Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0228

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-2 ta’ April 2020.
Gazdasági Versenyhivatal vs Budapest Bank Nyrt. et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101(1) TFUE – Sistema ta’ ħlas bil-kards – Ftehim interbankarju li jistabbilixxi l-livell tat-tariffi ta’ interkambju – Ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-effett – Kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni ‘minħabba l-għan’.
Kawża C-228/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:265

Kawża C-228/18

Gazdasági Versenyhivatal

vs

Budapest Bank Nyrt. et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kúria)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-2 ta’ April 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101(1) TFUE – Sistema ta’ ħlas bil-kards – Ftehim interbankarju li jistabbilixxi l-livell tat-tariffi ta’ interkambju – Ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-effett – Kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni ‘minħabba l-għan’”

  1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domandi ġenerali jew ipotetiċi – Verifika mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ġurisdizzjoni tagħha

    (Artikoli 101 (1) u 267 TFUE)

    (ara l-punti 29-31)

  2. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Għan antikompetittiv – Konstatazzjoni suffiċjenti – Eżami tal-effetti – Ammissibbiltà

    (Artikolu 101 (1) TFUE)

    (ara l-punti 39-44)

  3. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Distinzjoni bejn restrizzjonijiet mingħabba l-għan u minħabba l-effett – Restrizzjoni minħabba l-għan – Grad suffiċjenti ta’ dannu – Evalwazzjoni

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 59, 69, 75, 78, 79, 82, 83)

  4. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Ftehim interbankarju li juniformizza l-livell tat-tariffi ta’ interkambju mħallsa fuq it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard – Għan antikompetittiv – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Eżami individwali u konkret, mill-qorti nazzjonali, tal-portata u tal-għanijiet tal-ftehim kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u legali

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 60-65, 69-86)

  5. Akkordji – Projbizzjoni – Ksur – Iffissar tal-prezz – Kunċett – Ftehim interbankarju li juniformizza l-livell tat-tariffi ta’ interkambju mħallsa fuq it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard – Pluralità ta’ għanijiet – Effett

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 69-86)

Sunt

Fis-sentenza Budapest Bank et (C-228/18), mogħtija fit-2 ta’ April 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kriterji applikabbli sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehimiet konklużi bejn stabbilimenti finanzjarji dwar it-tariffi applikati fuq it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard jikkostitwixxux prattiki jew ftehimiet li għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, ipprojbiti mill-Artikolu 101 TFUE.

Il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Gazdasági Versenyhivatal (l-awtorità tal-kompetizzjoni, l-Ungerija) u żewġ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas bil-kard, Visa u MasterCard, kif ukoll sitt stabbilimenti ta’ kreditu dwar deċiżjoni adottata fl-2009 mill-imsemmija awtorità tal-kompetizzjoni. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonstatat b’mod partikolari l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv dwar it-tariffi imsejħa “ta’ interkambju” u, konsegwentement, imponiet fuq sebgħa mill-istabbilimenti finanzjarji li huma partijiet fil-ftehim kif ukoll fuq Visa u MasterCard multi ta’ ammonti differenti.

Skont l-elementi esposti mill-qorti nazzjonali, it-tariffi ta’ interkambju huma ammonti li għandhom jitħallsu mill-istabbilimenti finanzjarji li jipprovdu lill-operaturi ekonomiċi terminals ta’ ħlas (iktar’ il quddiem il-“banek akkwirenti”) lill-istabbilimenti finanzjarji li joħorġu l-kard ta’ ħlas (iktar’ il quddiem il-“banek emittenti”), bħala membri tas-sistema ta’ ħlas proposta minn Visa jew MasterCard, meta titwettaq tranżazzjoni ta’ ħlas bil-kard. Seba’ stabbilimenti finanzjarji li jirrappreżentaw parti predominanti tas-swieq nazzjonali rilevanti qablu, f’April 1996, sabiex jiddeterminaw, skont il-kategorija ta’ operaturi, il-livell minimu tat-tariffa għas-servizz li għandha titħallas minn dawn tal-aħħar. F’Ottubru 1996 sar it-tieni ftehim (iktar’ il quddiem il-“Ftehim TIM”), innegozjat f’isem Visa u MasterCard, intiż sabiex jiġi uniformizzat l-ammont tat-tariffi ta’ interkambju dovuti fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ sistemi ta’ ħlas. Fi tmiem l-eżami tal-Ftehim TIM, l-awtorità tal-kompetizzjoni kkunsidrat, għall-perijodu li jibda mid-data tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE fil-konfront tal-istabbilimenti finanzjarji kollha li suċċessivament aderixxew mal-Ftehim TIM kif ukoll f’dak ta’ Visa u MasterCard. Fil-fehma tagħha, id-definizzjoni ta’ livell u ta’ struttura uniformi tat-tariffi ta’ interkambju applikabbli u, fir-rigward ta’ Visa u MasterCard, l-iffissar ta’ qafas għal dan il-għan fir-regoli interni rispettivi tagħhom, jikkostitwixxu ftehim li jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, peress li mhux biss għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, iżda jwassal ukoll għal effett restrittiv tal-kompetizzjoni.

