Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0340

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tat-30 ta’ Marzu 2022.
Japan Airlines Co. Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Isvizzera fuq it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni ta’ diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru (sovrataxxa għall-karburant, sovrataxxa għas-sigurtà, ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Skambju ta’ informazzjoni – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Artikolu 266 TFUE – Preskrizzjoni – Drittijiet tad-difiża – Nondiskriminazzjoni – Ksur uniku u kontinwu – Ammont tal-multa – Valur tal-bejgħ – Gravità tal-ksur – Ammont addizzjonali – Ċirkustanzi attenwanti – Inkoraġġiment tal-aġir antikompetittiv mill-awtoritajiet pubbliċi – Parteċipazzjoni sostanzjalment ridotta – Proporzjonalità – Ġurisdizzjoni sħiħa.
Kawża T-340/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:181

Kawża T-340/17

Japan Airlines Co. Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba' Awla Estiża) tat-30 ta' Marzu 2022

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Isvizzera fuq it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni ta’ diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru (sovrataxxa għall-karburant, sovrataxxa għas-sigurtà, ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Skambju ta’ informazzjoni – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Artikolu 266 TFUE – Preskrizzjoni – Drittijiet tad-difiża – Nondiskriminazzjoni – Ksur uniku u kontinwu – Ammont tal-multa – Valur tal-bejgħ – Gravità tal-ksur – Ammont addizzjonali – Ċirkustanzi attenwanti – Inkoraġġiment tal-aġir antikompetittiv mill-awtoritajiet pubbliċi – Parteċipazzjoni sostanzjalment ridotta – Proporzjonalità – Ġurisdizzjoni sħiħa”

  1. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Kompetenza tal-Kummissjoni – Ammissibbiltà fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku – Implimentazzjoni jew effetti kkwalifikati bħala prattiki abbużivi fiż-ŻEE – Rimedji alternattivi – Kriterju tal-effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli – Portata fil-preżenza ta’ aġir li għandu bħala suġġett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

    (ara l-punti 78, 79, 93, 95 sa 104, 116 sa 118, 122 sa 130, 132 sa 134, 143 sa 152)

  2. Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas ta' kompetenza tal-istituzzjoni awtur tal-att ikkontestat – Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju

    (Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punti 166, 167)

  3. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Identifikazzjoni tal-ksur sanzjonat – Rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ċarezza u preċiżjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni – Evalwazzjoni – Preeminenza tal-formulazzjoni tad-dispożittiv fuq il-motivi

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8 u Artikolu 11; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

    (ara l-punti 173, 174, 177 sa 183)

  4. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet – Sospensjoni – Effett sospensiv marbut mal-proċeduri ġudizzjarji pendenti – Portata – Effett erga omnes – Assenza – Konsegwenza – Determinazzjoni skont l-għan tat-tilwima

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23 u 25(6))

    (ara l-punti 205, 206, 212)

  5. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħat tal-Kummissjoni – Setgħa li tiġi adottata deċiżjoni li tikkonstata ksur wara preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fis-sens tar-Regolament Nru 1/2003 – Kundizzjoni – Eżistenza ta’ interess leġittimu li ssir tali konstatazzjoni

    (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 7 u 25)

    (ara l-punti 207, 222)

  6. Rikors għal annullament – Suġġett – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq minn diversi destinatarji – Elementi, li jikkonċernaw destinatarji differenti mir-rikorrent, mhux ikkontestati jew ikkontestati wara l-iskadenza tat-terminu – Esklużjoni – Konsegwenza – Teħid inkunsiderazzjoni biss tal-elementi tad-dispożittiv tad-deċiżjoni u tal-motivi neċessarji insostenn tiegħu li jikkonċernaw lir-rikorrent

    (Artikoli 101, 263 u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 7 u 25)

    (ara l-punti 214 sa 218)

