Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0337

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tat-30 ta’ Marzu 2022 (Estratti).
    Air France-KLM vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Isvizzera dwar it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni ta’ elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru (sovrataxxa fuq il-karburant, sovrataxxa fuq is-sigurtà, ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Skambju ta’ informazzjoni – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Ksur uniku u kontinwu – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju tal-immunità – Ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ammont tal-multa – Valur tal-bejgħ – Gravità tal-ksur – Tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Inkoraġġiment tal-aġir antikompetittiv mill-awtoritajiet pubbliċi – Proporzjonalità – Ġurisdizzjoni sħiħa.
    Kawża T-337/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:179

    Kawża T-337/17

    Air France-KLM

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tat-30 ta’ Marzu 2022

    “Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Isvizzera dwar it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni ta’ elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru (sovrataxxa fuq il-karburant, sovrataxxa fuq is-sigurtà, ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Skambju ta’ informazzjoni – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Ksur uniku u kontinwu – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju tal-immunità – Ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ammont tal-multa – Valur tal-bejgħ – Gravità tal-ksur – Tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Inkoraġġiment tal-aġir antikompetittiv mill-awtoritajiet pubbliċi – Proporzjonalità – Ġurisdizzjoni sħiħa”

    1. Kompetizzjoni – Trasport – Regoli tal-kompetizzjoni – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 411/2004 – Kamp ta’ applikazzjoni – Konnessjonijiet Unjoni-pajjiżi terzi u konnessjonijiet ŻEE minbarra Unjoni-pajjiżi terzi – Servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru ’il ġewwa – Inklużjoni

      (Artikoli 101 u 102 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikoli 53 u 54 u Anness XIII u Protokoll 21, kif emendati bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 40/2005; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 32(c), u Nru 411/2004, Artikoli 1 u 3)

      (ara l-punti 90 sa 97)

    2. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Kompetenza tal-Kummissjoni – Ammissibbiltà fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku – Implimentazzjoni jew effetti kkwalifikati bħala prattiċi abbużivi fiż-ŻEE – Mezzi alternattivi – Kriterju ta’ effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli – Portata fil-preżenza ta’ aġir li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni

      (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

      (ara l-punti 99 sa 101, 116, 118 sa 127, 138 sa 140, 146 sa 154, 156 sa 158, 167 sa 173)

    3. Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas ta’ kompetenza tal-istituzzjoni awtur tal-att ikkontestat – Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju

      (Artikolu 263 TFUE)

      (ara l-punti 188, 189)

    4. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Identifikazzjoni tal-ksur sanzjonat – Rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ċarezza u preċiżjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni – Evalwazzjoni – Preeminenza tal-formulazzjoni tad-dispożittiv fuq il-motivi

      (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikoli 8 u 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

      (ara l-punti 195, 196, 200 sa 205)

    5. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija omm u sussidjarji – Unità ekonomika – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja li tista’ tiġi dedotta minn serje ta’ indizji relatati mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi mal-kumpannija omm tagħha – Ċirkustanzi li jippermettu li tiġi attestata l-eżistenza ta’ influwenza determinanti – Żamma tal-kważi-totalità tal-kapital u ta’ kważi n-nofs tad-drittijiet ta’ vot tas-sussidjarja – Influwenza fuq għażliet strateġiċi – Kumulu ta’ mandati fi ħdan korpi tal-kumpannija omm u dawk tas-sussidjarja tagħha

      (Artikolu 101(1) TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

      (ara l-punti 220, 221, 255, 270 sa 278)

    6. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija omm u sussidjarji – Unità ekonomika – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija omm fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha – Natura konfutabbli – Oneru tal-prova kuntrarja li għandha l-kumpannija omm – Elementi insuffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni

      (Artikolu 101(1) TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

      (ara l-punti 223, 224, 254, 256, 258 sa 268)

    7. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li timponi multi għall-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni u li tikkonċerna diversi destinatarji – Imputazzjoni tal-prattiċi ta’ sussidjarja lill-kumpannija omm – Bżonn ta’ motivazzjoni suffiċjenti – Kumbinazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha miżmuma 100 % ma’ provi oħra

      (Artikoli 101(1) u 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

      (ara l-punti 224 sa 228)

    8. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija omm u sussidjarji – Unità ekonomika – Ksur imwettaq minn sussidjarja – Imputazzjoni fuq il-kumpannija omm ibbażata fuq l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq din is-sussidjarja sa mix-xiri tagħha – Trasformazzjoni tal-kumpannija omm f’holding u bdil tal-isem tal-kumpannija – Assenza ta’ effett

