiv finanzjarju tal-holding tal-Istat fil-kapital ta’ impriża pubblika f’diffikultà lil impriża pubblika oħra – Trasferiment bl-obbligu ta’ rimedju tal-iżbilanċ patrimonjali tal-impriża f’diffikultà bħala kontroparti – Elementi ta’ evalwazzjoni

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 70-75)

    8. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali fl-Artikolu 108(3) TFUE – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Obbligu li jinġibdu l-konsegwenzi kollha ta’ dan il-ksur b’konformità mad-dritt nazzjonali – Obbligu li tiġi rritornata l-għajnuna illegali

      (Artikoli 108(3) TFUE)

      (ara l-punti 81-89, u d-dispożittiv 2)

    Sunt

    Il-miżuri adottati minn Stat Membru li jippermettu ż-żamma fuq is-suq ta’ impriża pubblika fis-settur ferrovjarju f’diffikultà jaqgħu taħt ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat

    Fis-sentenza dwar talba preliminari Arttiva Italia et (C-385/18), mogħtija fid-19 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet xi preċiżazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri tal-Istat adottati u implementati bħala risposta għad-diffikultajiet finanzjarji li kienet għaddejja minnhom impriża pubblika tas-settur ferrovjarju.

    Il-kawża pendenti quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) hija dwar żewġ miżuri adottati mill-Istat Taljan fl-2015/2016, b’risposta għad-diffikultajiet finanzjarji li kien għaddej minnhom operatur pubbliku ta’ infrastruttura ferrovjarja lokali li kien jipprovdi wkoll servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri. Dawn il-miżuri kienu jikkonsistu, minn naħa, fl-awtorizzazzjoni ta’ allokazzjoni baġitarja ta’ EUR 70 miljun intiża sabiex tkopri l-bżonnijiet finanzjarji ta’ dan l-operatur (iktar ’il quddiem il-“miżura finanzjarja”) u, min-naħa l-oħra, fi trasferiment, lill-grupp pubbliku li jopera l-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali u li jipprovdi servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri, tal-kapital tal-operatur f’diffikultà preċedentememt miżmum esklużivament mill-Istat, mingħajr korrispettiv finanzjarju u mingħajr sejħa għal offerti, iżda bl-oneru għal dan il-grupp pubbliku li jirrimedja għall-iżbilanċ finanzjarju tal-operatur inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“miżura ta’ trasferiment tal-kapital tal-kumpannija”).

    Il-Consiglio di Stato huwa mitlub jiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ deċiżjoni li tiċħad ir-rikors ippreżentat minn diversi operaturi ferrovjarji kontra d-digriet ministerjali li jipprovdi għall-miżura ta’ trasferiment tal-kapital tal-kumpannija. Ir-rikorrenti jeċċepixxu l-illegalità tad-digriet, minħabba nuqqas ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni taż-żewġ miżuri inkwantu għajnuna mill-Istat.

    Mistoqsija mill-Consiglio di Stato dwar l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ kwalifika tal-miżuri nazzjonali ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, f’dak li jikkonċerna l-miżura finanzjarja, li użu ta’ riżorsi tal-Istat kellu jiġi permess meta l-benefiċjarju tal-miżura kien ingħata dritt għall-benefiċċju tas-somma inkwistjoni, mingħajr ma kien meħtieġ trasferiment effettiv tar-riżorsi inkwistjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki korrispondenti. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrelevat li s-selettività tal-vantaġġ hekk mogħti setgħet tapplika biss quddiem il-prova li l-Istat Taljan kien aġixxa fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist tal-operatur f’diffikultà, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-profitabbiltà tal-miżura finanzjarja. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ż-żamma tal-kumpannija benefiċjarja, magħmula possibbli bl-adozzjoni tal-miżura finanzjarja, kienet biżżejjed sabiex tikkaratterizza r-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, minkejja li l-attivitajiet eżerċitati mill-kumpannija benefiċjarja ma kienux suġġetti għal sejħa għal offerti.

    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-kwalifika li għandha tinżamm dwar il-miżura ta’ trasferiment tal-kapital tal-kumpannija, il-Qorti tal-Ġustizzja rrelevat li, abbażi tal-karatteristiċi preċiżi tagħha, ma setax jiġi eskluż li tali miżura tista’ tibbenefika jew lill-kumpannija pubblika ċessjonarja tal-holding, jew lill-operatur f’diffikultà, jew liż-żewġ kumpanniji kkonċernati. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-osservanza tal-iskemi ta’ proprjetà stabbiliti fl-Artikolu 345 TFUE ma jagħtix eżenzjoni għall-iskemi ta’ proprjetà pubblika, u, għaldaqstant, l-emendi bħal dawk li jirriżultaw mill-miżura inkwistjoni, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment tal-kapital tal-kumpannija kienx jikkostitwixxi vantaġġ selettiv, il-Qorti tal-Ġustizzja rrelevat li l-Istat Taljan ma kienx wettaq evalwazzjoni tal-profitabbiltà tiegħu qabel ma wettaq tali trasferiment. Għalhekk, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx jirriżulta li, b’applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, l-impriża pubblika benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak imqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha permezz tar-riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, li madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-konsegwenzi li għandhom jiġu miġbuda mill-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat, li kienet is-suġġett tat-tieni domanda tal-Consiglio di Stato. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fl-ipoteżi fejn il-miżuri inkwistjoni kellhom jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiġbed il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-assenza ta’ notifika preliminari ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u, għaldaqstant, tal-illegalità tagħhom.

    Top