  7. Akkordji – Projbizzjoni – Ksur – Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku – Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu – Kundizzjonijiet – Prattiki u aġiri li jikkostitwixxu ksur li jagħmlu parti minn pjan ġenerali li jipprevedi għan uniku – Evalwazzjoni – Neċessità ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-impriżi parteċipanti – Assenza

    (Artikolu 101(1) TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

    (ara l-punti 250 sa 264, 269, 283)

  8. Kompetizzjoni – Multi – Evalwazzjoni skont l-aġir individwali tal-impriża – Effett tal-assenza ta’ sanzjoni kontra operatur ekonomiku ieħor – Assenza – Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għandu jiġi rrikonċiljat ma’ dak tal-prinċipju ta’ legalità – Portata tal-obbligu ta' motivazzjoni

    (Artikoli 101 u 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 20)

    (ara l-punti 289 sa 296)

  9. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Bejgħ imwettaq b’rabta diretta jew indiretta mal-ksur – Akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru – Akkordju dwar diversi elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija – Teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont sħiħ ta’ bejgħ marbut mas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija – Ammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 6 u 13)

    (ara l-punti 304 sa 312, 316 sa 330)

  10. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Gravità tal-ksur – Kriterji ta' evalwazzjoni – Natura tal-ksur – Akkordju orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet – Gravità inerenti għal tali ksur li tiġġustifika l-għażla ta’ koeffiċjent ta’ gravità għoli

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 19 sa 23)

    (ara l-punti 336 sa 341)

  11. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Teħid inkunsiderazzjoni biss tal-valur tal-bejgħ imwettaq b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur fis-settur ġeografiku kkonċernat – Bejgħ imwettaq ġewwa t-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea – Akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru – Teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ ta’ servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija deħlin – Ammissibbiltà

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 13)

    (ara l-punti 361 sa 373)

  12. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Aġġustament tal-ammont bażiku – Ċirkustanzi attenwanti – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni globali – Kriterju tal-parteċipazzjoni sostanzjalment imnaqqsa – Fatturi ta’ evalwazzjoni

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

    (ara l-punti 396 sa 399)

  13. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Limitu – Osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi

    (Artikolu 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

    (ara l-punti 426 sa 432)

Sunt

Ir-rikorrenti, Japan Airlines Co. Ltd, li qabel kienet Japan Airlines International Co. Ltd, hija kumpannija tat-trasport bl-ajru li waħda mid-diviżjonijiet tagħha, imsejħa JAL Cargo, tipprovdi servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, ir-rikorrenti kienet sussidjarja ta’ Japan Airlines Corp., li hija assorbiet u tiżgura s-suċċessjoni legali tagħha.

Ir-rikorrenti hija fost 19-il destinatarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, dwar proċedimenti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq it-trasport bl-ajru (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li permezz tiegħu l-impriżi inkwistjoni kienu kkoordinaw, matul il-perijodi bejn l-1999 u l-2006, l-aġir tagħhom fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fid-dinja kollha. Hija imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ ammont stabbilit għal EUR 35700000 għall-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur.

Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni rċeviet, skont l-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 ( 1 ), talba għal immunità mressqa minn Lufthansa u tnejn mis-sussidjarji tagħha. Din it-talba kienet issemmi l-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi bejn diversi impriżi li joperaw fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem “it-trasportaturi”), rigward diversi elementi kostituttivi tal-prezz tas-servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ dan is-suq, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sovrataxxi fuq il-“karburant” u “is-sigurtà”, kif ukoll, essenzjalment, ir-rifjut ta’ dawn it-trasportaturi li jħallsu kummissjoni fuq dawn is-sovrataxxi. Il-provi miġbura mill-Kummissjoni u l-investigazzjonijiet tagħha wassluha sabiex, fid-19 ta’ Diċembru 2007, tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil 27 trasportatur, u sussegwentement sabiex tadotta, fid-9 ta’ Novembru 2010, fil-konfront ta’ 21 trasportatur, fosthom ir-rikorrenti, deċiżjoni inizjali ( 2 ). Madankollu, din ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali, b’sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2015 ( 3 ), fil-limitu tat-talbiet għal annullament rispettivi għal dan il-għan, minħabba kontradizzjonijiet li jivvizzjaw il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tilqa’ parzjalment it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Għalhekk, hija tikkonstata ksur tar-regoli dwar il-preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, filwaqt li tivvalida l-analiżi li permezz tagħha l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu li jaffettwa diversi tipi ta’ rotot tal-ajru u billi tagħti dettalji dwar il-portata tal-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni fil-preżenza ta’ prattiki implimentati, parzjalment, barra mill-Unjoni, u dwar l-applikazzjoni tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi f’tali ċirkustanzi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali teżamina l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE dwar ir-rotot lejn iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u minn pajjiżi terzi. Fil-fatt, din tfakkar li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tikkonstata u tissanzjona aġir adottat barra mit-territorju tal-Unjoni jew taż-ŻEE, sa fejn dan ikun ġie implimentat f’dan it-territorju jew meta jkun prevedibbli li dan jipproduċi effett immedjat u sostanzjali. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha raġun tirrikonoxxi li hija kompetenti fir-rigward tal-effetti kklassifikati tal-ksur kontenzjuż. B’mod iktar partikolari, il-ħsara inerenti għal ftehim jew għal prattika orizzontali fil-qasam tal-prezz, bħall-ksur kontenzjuż, li minnu tirriżulta l-klassifikazzjoni tiegħu bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, kienet teżentaha milli tfittex l-effetti konkreti tagħha fi ħdan iż-ŻEE. Barra minn hekk, huwa mingħajr ma tiġi kkritikata mill-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni setgħet taċċetta n-natura prevedibbli, immedjata u sostanzjali tal-effetti tal-aġir kontenzjuż fi ħdan iż-ŻEE, li tirriżulta mir-riperkussjoni, li l-funzjonament normali tas-suq jippermetti li jiġi raġonevolment mistenni, mill-burdnara mitluba jħallsu l-ispiża miżjuda tas-servizzi tat-trasport bl-ajru fuq ir-rotot ikkonċernati, tal-ispiża addizzjonali korrispondenti fuq l-ispedituri, li hija stess tista’ tikkontribwixxi għal żieda fil-prezz tal-merkanzija importata fiż-ŻEE.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv, imqajjem ex officio, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot bejn l-Isvizzera, minn naħa, u n-Norveġja u l-Islanda, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, kemm mid-dispożittiv kif ukoll mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkonstatat ebda ksur ta’ din id-dispożizzjoni fuq l-imsemmija rotot.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tivverifika jekk l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ( 4 ) kinitx tostakola l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa tagħha ta’ sanzjoni, kif issostni r-rikorrenti. Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata imputat il-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti f’dak li jirrigwarda rotot li ma jidhrux fid-dispożittiv tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, ir-rotot riprodotti fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, li fir-rigward tagħhom ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra tagħha seta’ jkollu effett sospensiv fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni, u, min-naħa l-oħra, ir-rotot koperti biss mid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ ir-rotot intra-ŻEE u l-Unjoni-Svizzera, li fir-rigward tagħhom ma japlika ebda motiv ta’ proroga tat-terminu ta’ preskrizzjoni. Issa, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata iktar minn għaxar snin wara t-tmiem tal-aġir inkwistjoni, b’tali mod li r-rikorrenti hija fondata li tinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tagħhom, mingħajr madankollu ma setgħet tippretendi, f’dan ir-rigward, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.

