This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0100
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2019.
Línea Directa Aseguradora SA vs Segurcaixa, Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Dannu materjali kkawżat lil proprjetà immobbli minn ħruq ta’ vettura pparkjata fil-parkeġġ privat ta’ din il-proprjetà – Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja.
Kawża C-100/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2019.
Línea Directa Aseguradora SA vs Segurcaixa, Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Dannu materjali kkawżat lil proprjetà immobbli minn ħruq ta’ vettura pparkjata fil-parkeġġ privat ta’ din il-proprjetà – Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja.
Kawża C-100/18.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:517
Kawża C‑100/18
Línea Directa Aseguradora SA
vs
Segurcaixa, Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2019
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Dannu materjali kkawżat lil proprjetà immobbli minn ħruq ta’ vettura pparkjata fil-parkeġġ privat ta’ din il-proprjetà – Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja”
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Direttiva 2009/103 — Kunċett ta’ użu ta’ vetturi — Interpretazzjoni awtonoma
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/103, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3)
(ara l-punt 32)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Direttiva 2009/103 — Kunċett ta’ użu ta’ vetturi — Użu ta’ vettura konformement mal-funzjoni tagħha ta’ trasport — Ħruq ta’ vettura pparkjata f’garaxx privat ta’ proprjetà immobbli għal iktar minn 24 siegħa li kkawża danni lil din il-proprjetà immobbli — Inklużjoni
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/103, Artikolu 1(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3)
(ara l-punti 35-43, 48, u d-dispożittiv)
Sunt
Sitwazzjoni fejn vettura pparkjata f’garaxx privat ta’ proprjetà immobbli għal iktar minn 24 siegħa tkun ħadet in-nar, u toħloq inċendju li l-oriġini tiegħu tinsab fiċ-ċirkwit tal-elettriku tal-vettura, u li tikkawża danni lil din il-proprjetà immobbli, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” fis-sens tad-Direttiva dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur
Fis-sentenza Línea Directa Aseguradora (C‑100/18), mogħtija fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” fis-sens tad-Direttiva 2009/103 ( 1 ) dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, billi qieset li taqa’ taħt dan il-kunċett sitwazzjoni li fiha vettura pparkjata f’garaxx privat ta’ proprjetà immobbli għal iktar minn 24 siegħa tkun ħadet in-nar, u toħloq inċendju li l-oriġini tiegħu tinsab fiċ-ċirkwit tal-elettriku ta’ din il-vettura, u tikkawża danni lil din il-proprjetà immobbli.
F’Awwissu 2013, vettura, ipparkjata għal iktar minn 24 siegħa fil-garaxx privat ta’ proprjetà immobbli, ħadet in-nar u kkaġunat danni. L-oriġini tan-nar kienet iċ-ċirkwit elettriku tal-vettura. Il-proprjetarju tal-vettura kien xtara assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur mingħand il-kumpannija Línea Directa. Il-proprjetà immobbli kienet assigurata mal-kumpannija Segurcaixa li kkumpensat lill-kumpannija proprjetarja ta’ din il-proprjetà immobbli fl-ammont ta’ EUR 44 704.34 bħala kumpens għad-danni kkawżati.
F’Marzu 2014, Segurcaixa ppreżentat rikors kontra Línea Directa sabiex din tal-aħħar tiġi kkundannata għar-rimbors tal-kumpens imħallas, għar-raġuni li l-inċident kien oriġina minn “fatt ta’ użu”, fis-sens tad-dritt Spanjol, kopert mill-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur. It-talba ta’ Segurcaixa ġiet miċħuda fl-ewwel istanza. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, Línea Directa ġiet ikkundannata għall-ħlas tal-kumpens mitlub minn Segurcaixa. Línea Directa ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem it-Tribunal Supremo (Qorti Suprema, Spanja). Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” li jinsab fid-Direttiva 2009/103, din il-qorti ddeċidiet li tindirizza diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret qabel kollox li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-imsemmija direttiva ( 2 ), jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li l-interpretazzjoni tiegħu ma tistax titħalla għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru. Din enfasizzat ukoll li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi kien segwit u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.
Fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ma huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet ta’ użu fit-toroq u li jaqa’ taħt dan il-kunċett kull użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ dan tal-aħħar, b’mod partikolari kwalunkwe użu ta’ vettura bħala mezz ta’ trasport. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, minn naħa, li l-fatt li l-vettura involuta f’inċident kienet wieqfa fil-mument meta seħħ dan l-inċident ma jeskludix, fih innifsu, li l-użu ta’ din il-vettura f’dak il-mument jista’ jaqa’ taħt il-funzjoni tagħha ta’ mezz ta’ trasport. Bl-istess mod, il-kwistjoni jekk il-magna tal-vettura kkonċernata kinitx mixgħula jew le fil-mument meta seħħ l-inċident lanqas ma hija determinanti f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/103 ma tillimita l-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni u tal-protezzjoni li dan l-obbligu huwa intiż li jagħti lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi bil-mutur, għall-każijiet ta’ użu ta’ tali vetturi fuq ċerti artijiet jew fuq ċerti toroq.
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan iddeduċiet li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tad-Direttiva 2009/103, ma jiddependix mill-karatteristiċi tal-art li fuqha tintuża din il-vettura u, b’mod partikolari, mill-fatt li l-vettura kkonċernata tkun, fil-mument tal-inċident, wieqfa u tinsab f’parkeġġ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ipparkjar u l-perijodu ta’ waqfien tal-vettura huma stadji naturali u meħtieġa li jiffurmaw parti integrali mill-użu tagħha bħala mezz ta’ trasport. B’hekk, vettura tintuża konformement mal-funzjoni ta’ trasport tagħha, fil-prinċipju, anki meta tkun ipparkjata bejn ċaqliq u ieħor.
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ipparkjar ta’ vettura f’garaxx privat jikkostitwixxi użu tagħha li huwa konformi mal-funzjoni tagħha ta’ trasport, peress li din il-konklużjoni ma titpoġġix indiskussjoni mill-fatt li l-imsemmija vettura kienet ipparkjata għal iktar minn 24 siegħa f’dan il-garaxx.
Finalment, fir-rigward tal-fatt li l-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta minn nar ikkawżat miċ-ċirkwit elettriku ta’ vettura, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, peress li l-vettura li wasslet għal dan l-inċident tissodisfa d-definizzjoni ta’ “vettura”, fis-sens tad-Direttiva 2009/103 ( 4 ), ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn il-partijiet tal-vettura msemmija li wasslu għall-fatt ta’ ħsara u lanqas li jiġu ddeterminati l-funzjonijiet imwettqa minn dik il-parti tal-vettura.
( 1 ) Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, p. 11)
( 2 ) L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi li kull Stat Membru għandu, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.
( 3 ) Ara, b’mod partikolari s-sentenzi tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro, (C‑334/16, EU:C:2017:1007) u tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company, (C‑648/17, EU:C:2018:917).
( 4 ) Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/103.