Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0007

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2018.
    John Mills Ltd vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea MAGIC MINERAL – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti MAGIC MINERALS BY JEROME ALEXANDER – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001].
    Kawża T-7/17.

    Kawża T‑7/17

    John Mills Ltd

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea MAGIC MINERAL – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti MAGIC MINERALS BY JEROME ALEXANDER – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2018

    1. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Nuqqas ta’ kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mressqa minn aġent jew minn rappreżentant f’ismu stess – Kundizzjoni – Identiċità bejn it-trade mark tal-proprjetarju u dik li saret applikazzjoni għaliha mill-aġent jew mir-rappreżentant tiegħu

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(3))

    2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Nuqqas ta’ kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mressqa minn aġent jew minn rappreżentant f’ismu stess – Għan intiż biex jiġi evitat l-abbuż mit-trade mark min-naħa tal-aġent jew tar-rappreżentant

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(3))

    3. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Nuqqas ta’ kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mressqa minn aġent jew minn rappreżentant f’ismu stess – Kundizzjoni – Identiċità bejn it-trade mark tal-proprjetarju u dik li saret applikazzjoni għaliha mill-aġent jew mir-rappreżentant tiegħu – Kriterji ta’ evalwazzjoni

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(3))

    4. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Osservazzjonijiet tat-terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu tat-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Użu tat-trade mark taħt forma differenti permezz ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade mark – Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1))

    5. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Nuqqas ta’ kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mressqa minn aġent jew minn rappreżentant f’ismu stess – Trade marks verbali MINERAL MAGIC u MAGIC MINERALS BY JEROME ALEXANDER

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(3))

    1.  Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea “[m]alli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark, it-trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jekk aġent jew rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark japplika għar-reġistrazzjoni tagħha f’ismu mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju [...]”.

      Din id-dispożizzjoni ma ssemmi espliċitament ebda kundizzjoni ta’ identiċità u lanqas ta’ xebh bejn it-trade mark tal-proprjetarju u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-aġent jew mir-rappreżentant.

      Madankollu, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jinftiehem bħala li għandu l-għan li jevita l-abbuż tat-trade mark tal-proprjetarju mill-aġent jew mir-rappreżentant tiegħu, peress li dawn l-aġenti u rappreżentanti jistgħu jisfruttaw l-għarfien u l-esperjenza miksuba matul ir-relazzjoni kummerċjali li torbothom mal-proprjetarju u, għaldaqstant, milli jieħdu illegalment vantaġġ mix-xogħol u mill-investiment li l-proprjetarju tat-trade mark stess ikun ipprovda. Din id-dispożizzjoni teħtieġ għalhekk essenzjalment li jkun hemm rabta diretta bejn it-trade mark tal-proprjetarju u dik li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni mill-aġent jew rappreżentant f’ismu stess. Tali rapport ikun biss vijabbli jekk it-trade marks inkwistjoni jkunu jikkorrispondu.

      F’dan ir-rigward, ix-xogħol preparatorju tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jipprovdi kjarifiki utli dwar l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur u jwasslu lejn interpretazzjoni li tgħid li t-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandhom ikunu identiċi – u mhux sempliċement simili – sabiex l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jkun jista’ japplika.

      Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien inizjalment ikkunsidra, fl-abbozz preparatorju tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, li d-dispożizzjoni kkonċernata tista’ tapplika wkoll fl-ipoteżi ta’ sinjal simili. Madankollu, din il-possibbiltà ma ġietx inkluża fil-verżjoni finali tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja.

      Barra minn hekk, fid-Dokument Nru 11035/82 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li fih sommarju tal-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja fi ħdan il-Kunsill, il-Grupp ta’ Ħidma indika espressament li ma kienx adotta l-proposta ta’ delegazzjoni intiża biex id-dispożizzjoni kkonċernata tkun applikabbli wkoll fil-każ ta’ trade marks “simili” għal prodotti “simili”.

      Minn dak li ntqal jirriżulta li, f’moħħ il-leġiżlatur tal-Unjoni, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jista’ jiġi applikat biss fil-każ li t-trade mark tal-proprjetarju u dik li saret applikazzjoni għaliha mill-aġent jew mir-rappreżentant tiegħu jkunu identiċi, u mhux sempliċement simili.

      (ara l-punti 23-28, 37)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 25)

    3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 38)

    4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 39)

    5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 41-43)

    Top