Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0016

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
    Michael Dobersberger vs Magistrat der Stadt Wien.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 56 u 57 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 96/71/KE – Applikabbiltà – Artikolu 1(3)(a) – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Provvista ta’ servizzi abbord ferroviji internazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligi amministrattivi fir-rigward tal-kollokament ta’ ħaddiema.
    Kawża C-16/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1110

    Kawża C‑16/18

    Michael Dobersberger

    vs

    Magistrat der Stadt Wien

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija))

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad‑19 ta’ Diċembru 2019

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 56 u 57 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 96/71/KE – Applikabbiltà – Artikolu (3)(a) – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Provvista ta’ servizzi abbord ferroviji internazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligi amministrattivi fir-rigward tal-kollokament ta’ ħaddiema”

    1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni – Servizzi fil-qasam tat-trasport fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE – Kunċett – Servizzi ta’ alloġġ, ta’ tindif u ta’ ristorazzjoni pprovduti f’ferroviji – Esklużjoni

      (Artikoli 56 u 58(1) TFUE)

      (ara l-punti 24 sa 26)

    2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Direttiva 96/71 – Ħaddiem ikkollokat – Kunċett – Ħaddiema li jwettqu parti kbira mix-xogħol tagħhom fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-impriża li tużahom għall-provvista ta’ servizzi f’ferroviji internazzjonali, u li jibdew jew itemmu s-servizz tagħhom f’dan l-Istat Membru – Esklużjoni

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, Artikoli 2(1) u 3(2))

      (ara l-punti 30 sa 33)

    3. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Direttiva 96/71 – Kamp ta’ applikazzjoni – Provvista lil operatur ferrovjarju ta’ servizzi mwettqa minn ħaddiema impjegati minn impriża stabbilita fi Stat Membru f’ferroviji internazzjonali li jaqsmu l-Istat Membru tal-operatur ferrovjarju – Esklużjoni – Kundizzjonijiet

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, Artikolu 1(3)(a))

      (ara l-punt 35 u d-dispożittiv)

    Sunt

    L-impjegati ta’ impriża Ungeriża li jipprovdu servizzi abbord ferrovija internazzjonali tal-Ferroviji Federali Awstrijaċi li jaqsmu l-Awstrija ma humiex ikkollokati f’dan l-Istat Membru fis-sens tad-direttiva dwar il-kollokament tal-ħaddiema

    Fis-sentenza Dobersberger (C‑16/18), mogħtija fid‑19 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, iddeċidiet li d-Direttiva 96/71 ( 1 ) ma tapplikax għal ħaddiema impjegati minn impriża stabbilita fi Stat Membru li jwettqu servizzi ta’ alloġġ, ta’ tindif jew ta’ ristorazzjoni f’ferroviji internazzjonali li jaqsmu l-Istat Membru tal-operatur ferrovjarju kkonċernat, meta dawn il-ħaddiema jwettqu parti kbira mix-xogħol inerenti għal dawn is-servizzi fit-territorju tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-impriża tagħhom u meta jibdew jew itemmu s-servizz tagħhom fih.

    M. Dobersberger huwa d-direttur ta’ impriża stabbilita fl-Ungerija li żgurat, permezz ta’ serje ta’ kuntratti ta’ subappalt li jinvolvu kumpanniji stabbiliti fl-Awstrija u fl-Ungerija, il-provvista ta’ servizzi f’ċerti ferroviji internazzjonali tal-Österreichische Bundesbahnen (il-Ferroviji Federali Awstrijaċi). Dawn il-ferroviji jaqsmu l-Awstrija u kellhom Budapest (l-Ungerija) bħala stazzjon tal-bidu jew tat-tmiem. Is-servizzi twettqu minn ħaddiema ddomiċiljati fl-Ungerija, li l-parti l-kbira tagħhom ġew ipprovduti lill-impriża minn impriża Ungeriża oħra. Il-ħaddiema kollha kellhom iċ-ċentru tal-ħajja tagħhom fl-Ungerija u kienu jibdew u jispiċċaw is-servizz tagħhom hemmhekk. Barra minn hekk, huma kienu jirċievu l-ikel u x-xorb f’Budapest u kienu jgħabbuhom fil-ferroviji. Huma kienu wkoll obbligati li jwettqu l-kontrolli tal-istat tal-ħażniet u l-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ f’Budapest.