Fir-raba’ lok, b’risposta għall-ilmenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti kkritikat lill-Kummissjoni talli żammitha responsabbli għall-ksur inkwistjoni fuq rotot li hija ma sservix jew li ma hijiex ammessa li sservi, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-attribuzzjoni lil impriża tal-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku li għalih hija ma pparteċipatx direttament teżiġi l-eżistenza ta’ pjan globali li jsegwi għan komuni, il-kontribuzzjoni intenzjonali tal-impriża kkonċernata f’dan il-pjan u l-għarfien tagħha (ipprovat jew preżunt) ta’ dan l-aġir. Peress li dawn il-kundizzjonijiet ġew sodisfatti f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha raġun iżżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn din kienet tirrigwarda r-rotot ŻEE-pajjiż terz ħlief għall-Ġappun, indipendentement mill-kwalità eventwali tagħha ta’ kompetitriċi potenzjali fuq dawn ir-rotot.

Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali teżamina l-ilmenti tar-rikorrenti kontra d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ u tal-koeffiċjent ta’ gravità fil-kundizzjonijiet deskritti mil-linji gwida tal-2006 ( 5 ). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda kritika talli ddeterminat il-valur tal-bejgħ b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija, iktar milli b’riferiment biss għad-dħul iġġenerat mit-taxxi addizzjonali inkwistjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, il-valur tal-bejgħ għandu jirrifletti l-prezz iffatturat lill-klijenti għas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, li s-sovrataxxi tagħhom huma biss element wieħed. Barra minn hekk, l-għażla ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 %, fuq skala minn 0 sa 30 %, titqies bħala nieqsa minn żbalji. Fil-fatt, minn naħa, tali koeffiċjent ta’ gravità huwa favorevoli ħafna għar-rikorrenti fid-dawl tal-gravità inerenti għall-prattiki kontenzjużi. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kienu kkontestaw l-ebda wieħed mit-tliet fatturi addizzjonali li kienet ibbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-koeffiċjent tal-gravità, jiġifieri l-ishma tas-suq akkumulati tat-trasportaturi inkriminati, il-portata ġeografika tal-ksur uniku u kontinwu u l-implementazzjoni l-implimentazzjoni tal-prattiki inkwistjoni. Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti qieset bħala insuffiċjenti t-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % li hija bbenefikat minnu minħabba l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-qafas regolatorju Ġappuniż, il-Qorti Ġenerali tqis li l-argument tagħha ma huwiex issostanzjat biżżejjed.

Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tiddeċiedi fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta. Mingħajr ma titbiegħed mill-metodu ta’ kalkolu segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, hija tislet il-konsegwenzi tal-konklużjonijiet tagħha, b’mod partikolari dwar l-akkwist tal-preskrizzjoni fir-rigward tal-prattiki relatati mar-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera. Il-Qorti Ġenerali tammetti, sussegwentement, in-natura limitata tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu u, għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ tnaqqis supplimentari f’dan ir-rigward. Konsegwentement, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, stabbilit mill-Kummissjoni għal EUR 35700000, jitnaqqas għal EUR 28875000.


( 1 ) Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7694 finali, tad-9 ta’ Novembru 2010, li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Kommunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ COMP/39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru).

( 3 ) Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2005, Air Canada vs Il-Kummissjoni (T-9/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:994), Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il-Kummissjoni (T-28/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:995), Japan Airlines vs Il-Kummissjoni (T-36/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:992), Cathay Pacific Airways vs Il-Kummissjoni (T-38/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:985), Cargolux Airlines vs Il-Kummissjoni (T-39/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:991), Latam Airlines Group u Lan Cargo vs Il-Kummissjoni (T-40/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:986), Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo Pte vs Il-Kummissjoni (T-43/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:989), Deutsche Lufthansa et vs Il-Kummissjoni (T-46/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:987), British Airways vs Il-Kummissjoni (T-48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), SAS Cargo Group et vs Il-Kummissjoni (T-56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990), Air France KLM vs Il-Kummissjoni (T-62/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:996), Air France vs Il-Kummissjoni (T-63/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:993) u Martinair Holland vs Il-Kummissjoni (T-67/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:984).

( 4 ) F’dan il-każ, dan huwa t-terminu msemmi fl-Artikolu 25(5) u (6) tar-Regolament Nru 1/2003, ta’ tul ta’ għaxar snin mit-tmiem tal-ksur.

( 5 ) Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).

Top