Qabel xejn, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 101(1) TFUE ma jipprekludix li aġir antikompetittiv jitqies li għandu kemm bħala għan kif ukoll bħala effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Mitluba tippreċiża r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li koordinazzjoni bejn impriżi tinvolvi restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” meta hija tippreżenta, fiha nnifisha, grad suffiċjenti ta’ dannu, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati l-effetti tagħha fuq il-kompetizzjoni. Madankollu, meta l-istess aġir jitqies li għandu kemm l-għan kif ukoll l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, hija l-awtorità jew il-qorti kompetenti li għandha ssostni l-konstatazzjonijiet tagħha għal dawn il-finijiet permezz tal-provi neċessarji u li tippreċiża sa fejn l-imsemmija provi jirrigwardaw tip jew ieħor ta’ restrizzjoni hekk ikkonstatata

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni li tista’ tingħata lill-ftehim inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE, mhux mingħajr ma fakkret minn qabel li l-evalwazzjoni finali fuq dan il-punt għandha ssir mill-qorti nazzjonali.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat qabelxejn, fir-rigward tal-kontenut tal-Ftehim TIM, li dan kien uniformizza l-ammont tat-tariffi ta’ interkambju pagabbli mill-banek akkwirenti lill-banek emittenti fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard ta’ wieħed mis-sistemi ta’ ħlas, u b’hekk affettwa element ta’ kompetizzjoni kemm bejn iż-żewġ sistemi ta’ ħlas ikkunsidrati kif ukoll bejn il-banek akkwirenti. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, għalkemm il-ftehim inkwistjoni ma ddeterminax direttament it-tariffi ta’ servizz, restrizzjoni “minħabba l-għan” tista’ madankollu tiġi aċċettata jekk tali ftehim ikollu jiġi analizzat bħala ffissar indirett tal-prezz fis-sens tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE jew aġir ta’ dannu ekwivalenti fir-rigward tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

Madankollu, peress li kkonstatat li d-dannu meħtieġ għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni “minħabba l-għan” ma tirriżultax neċessarjament mill-elementi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kontenut tal-ftehim, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-elementi għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-għanijiet imfittxija mill-Ftehim TIM. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma setax jiġi eskluż li l-għan imfittex mill-Ftehim TMI ma kienx jikkonsisti f’li jiġi żgurat limitu minimu għat-tariffit, iżda li jiġi stabbilit ċertu bilanċ bejn l-attivitajiet ta’ “ħruġ” u ta’ “akkwist” fi ħdan kull waħda mis-sistemi ta’ ħlas bil-karta kkonċernati f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset rilevanti l-fatt li l-partijiet fil-ftehim kienu jinkludu kemm il-banek emittenti kif ukoll il-banek akkwirenti. Issa, għalkemm mill-verifiki li kellhom jitwettqu fuq dan il-punt mill-qorti nazzjonali jirriżulta li l-Ftehim TIM kellu bħala konsegwenza, billi jinnewtralizza l-kompetizzjoni bejn iż-żewġ sistemi ta’ ħlas bil-kard ikkonċernati fir-rigward tat-tariffi ta’ interkambju, li jintensifika l-kompetizzjoni f’dak li jirrigwarda karatteristiċi oħra ta’ dawn is-sistemi, dan jimplika, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li ssir evalwazzjoni tal-kompetizzjoni li kienet teżisti fis-suq ikkunsidrat fl-assenza tal-Ftehim TMI u, għaldaqstant, li jiġu analizzati l-effetti ta’ dan il-ftehim.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija ma kinitx ġiet adita b’elementi suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk in-newtralizzazzjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tat-tariffi ta’ interkambju kinitx turi, fiha nnifisha, grad suffiċjenti ta’ dannu tal-Ftehim TMI sabiex ma jkunx meħtieġ l-eżami tal-effetti tiegħu, u dan kemm fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn iż-żewġ sistemi ta’ ħlas bil-kard kif ukoll fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq tal-akkwist. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li limitazzjoni mill-Ftehim TIM tal-pressjoni fuq iż-żieda fit-tariffi ta’ interkambju li kienet isseħħ fl-assenza ta’ ftehim kienet madankollu rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-eżistenza ta’ restrizzjoni li tirriżulta minn dan il-ftehim.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim interbankarju li jistabbilixxi għall-istess ammont it-tariffa ta’ interkambju li jirċievu, meta ssir tranżazzjoni ta’ ħlas bil-kard, il-banek li ħarġu tali kards proposti mill-kumpanniji ta’ servizzi ta’ ħlas bil-kard attivi fuq is-suq nazzjonali kkonċernat, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala ftehim li għandu “l-għan” li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm dan il-ftehim, fid-dawl tat-termini tiegħu, tal-għanijiet u tal-kuntest tiegħu, ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat li għandu grad ta’ dannu suffiċjenti fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex jiġi hekk ikkwalifikat, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Top