      (Artikolu 101(1) TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

      (ara l-punti 243 sa 248)

    9. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Imputazzjoni – Persuna ġuridika responsabbli għall-operat tal-impriża matul il-ksur – Trasformazzjoni ta’ din il-persuna ġuridika f’holding akkompanjata minn trasferiment tal-attivitajiet operattivi tagħha lil kumpannija oħra miżmuma minn din tal-aħħar – Responsabbiltà tal-kumpannija holding fil-kwalità ta’ suċċessur ġuridiku – Konformità mal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tal-multi

      (Artikolu 101(1) TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

      (ara l-punti 245, 303, 309 sa 313, 318)

    10. Rikors għal annullament – Rikorsi ppreżentati separatament minn kumpannija omm u mis-sussidjarja tagħha kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timputalhom l-aġir ta’ ksur ta’ kumpannija li ppreċediethom – Responsabbiltà tal-kumpannija omm fil-kwalità ta’ suċċessur ġuridiku – Kontestazzjoni mill-kumpannija omm tal-imputazzjoni tal-aġir kontenzjuż lis-sussidjarja tagħha bħala suċċessur ekonomiku – Inammissibbiltà tal-ilment

      (Artikoli 101 u 263 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8)

      (ara l-punti 313, 314)

    11. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Użu tal-informazzjoni u tal-provi prodotti minn impriża f’talba għal immunità – Ammissibbiltà indipendentement mir-riżultat tat-talba għal klemenza

      (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 11(b) u 33, u 2006/C 210/02, punti 31 u 37)

      (ara l-punti 326 sa 338)

    12. Kompetizzjoni – Multi – Evalwazzjoni skont l-aġir individwali tal-impriża – Effett tal-assenza ta’ sanzjoni kontra operatur ekonomiku ieħor – Assenza – Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għandu jiġi rrikonċiljat ma’ dak tal-prinċipju ta’ legalità – Portata tal-obbligu ta' motivazzjoni

      (Artikoli 101 u 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 20)

      (ara l-punti 347, 351, 352, 357 sa 361)

    13. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Bejgħ imwettaq b’rabta diretta jew indiretta mal-ksur – Akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru – Ammissibbiltà – Ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ legalità tad-delitti u tal-pieni – Assenza

      (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 6 u 13)

      (ara l-punti 401 sa 408, 410 sa 421, 423 sa 430)

    14. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Teħid inkunsiderazzjoni tal-uniku valur ta’ bejgħ imwettaq f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur fis-settur ġeografiku kkonċernat – Bejgħ imwettaq ġewwa t-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea – Akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bl-ajru – Teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-arju ’il ġewwa – Ammissibbiltà

      (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 13)

      (ara l-punti 439 sa 451)

    15. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Gravità tal-ksur – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Natura tal-ksur – Akkordju orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet – Gravità inerenti għal tali ksur b’mod li tiġġustifika l-għażla ta’ koeffiċjent ta’ gravità għoli

      (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 19 sa 23)

      (ara l-punti 470 sa 475)

    16. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Portata tal-oneru probatorju – Prova ta’ interruzzjoni tal-ksur

      (Artikoli 101(1) TFUE u 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 2 u 23(2) u (3))

      (ara l-punti 534 sa 547)

    17. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Aġġustament tal-ammont bażiku – Ċirkustanzi attenwanti – Parteċipazzjoni allegatament forzata – Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni

      (Artikoli 101(1) u 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

      (ara l-punti 553, 554, 564 sa 576)

    18. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Limitu – Osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi

      (Artikolu 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

      (ara l-punti 586 sa 592)

    Sunt

    Ir-rikorrenti, Air France-KLM, hija kumpannija li twieldet mit-trasformazzjoni f’holding u mill-bidla fl-għan u fl-isem tal-kumpannija li qabel kienet Air France. Hija żżomm 100 % tad-drittijiet ta’ vot u tad-drittijiet ekonomiċi fil-kumpannija Air France (iktar ’il quddiem “Air France”) u 49 % tad-drittijiet ta’ vot u 93.63 % tad-drittijiet ekonomiċi f’Koninklijke Luchtvaartmaatschappij N. V. (iktar’ il quddiem “KLM”), żewġ kumpanniji tat-trasport bl-ajru attivi fis-suq tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru.

