Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CO0036

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ April 2017.
    Daher Muse Ahmed vs Bundesrepublik Deutschland.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Applikabbiltà tal-proċedura ta’ teħid lura.
    Kawża C-36/17.

    Court reports – general

    Kawża C‑36/17

    Daher Muse Ahmed

    vs

    Bundesrepublik Deutschland

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Minden)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Applikabbiltà tal-proċedura ta’ teħid lura”

    Sommarju – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) tal-5 ta’ April 2017

    Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Proċedura ta’ teħid lura – Kamp ta’ applikazzjoni – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz fi Stat Membru filwaqt li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor – Esklużjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikoli 18(1)(b) sa (d) u 23(1))

    Id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, li jirregolaw, b’mod dirett jew indirett, it-termini ta’ tressiq ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid lura ma humiex applikabbli f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wara li jkun ingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dawn ir-regoli, li għandhom bħala għan li jfasslu l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ teħid lura prevista minn dan ir-regolament billi jiġi żgurat li talba għall-finijiet ta’ teħid lura tiġi fformulata f’terminu raġonevoli, ma humiex, min-natura tagħhom, applikabbli għas-sitwazzjonijiet li fihom tali proċedura tista’, bħala prinċipju, validament tiġi applikata skont dan ir-regolament. Mill-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, f’tali sitwazzjonijiet, il-proċedura ta’ teħid lura tirreferi biss għal trasferiment ta’ persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) tal-istess regolament. Dawn it-tliet l-aħħar dispożizzjonijiet huma intiżi, rispettivament, għal applikant li l-applikazzjoni tiegħu qed tiġi eżaminata, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li rtiraw l-applikazzjoni tagħhom li kienet qed tiġi eżaminata u ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tagħhom ġiet miċħuda.

    F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi rrilevat li l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jippreċiżax jekk l-“applikazzjoni” miċħuda li għaliha qed isir riferiment hijiex applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew applikazzjoni għall-ażil stricto sensu. Issa, għalkemm din id-dipożizzjoni kellha tiġi interpretata bħala li tirreferi għaċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil, hija tista’ eventwalment tiġi applikata għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, peress li, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, dan l-istatus għandu jingħata biss wara li jiġi ddeterminat li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Madankollu, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 ma tistax tiġi aċċettata.

    Konsegwentement, mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 604/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 18(1)(d) tiegħu, jirriżulta li Stat Membru ma jistax validament jirrikjedi Stat Membru ieħor għall-finijiet li jieħu lura, fil-kuntest tal-proċeduri ddefiniti minn dan ir-regolament, ċittadin ta’ pajjiż terz, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-ewwel Stat Membru wara li jkun ingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja minn dan it-tieni Stat Membru.

    (ara l-punti 25, 27, 28, 30 sa 32, 41, 42, u d-dispożittiv)

    Top