EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0713

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Novembru 2018.
Ahmad Shah Ayubi vs Bezirkshauptmannschaft Linz-Land.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali – Status ta’ refuġjat – Artikolu 29 – Protezzjoni soċjali – Trattament differenti – Refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza temporanja.
Kawża C-713/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

Kawża C‑713/17

Ahmad Shah Ayubi

vs

Bezirkshauptmannschaft Linz-Land

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali – Status ta’ refuġjat – Artikolu 29 – Protezzjoni soċjali – Trattament differenti – Refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza temporanja”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Novembru 2018

  1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Protezzjoni soċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lir-refuġjati li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza temporanja fi Stat Membru benefiċċji ta’ assistenza soċjali ta’ammont inqas għal dak tal-benefiċċji mogħtija liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru u lir-refuġjati li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza permanenti fl-imsemmi Stat Membru – Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 29)

  2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Protezzjoni soċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lir-refuġjati li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza temporanja fi Stat Membru benefiċċji ta’ assistenza soċjali ta’ammont inqas għal dak tal-benefiċċji mogħtija liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru u lir-refuġjati li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza permanenti fl-imsemmi Stat Membru – Possibbiltà li tiġi invokata, quddiem il-qrati nazzjonali, l-inkompatibbiltà tal-imsemmija leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 29)

  1.  L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li r-refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza temporanja fi Stat Membru jingħataw benefiċċji ta’ għajnuna soċjali ta’ ammont inqas minn dak tal-benefiċċji mogħtija lil ċittadini ta’ dak l-Istat Membru u lir-refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza permanenti f’dak l-Istat Membru.

    Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-Artikolu 29(1) tal-istess direttiva jipprevedi l-għoti, lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, tal-assistenza soċjali “meħtieġa” ma jimplikax li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-Istati Membri jagħtu lir-refuġjati benefiċċji soċjali ta’ ammont li huma jqisu biżżejjed għall-ħtiġijiet tagħhom iżda li jkun inqas minn dak tal-benefiċċji soċjali mogħtija liċ-ċittadini tagħhom. Minn dan isegwi li l-livell ta’ benefiċċji soċjali mogħtija lir-rifuġjati mill-Istat Membru li jkun ta dan l-istatus, kemm jekk għal perijodu determinat jew indeterminat, għandu jkun l-istess bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punti 4850). Il-prinċipju tat-trattament nazzjonali li b’hekk jibbenefikaw minnu r-rifuġjati ma jistax jiġi kompromess mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95, li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu lir-refuġjati permess ta’ residenza limitat, jekk ikun il-każ, għal tliet snin.

    Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa f’dubju mill-argument li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kompatibbli mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95, inkwantu li r-refuġjati residenti għal bosta snin fi Stat Membru jinstabu f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik tar-refuġjati li daħlu reċentement fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għaliex dawn tal-aħħar jeħtieġu appoġġ prattiku iktar importanti.

    (ara l-punti 21, 25, 26, 30, 35, u d-dispożittiv 1)

  2.  Refuġjat jista’ jinvoka, quddiem il-qrati nazzjonali, l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95, sabiex ir-restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu li toħloq din il-leġiżlazzjoni titwarrab.

    Għalkemm huwa veru li l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95 jagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ assistenza soċjali li huma jqisu meħtieġ, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni tagħti lil kull Stat Membru, f’termini ċari, obbligu ta’ riżultat preċiż u inkundizzjonali, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat għal kull refuġjat li jingħata protezzjoni, il-benefiċċju tal-istess assistenza soċjali bħal dik prevista għaċ-ċittadini tiegħu.

    (ara l-punti 38, 41, u d-dispożittiv 2)

Top