This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017TJ0510
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-1 ta’ Ġunju 2022.
Antonio Del Valle Ruíz et vs Il-Kummissjoni Ewropea u Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Adozzjoni mis-SRB ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español – Dritt għal smigħ – Delega tal-poter – Dritt għall-proprjetà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikoli 18, 20 u 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.
Kawża T-510/17.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-1 ta’ Ġunju 2022.
Antonio Del Valle Ruíz et vs Il-Kummissjoni Ewropea u Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Adozzjoni mis-SRB ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español – Dritt għal smigħ – Delega tal-poter – Dritt għall-proprjetà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikoli 18, 20 u 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.
Kawża T-510/17.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:312
Kawża T‑510/17
Antonio Del Valle Ruiz et
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
u
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-1 ta’ Ġunju 2022
“Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Adozzjoni mis-SRB ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español – Dritt għal smigħ – Delega tal-poter – Dritt għall-proprjetà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikoli 18, 20 u 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014”
Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Dritt għal smigħ – Portata – Assenza ta’ smigħ, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, tal-azzjonisti u tal-kredituri ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li hija s-suġġett ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni – Ammissibbiltà
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2)(a) u 52(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikoli 14(2) u 18)
(ara l-punti 121, 130, 147, 165, 174, 175, 422, 429, 437)
Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Delegi – Għoti ta’ setgħat lill-Kummissjoni rigward l-approvazzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Assenza ta’ delega ta’ setgħa awtonoma lis-SRB
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014)
(ara l-punti 218, 219)
Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni – Valutazzjonijiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu magħmula bil-għan tal-adozzjoni tal-imsemmi dispożittiv – Ammissibbiltà
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 20)
(ara l-punti 283, 302)
Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni – Kundizzjonijiet – Falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Insolvenza tal-imsemmija istituzzjoni – Assenza ta’ effett
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 18(1)(a) u (4)(c))
(ara l-punti 333, 335)
Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha – Portata – Assenza ta’ komunikazzjoni mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tar-rapport ta’ valutazzjoni matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni – Ammissibbiltà
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2)(b) u 52(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikoli 90(4)
(ara l-punt 467)
Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-proprjetà – Portata – Falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Skema ta’ riżoluzzjoni li tipprovdi għal żvalutazzjoni u konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-imsemmija istituzzjoni – Ammissibbiltà
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17(1) u 52(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014)
(ara l-punti 495, 502, 513, 522, 540)
Sunt
Ir-rikorsi intiżi għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u/jew tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprovaha huma miċħuda fl-intier tagħhom
Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) kienet istituzzjoni ta’ kreditu Spanjola suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Fis-7 ta’ Ġunju 2017, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) adotta deċiżjoni dwar skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular ( 1 ) (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”). Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni 2017/1246 ( 2 ), li tapprova din l-iskema ta’ riżoluzzjoni.
Qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, twettqet valutazzjoni ta’ Banco Popular, li tinkludi żewġ rapporti li huma annessi mal-iskema ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri l-ewwel valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 1”) tal-5 ta’ Ġunju 2017 u redatta mis-SRB u t-tieni valutazzjoni (iktar’ il quddiem il-“valutazzjoni 2”), tas-6 ta’ Ġunju 2017, redatta minn espert indipendenti. Din il-valutazzjoni 2 kellha b’mod partikolari l-għan li tevalwa l-valur tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular u li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u dawk li jippermettu lis-SRB jiddetermina dak li kien jikkostitwixxi kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-istrument ta’ trasferiment tal-attivitajiet. Ukoll fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE wettaq, wara konsultazzjoni mas-SRB, evalwazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular ( 3 ), li fiha huwa qies li, fid-dawl tal-problemi ta’ likwidità li kien qiegħed jiffaċċja Banco Popular, dan tal-aħħar probabbilment ma kienx ser ikun f’pożizzjoni, fil-futur qarib, li jħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra fl-iskadenza ( 4 ). Fl-istess jum, il-Bord Eżekuttiv ta’ Banco Popular informa lill-BĊE li kien wasal għall-konklużjoni li l-istituzzjoni kienet f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.
Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies li Banco Popular kien jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni ( 5 ), jiġifieri li huwa kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, li ma kinux jeżistu miżuri oħra li setgħu jipprevjenu l-falliment tiegħu f’terminu raġonevoli u li miżura ta’ riżoluzzjoni fil-forma ta’ strument ta’ trasferiment tal-attivitajiet ( 6 ) kienet neċessarja fl-interess pubbliku. Is-SRB eżerċita s-setgħa tiegħu ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular ( 7 ) u ordna li l-azzjonijiet ġodda li jirriżultaw minnhom kellhom jiġu ttrasferiti lil Banco Santander għall-prezz ta’ EUR 1.