    Ir-rikorrenti, Air France u KLM huma fost id-19-il destinatarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 final, tas-17 ta’ Marzu 2017, dwar proċedimenti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li permezz tiegħu l-impriżi inkwistjoni kienu kkoordinaw, matul il-perijodi bejn l-1999 u l-2006, l-aġir tagħhom fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fid-dinja kollha. Konsegwentement, filwaqt li żammet lir-rikorrenti responsabbli għal dan il-ksur, għall-aġir ta’ Air France bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u l-14 ta’ Frar 2006 u għal dawk ta’ KLM bejn il-5 ta’ Mejju 2004 u l-14 ta’ Frar 2006, hija imponitilhom żewġ multi, waħda ta’ ammont iffissat għal EUR 182920000, in solidum ma’ Air France, u l-oħra fl-ammont ta’ EUR 124440000, in solidum ma’ KLM.

    Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni kienet irċeviet, skont l-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 ( 1 ), talba għal immunità mressqa minn Lufthansa u tnejn mis-sussidjarji tagħha (iktar ’il quddiem “Lufthansa”). Din it-talba kienet tirreferi għall-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi bejn diversi impriżi tas-settur (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi”), li jirrigwardaw diversi elementi li jikkostitwixxu l-prezz tas-servizzi pprovduti f’dan il-kuntest, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sovrataxxi “karburant” u “sigurtà” kif ukoll, essenzjalment, ir-rifjut li jingħata lill-burdnara tnaqqis fuq dawn is-sovrataxxi. Il-provi miġbura mill-Kummissjoni u mill-investigazzjonijiet tagħha wassluha sabiex tibgħat, fid-19 ta’ Diċembru 2007, dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lil 27 trasportatur, u wara sabiex tadotta, fid-9 ta’ Novembru 2010, kontra 21 trasportatur, fosthom ir-rikorrenti, Air France u KLM, l-ewwel deċiżjoni ( 2 ). Madankollu din ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali permezz tas-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2015 ( 3 ), fil-limiti tat-talbiet rispettivi għal dan il-għan, minħabba kontradizzjonijiet li jivvizzjaw il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

    Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti. B’hekk, hija tivvalida b’mod partikolari l-motivi użati sabiex ir-rikorrenti tiġi imputata bl-aġir inkwistjoni tas-sussidjarji tagħha u tal-kumpannija li kienet Air France. Madankollu, hija tagħmel preċiżazzjonijiet dwar l-użu tal-provi prodotti minn impriża fil-kuntest ta’ talba għal immunità minn multi, dwar il-portata tal-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni fil-preżenza ta’ prattiki implementati, parzjalment, barra mill-Unjoni, u dwar l-applikazzjoni tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi f’tali ċirkustanzi.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma eċċedietx il-limiti tal-kompetenza territorjali tagħha meta kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, skont il-konnessjonijiet ikkonċernati, u fil-limiti territorjali u temporali deskritti fid-deċiżjoni kkontestata ( 4 ).

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni ma tistax tiġi ċċensurata mill-Qorti Ġenerali talli imputat lir-rikorrenti l-prattiki illegali ta’ Air France u ta’ KLM. L-ewwel nett, hija tirrileva li r-rikorrenti setgħet tinżamm responsabbli għall-prattiki illegali tal-kumpannija li kienet Air France u, mil-5 ta’ Mejju 2004, għal dawk ta’ KLM, data li fiha din tal-aħħar ġiet akkwistata minn dik li kienet Air France. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u l-kumpannija li kienet Air France huma l-istess u l-unika persuna ġuridika, peress li t-tieni waħda “saret” l-ewwel waħda fil-15 ta’ Settembru 2004, permezz tat-trasformazzjoni tagħha f’kumpannija holding, akkumpanjata minn bidla fl-isem u fl-għan tal-kumpannija.

    Fir-rigward tal-prattiki ta’ Air France wara din id-data, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tfakkar li ż-żamma mir-rikorrenti tal-kapital kollu u tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma tas-sussidjarja tagħha tippermetti li jiġi preżunt l-eżerċizzju fuq din tal-aħħar ta’ influwenza determinanti. Il-Kummissjoni esponiet suffiċjentement skont il-liġi u mingħajr ma wettqet żball ir-raġunijiet li għalihom ebda wieħed mill-elementi mressqa mir-rikorrenti ma kien biżżejjed sabiex jikkonfuta din il-preżunzjoni Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata tibbaża ruħha fuq serje ta’ indizji intiżi sabiex jistabbilixxu li r-rikorrenti eżerċitat influwenza determinanti fuq Air France, jiġifieri s-setgħat ta’ tmexxija, ta’ orjentazzjoni u ta’ kontroll tar-rikorrenti fuq l-attivitajiet tagħha, l-eżistenza ta’ struttura komuni għal Air France u ta’ KLM speċifikament fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija u l-akkumulazzjoni ta’ funzjonijiet ta’ diversi diretturi bejn ir-rikorrenti u Air France.

