EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0459

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2018.
SGI u Valériane SNC vs Ministre de l'Action et des Comptes publics.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Kundizzjonijiet materjali tad-dritt għal tnaqqis – Kunsinna effettiva tal-merkanzija.
Kawżi magħquda C-459/17 u C-460/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

Kawżi magħquda C‑459/17 u C‑460/17

SGI
u
Valériane SNC

vs

Ministre de l’Action et des Comptes publics

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Kundizzjonijiet materjali tad-dritt għal tnaqqis – Kunsinna effettiva tal-merkanzija”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas‑27 ta’ Ġunju 2018

  1. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali–Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud–Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa–Oriġini u skop tad-dritt ta’ tnaqqis–Kundizzjonijiet materjali tad-dritt għal tnaqqis–Kunsinna effettiva tal-merkanzija–Bona jew mala fide tal-persuna taxxabbli fir-rigward tal-kunsinna effettiva–Assenza ta’ effett

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, kif emendata bid-Direttiva 91/680, Artikoli 10(2) u 17(1))

  2. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali–Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud–Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa–Oriġini u skop tad-dritt għal tnaqqis–Rifjut minħabba assenza ta’ twettiq effettiv tal-kunsinna ta’ merkanzija–Ammissibbiltà–Kundizzjoni–Stabbiliment mill-amministrazzjoni tat-taxxa tan-nuqqas ta’ twettiq effettiv tal-imsemmija kunsinna

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, kif emendata bid-Direttiva 91/680, Artikolu 17)

  1.  L-Artikolu 17(1) tas-Sitt Direttiva jipprevedi li d-dritt għal tnaqqis jinħoloq fl-istess mument meta ssir dovuta t-taxxa li minnha jsir it-tnaqqis. Dan huwa l-każ, skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, meta ssir il-kunsinna tal-merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi.

    Minn dan isegwi li, fis-sistema tal-VAT, id-dritt għal tnaqqis huwa marbut mat-twettiq effettiv tal-kunsinna tal-merkanzija jew tal-provvista tas-servizzi inkwistjoni (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Lulju 2013, Menidzherski biznes reshenia, C‑572/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:456, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Il-bona jew il-mala fide tal-persuna taxxabbli li titlob it-tnaqqis tal-VAT ma taffettwax il-kwistjoni jekk il-kunsinna ssirx, fis-sens tal-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, konformement mal-għan ta’ din id-direttiva, li hija intiża li tistabbilixxi sistema komuni ta’ VAT ibbażata, inter alia, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, il-kunċett ta’ “provvista ta’ oġġetti”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, għandu natura oġġettiva u għandu jiġi interpretat indipendentement mill-għanijiet u mir-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati, mingħajr l-amministrazzjoni tat-taxxa ma tkun obbligata twettaq investigazzjonijiet sabiex tiddetermina l-intenzjoni tal-persuna taxxabbli jew li tieħu inkunsiderazzjoni l-intenzjoni ta’ operatur differenti minn din il-persuna taxxabbli involuta fl-istess katina ta’ provvisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Dixons Retail, C‑494/12, EU:C:2013:758, punti 1921 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    (ara l-punti 34, 35, 38)

  2.  L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE tas‑16 ta’ Diċembru 1991, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi rrifjutat għall-persuna taxxabbli li tirċievi fattura d-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT imsemmija fuq din il-fattura, huwa biżżejjed li l-amministrazzjoni tistabbilixxi li t-tranżazzjonijiet li din il-fattura tikkorrispondi għalihom effettivament ma sarux.

    (ara l-punt 47 u d-dispożittiv)

Top