Ir-rikorsi ġew indikati bħala “kawżi piloti” li jirrappreżentaw madwar mitt rikors ippreżentat minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li kienu proprjetarji ta’ strumenti kapitali ta’ Banco Popular qabel ir-riżoluzzjoni. Ir-rikorsi kienu intiżi għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u/jew tad-Deċiżjoni 2017/1246, kif ukoll għal talbiet għad-danni.
Permezz tal-ħames sentenzi tagħha mogħtija fit-Tielet Awla Estiża, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikorsi tar-rikorrenti fl-intier tagħhom. Dawn il-kawżi jipprovdu, għall-ewwel darba, l-opportunità lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li tikkonċerna skema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li skema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB tista’ tiġi kkontestata, mingħajr ma jkun meħtieġ li rikors jiġi ppreżentat ukoll kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova din l-iskema, b’tali mod li ladarba approvata mill-Kummissjoni, tali skema tipproduċi effetti legali u tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament awtonomu.
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li peress li d-deċiżjonijiet li s-SRB jadotta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni huma bbażati fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi ħafna, hija teżerċita stħarriġ ristrett. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li, anki fil-każ ta’ evalwazzjonijiet kumplessi bħal dawk magħmula mis-SRB f’dan il-każ, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom.
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali teżamina l-argumenti tar-rikorrenti fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ssostni li, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-azzjonisti u l-kredituri ta’ entità li hija s-suġġett ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni jistgħu jinvokaw id-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kellha għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-għan intiż li jiggarantixxi l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, li jista’ jiġġustifika limitazzjoni għad-dritt għal smigħ. Għalhekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, l-assenza ta’ dispożizzjoni li tipprevedi smigħ tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-entità kkonċernata u n-nuqqas ta’ smigħ tar-rikorrenti jikkostitwixxu limitazzjoni għad-dritt għal smigħ li huwa ġġustifikat u neċessarju sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali u li josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, tali smigħ kien jikkomprometti l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u ta’ kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ ħeffa u ta’ effettività tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni.
It-tieni, il-Qorti Ġenerali tfakkar, fir-rigward tad-dritt għall-proprjetà, b’mod partikolari li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u li ma kinux jeżistu miżuri alternattivi li jistgħu jipprevjenu din is-sitwazzjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular fl-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tikkostitwixxix intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, iżda għandha titqies li hija restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà tagħhom iġġustifikata u proporzjonata.
It-tielet, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-assenza, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, minn naħa, ta’ komunikazzjoni mis-SRB tal-valutazzjoni 2 u, min-naħa l-oħra, ta’ komunikazzjoni mis-SRB u mill-Kummissjoni tad-dokumenti li fuqhom huma bbażaw ruħhom ma tikkostitwixxix ksur tal-imsemmi dritt. Fil-fatt, ċerta informazzjoni miżmuma mis-SRB, li tinsab fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, fil-valutazzjoni 2 kif ukoll fid-dokumenti li huwa bbaża ruħu fuqhom, taqa’ taħt is-sigriet professjonali u hija kunfidenzjali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li, wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ir-rikorrenti ma għandhomx dritt għall-komunikazzjoni tal-fajl kollu li fuqu bbaża ruħu s-SRB.
Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament MUR ( 8 ) jiksru l-prinċipji dwar id-delega ta’ setgħa, billi jenfasizzaw li huwa neċessarju li istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Kummissjoni jew il-Kunsill, tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fuq l-aspetti diskrezzjonali tagħha sabiex dan jipproduċi effetti legali. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk ta lil istituzzjoni r-responsabbiltà legali u politika li tiddetermina l-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni, u b’hekk evita “spostament reali ta’ responsabbiltà” ( 9 ), mingħajr ma ddelega setgħa awtonoma lis-SRB.
Fil-ħames lok, fir-rigward tal-valutazzjonijiet 1 u 2, il-Qorti Ġenerali tindika li, fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni, is-SRB seta’ jibbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 2 sabiex jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tar-restrizzjonijiet ta’ żmien u tal-informazzjoni disponibbli, ċerti inċertezzi u approssimazzjonijiet huma inerenti għal kull valutazzjoni provviżorja u r-riżervi fformulati minn espert li wettaq din il-valutazzjoni ma jistgħux ifissru li din ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” ( 10 ). Barra minn hekk, hija tosserva li l-valutazzjoni 1, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk Banco Popular kienx jinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ, sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet sabiex tinbeda proċedura ta’ riżoluzzjoni jew għad-deprezzament jew il-konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji kinux issodisfatti, kienet saret obsoleta wara l-evalwazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular imwettqa mill-BĊE fis-6 ta’ Ġunju 2017.