    Wara kontroll fl-Awstrija, ġew imposti sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali fuq M. Dobersberger minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni soċjali Awstrijaka dwar il-kollokament ta’ ħaddiema fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Skont l-awtoritajiet Awstrijaċi, il-ħaddiema Ungeriżi kienu kkollokati fit-territorju Awstrijak, b’tali mod li M. Dobersberger kellu jissodisfa ċerti obbligi amministrattivi. B’hekk, huwa kellu jiddikjara, ġimgħa qabel il-bidu tax-xogħol, l-użu ta’ dawn il-ħaddiema u jżomm, fil-post fejn twettaq ix-xogħol, il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom kif ukoll diversi dokumenti dwar is-salarji mħallsa lill-imsemmija ħaddiema, bil-Ġermaniż, kif ukoll id-dokumenti relatati mal-isħubija tagħhom mas-sigurtà soċjali.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, qamet il-kwistjoni jekk id-Direttiva 96/71, li l-leġiżlazzjoni soċjali Awstrijaka hija intiża sabiex tittrasponiha, tapplikax għall-provvista ta’ servizzi abbord ferrovija internazzjonali minn ħaddiema ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru, fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ operatur ferrovjarju li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor, meta l-ferrovija taqsam it-tieni Stat Membru.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox ippreċiżat li s-servizzi ta’ alloġġ, ta’ tindif jew ta’ ristorazzjoni pprovduti f’ferroviji ma humiex intrinsikament marbuta mas-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri bil-ferrovija. Konsegwentement, dawn is-servizzi ma jaqgħux taħt l-Artikoli 90 sa 100 TFUE dwar it-trasport, iżda l-Artikoli 56 sa 62 TFUE, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 58(1) TFUE dwar is-servizzi. Isegwi li dawn is-servizzi jistgħu jkunu koperti mid-Direttiva 96/71, li ġiet adottata abbażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar is-servizzi.

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk is-servizzi inkwistjoni jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kunċett ta’ “ħaddiem ikkollokat”, fis-sens ta’ din id-direttiva. Hija ddeċidiet li ħaddiem ma jistax jitqies li huwa kkollokat fit-territorju ta’ Stat Membru jekk l-eżekuzzjoni tax-xogħol tiegħu ma jkollhiex rabta suffiċjenti ma’ dan it-territorju. Issa, ħaddiema li jwettqu parti kbira mix-xogħol tagħhom fl-Istat Membru li fih hija stabbilita l-impriża li tużahom għall-provvista ta’ servizzi f’ferroviji internazzjonali, u li jibdew jew itemmu s-servizz tagħhom f’dan l-Istat Membru, ma għandhomx rabta suffiċjenti mat-territorju tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri li dawn il-ferroviji jaqsmu, sabiex jitqiesu bħala “kkollokati” hemmhekk, fis-sens tad-Direttiva 96/71. Għaldaqstant is-sitwazzjoni tagħhom ma taqax taħt din id-direttiva.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li l-provvista ta’ servizzi taqa’, fil-kuntest ta’ katina ta’ subappalt, taħt kuntratt konkluż ma’ impriża stabbilita fl-istess Stat Membru bħal dak tal-operatur ferrovjarju u kuntrattwalment marbuta ma’ dan tal-aħħar. Lanqas ma huwa rilevanti li l-impriża tuża’ għal din il-provvista ta’ servizzi ħaddiema pprovduti minn impriża stabbilita fl-istess Stat Membru tagħha.


    ( 1 ) Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66).

    Top