Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0703

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Ottubru 2019.
    Adelheid Krah vs Universität Wien.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 45 TFUE – Ħaddiema – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(1) – Lecturers anzjani postdottorali – Limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti mwettqa fi Stat Membru ieħor – Sistema ta’ remunerazzjoni li torbot il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni iktar għolja mal-anzjanità miksuba mal-persuna attwali li timpjega.
    Kawża C-703/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:850

    Kawża C‑703/17

    Adelheid Krah

    vs

    Universität Wien

    (talba għal deċiżjoni preliminari,
    imressqa mill-Oberlandesgericht Wien)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Ottubru 2019

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 45 TFUE – Ħaddiema – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(1) – Lecturers anzjani postdottorali – Limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti mwettqa fi Stat Membru ieħor – Sistema ta’ remunerazzjoni li torbot il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni iktar għolja mal-anzjanità miksuba mal-persuna attwali li timpjega”

    1. Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Remunerazzjoni – Lecturers anzjani postdottorali – Teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti mwettqa fi Stat Membru ieħor – Applikabbiltà għall-ħaddiema kollha impjegati – Diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità – Assenza

      (Artikolu 45(2) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 492/2011, Artikolu 7(1))

      (ara l-punti 21, 25, 28)

    2. Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Remunerazzjoni – Lecturers anzjani postdottorali – Teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti mwettqa fi Stat Membru ieħor – Differenza fit-trattament skont l-università li impjegat lill-ħaddiem – Diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità – Assenza

      (Artikolu 45(2) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 492/2011, Artikolu 7(1))

      (ara l-punti 23, 24, 29-32, 38)

    3. Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Remunerazzjoni – Lecturers anzjani postdottorali – Teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti mwettqa fi Stat Membru ieħor – Attività preċedenti ekwivalenti – Ostakolu – Ġustifikazzjoni – Assenza – Attività preċedenti mhux ekwivalenti iżda utli għall-eżerċizzju tal-funzjoni – Nuqqas ta’ ostakolu

      (Artikolu 45 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 492/2011, Artikolu 7(1))

      (ara l-punti 40-43, 47-51, 54, 55-63 u d-dispożittiv)

    Sunt

    Ir-regoli ta’ università ta’ Stat Membru li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tal-għalliema tagħha, jillimitaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema

    Fis-sentenza Krah (C‑703/17), mogħtija fl-10 ta’ Ottubru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli ta’ università ta’ Stat Membru li, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-klassifikazzjoni salarjali tal-lecturers anzjani postdottorali tagħha, jillimitaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn dawn tal-aħħar fi Stat Membru ieħor, jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, kif iggarantit mill-Artikolu 45 TFUE. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ( 1 ) ma jipprekludux tali regoli jekk l-attività mwettqa f’dan l-Istat Membru l-ieħor ma kinitx ekwivalenti, iżda tirriżulta sempliċement utli għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali mal-università inkwistjoni.

    Fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ċittadina Ġermaniża, detentriċi ta’ Ph.D. fl-istorja, ħadmet għal ħames snin bħala għalliema fl-Università ta’ München. Minn tmiem is-sena 2000, hija ħadmet fl-Università ta’ Vjenna, l-ewwel bħala għalliema, imbagħad bħala lecturer u, mill-1 ta’ Ottubru 2010, bħala lecturer anzjan postdottorali. Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011, l-Università ta’ Vjenna ddeċidiet, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-klassifikazzjoni salarjali tal-lecturers anzjani postdottorali, li tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti ta’ tul totali ta’ mhux iktar minn erba’ snin, mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn il-perijodi mwettqa f’universitajiet oħra fl-Awstrija u dawk imwettqa barra mill-pajjiż. Min-naħa l-oħra, dan il-limitu ta’ erba’ snin ma japplikax għall-esperjenza professjonali miksuba mal-Università ta’ Vjenna bħala lecturer anzjan postdottorali. Skont din id-deċiżjoni, il-klassifikazzjoni salarjali tar-rikorrenti ġiet stabbilita fuq il-bażi ta’ esperjenza professjonali preċedenti ta’ erba’ snin.

    Mistoqsija dwar il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011 mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, ikkonstatat li din id-deċiżjoni la tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata direttament fuq in-nazzjonalità u lanqas diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tal-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu qieset li din tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, iggarantit mill-Artikolu 45(1) TFUE, sa fejn din tista’ tirrendi l-eżerċizzju ta’ din il-libertà inqas attraenti.

    F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011 tieħu inkunsiderazzjoni l-attività professjonali preċedenti rilevanti ta’ tul totali ta’ mhux iktar minn erba’ snin. Dan il-kunċett jinkludi mhux biss attività professjonali ekwivalenti, u saħansitra identika, għall-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali fl-università ta’ Vjenna, iżda wkoll kull tip ieħor ta’ attività li jirriżulta li huwa sempliċement utli għall-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-limitazzjoni għal erba’ snin tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-attività professjonali preċedenti ekwivalenti tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu. Din il-limitazzjoni hija fil-fatt ta’ natura li tiskoraġġixxi lil lecturer anzjan postdottorali li jkun kiseb esperjenza professjonali ekwivalenti ikbar minn dan il-perijodu li jitlaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu u li japplika għal tali impjieg fl-Università ta’ Vjenna. Il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward tenfasizza li tali lecturer ikun suġġett għal kundizzjonijiet salarjali inqas vantaġġużi minn dawk applikabbli għal-lecturers anzjani postdottorali li eżerċitaw l-istess funzjoni matul perijodi ta’ attivitajiet tal-istess tul mal-Università ta’ Vjenna.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni totali tal-esperjenza sempliċement utli, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ma kienx hemm ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, peress li tali assenza ma tistax tipproduċi effetti dissważivi għall-moviment liberu.

    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-ġustifikazzjoni tal-ostakolu għall-moviment liberu li jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-esperjenza professjonali ekwivalenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika salarjali l-fatt li tiġi kkumpensata l-esperjenza miksuba li tippermetti lill-ħaddiem jaqdi dmirijietu aħjar. Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011 ma kinitx tidher li hija adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dan l-għan, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ksur tal-Artikolu 45 TFUE.


    ( 1 ) Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1) L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE fil-qasam speċifiku tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol.

    Top