Fis-sitt lok, il-Qorti Ġenerali tqis li s-SRB u l-Kummissjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament MUR għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni kienu ssodisfatti.
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-insolvenza tal-entità ma hijiex kundizzjoni għall-konstatazzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u, għaldaqstant, ma hijiex kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, il-fatt li entità tkun solventi fid-dawl tal-bilanċ tagħha ma jimplikax li hija għandha biżżejjed likwidità, jiġifieri fondi disponibbli sabiex tħallas id-djun tagħha jew l-impenji l-oħra tagħha li jiskadu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li s-SRB u l-Kummissjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Barra minn hekk, huwa jinnota li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet adottata b’mod validu irrispettivament mir-raġunijiet li wasslu lill-Banco Popular għal sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ.
It-tieni, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ miżuri alternattivi għar-riżoluzzjoni u li s-SRB u l-Kummissjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li ma kienx hemm perspettiva raġonevoli oħra ħlief miżuri oħra ta’ natura privata jew miżuri prudenzjali li jipprevjenu l-falliment ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli.
It-tielet, il-Qorti Ġenerali tirrileva li s-SRB u l-Kummissjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidraw li l-miżura ta’ riżoluzzjoni kienet neċessarja u proporzjonata fid-dawl tal-għanijiet ta’ interess pubbliku segwiti.
Fis-seba’ lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-iskema ta’ riżoluzzjoni qabel ma approvatha, billi enfasizzat li l-Kummissjoni taħtar rappreżentant awtorizzat sabiex jipparteċipa fil-laqgħat tas-SRB, f’sessjoni eżekuttiva u f’sessjoni plenarja, bħala osservatur permanenti u li r-rappreżentant tagħha għandu d-dritt li jipparteċipa fid-dibattiti u għandu aċċess għad-dokumenti kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni, billi pparteċipat f’diversi laqgħat mas-SRB, kienet ġiet assoċjata mal-fażijiet differenti qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u hija kienet ħadet konjizzjoni tal-abbozzi preliminari ta’ din l-iskema u kienet ipparteċipat fir-redazzjoni tagħhom.
Fit-tmien lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni. Hija tenfasizza li, meta din tal-aħħar tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fid-Deċiżjoni 2017/1246, hija tista’ tillimita ruħha, sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tagħha, għal motivazzjoni li tindika l-qbil tagħha dwar il-kontenut ta’ din l-iskema ta’ riżoluzzjoni u dwar il-motivi mressqa mis-SRB.
Fid-disa’ lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argumenti dwar l-irregolarità tal-proċedura ta’ bejgħ. Hija tikkonferma b’mod partikolari l-legalità tad-deċiżjoni tas-SRB li titlob lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali li tikkuntattja biss lill-istituzzjonijiet li kienu pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ privata ta’ Banco Popular. Din l-awtorità għandha d-dritt li tikkuntattja lil ċerti xerrejja potenzjali partikolari ( 11 ).
Fl-għaxar u l-aħħar lok, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali teskludi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tas-SRB u tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, hija tinnota li r-rikorrenti ma pprovawx l-eżistenza ta’ aġir illegali tas-SRB jew tal-Kummissjoni. Fil-fatt, ebda żvelar mis-SRB jew mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ma ġie pprovat u, konsegwentement, ebda ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità jew tal-obbligu ta’ sigriet professjonali min-naħa tagħhom ma seta’ jiġi kkonstatat.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovawx rabta kawżali bejn l-illegalitajiet tas-SRB u tal-Kummissjoni, jekk wieħed jassumi li dawn huma stabbiliti, u l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular u għalhekk bejn dawn u d-dannu invokat.
( 1 ) Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, tas-7 ta’ Ġunju 2017, dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA.
( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (ĠU 2017, L 178, p. 15, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31).
( 3 ) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament MUR”). L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-proċedura ta’ riżoluzzjoni.
( 4 ) Skont l-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament MUR.
( 5 ) Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament MUR.
( 6 ) Skont l-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament MUR.
( 7 ) Skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament MUR.
( 8 ) Artikoli 18, 21, 22 u 24 tar-Regolament MUR.
( 9 ) Fis-sens tas-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).
( 10 ) Abbażi tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament MUR.
( 11 ) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).