    Fir-rigward ta’ KLM, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, iżda hija setgħet tibbaża ruħha fuq indizji paragunabbli ma’ dawk użati kontra Air France sabiex tikkonkludi li KLM ma kinitx taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

    Fit-tielet lok, b’risposta għall-motiv li permezz tiegħu r-rikorrenti sostniet li l-provi prodotti minn Lufthansa fil-kuntest tat-talba tagħha għal immunità minn multi kellhom jitneħħew mill-proċess minħabba l-ineliġibbiltà ta’ din tal-aħħar għal tali immunità fid-dawl tal-allegata persistenza tal-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju tal-immunità minn multi ma jirrigwardawx il-legalità tal-ġbir tal-provi li minnhom tiddependi, jekk ikun il-każ, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tużahom. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-fatt li l-użu tal-provi prodotti fil-kuntest ta’ talba għal immunità jiġi kkundizzjonat għall-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet jikkomprometti l-effett utli tal-proċedura ta’ klemenza.

    Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali teżamina l-ilmenti tar-rikorrenti kontra d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li l-Kummissjoni imponitilha, b’mod iktar partikolari dawk li jikkonċernaw it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-gravità u tat-tul tal-ksur uniku u kontinwu, fil-kundizzjonijiet deskritti mil-Linji Gwida tal-2006 ( 5 ). F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-għażla ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 % fuq skala bejn 0 sa 30 %, hija kkunsidrata mingħajr żball. Fil-fatt, minn naħa, tali koeffiċjent ta’ gravità huwa favorevoli ħafna għar-rikorrenti fid-dawl tal-gravità inerenti għall-prattiki kontenzjużi, li għandhom jiġu kklassifikati bħala ftehim jew prattika orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jew ma kinitx ikkontestat jew ma kienx irnexxielha tikkontesta t-tliet fatturi addizzjonali li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-koeffiċjent tal-gravità, jiġifieri l-ishma tas-suq akkumulati tat-trasportaturi inkriminati, il-portata ġeografika tal-ksur uniku u kontinwu u l-implementazzjoni tal-prattiki kkontestati. It-tieni, sa fejn ir-rikorrenti bbażat ruħha fuq l-assenza ta’ provi suffiċjenti li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni ta’ Air France fil-ksur b’mod mhux interrott matul il-perijodu kkunsidrat kollu, il-Qorti Ġenerali tikkonstata n-nuqqas ta’ provi diretti tat-tkomplija ta’ kuntatti kollużivi matul ħdax-il xahar u tlettax-il ġurnata matul il-perijodu tal-ksur. Madankollu, fl-assenza ta’ teħid ta’ distanza pubblika ta’ Air France jew ta’ prova li hija kienet kompliet bl-aġir ta’ kompetizzjoni leali u indipendenti fis-suq matul dan il-perijodu, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li tali ċirkustanzi ma jistgħux jiġu analizzati f’interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwu, iżda huma spjegati min-natura ta’ dan tal-aħħar u mill-funzjonament tas-suq tat-trasport tal-merkanzija u tal-akkordju kontenzjuż.

    Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti mingħajr ma titbiegħed mill-metodu ta’ kalkolu segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.


    ( 1 ) Komunikazzjoni dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 2002, C 45, p. 3).

    ( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7694 final, tad-9 ta’ Novembru 2010, dwar proċedimenti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-ftehim taż-ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ COMP/39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru).

    ( 3 ) Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2015, Air Canada vs Il-Kummissjoni (T‑9/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:994), Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il-Kummissjoni (T‑28/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:995), Japan Airlines vs Il-Kummissjoni (T‑36/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:992), Cathay Pacific Airways vs Il-Kummissjoni (T‑38/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:985), Cargolux Airlines vs Il-Kummissjoni (T‑39/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:991), Latam Airlines Group u Lan Cargo vs Il-Kummissjoni (T‑40/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:986), Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo Pte vs Il-Kummissjoni (T‑43/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:989), Deutsche Lufthansa et vs Il-Kummissjoni(T‑46/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:987), British Airways vs Il-Kummissjoni (T‑48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), SAS Cargo Group et vs Il-Kummissjoni (T‑56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990), Air France KLM vs Il-Kummissjoni (T‑62/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:996), Air France vs Il-Kummissjoni (T‑63/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:993) u Martinair Holland vs Il-Kummissjoni(T‑67/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:984).

    ( 4 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-preżentazzjoni tas-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2022, Japan Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑340/17).

    ( 5 ) Linji Gwida għall-kalkolu tal-ammonti tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).

    Top