This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0377
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-4 ta’ Lulju 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 15 – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Onorarji tal-periti u tal-inġiniera għas-servizzi ta’ ppjanar – Tariffi minimi u massimi.
Kawża C-377/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-4 ta’ Lulju 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 15 – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Onorarji tal-periti u tal-inġiniera għas-servizzi ta’ ppjanar – Tariffi minimi u massimi.
Kawża C-377/17.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:562
Kawża C‑377/17
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-4 ta’ Lulju 2019
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 15 – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Onorarji tal-periti u tal-inġiniera għas-servizzi ta’ ppjanar – Tariffi minimi u massimi”
Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ tariffi minimi u massimi għas-servizzi tal-ippjanar tal-periti u tal-inġiniera – Ġustifikazzjoni – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-Istat membru – Portata
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, Artikolu 15)
(ara l-punti 64, 65, 85)
Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ tariffi minimi u massimi għas-servizzi tal-ippjanar tal-periti u tal-inġiniera – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Assigurazzjoni tal-kwalità tas-servizzi u protezzjoni tal-konsumaturi – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, Artikolu 15(2)(g) u (3))
(ara l-punti 66 sa 71, 76 sa 82, 88, 89, 92 sa 95, u d-dispożittiv 1)
Sunt
Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑377/17), mogħtija fl-4 ta’ Lulju 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2006/123 ( 1 ) billi żammet fis-seħħ tariffi obbligatorji għas-servizzi tal-ippjanar tal-periti u tal-inġiniera.
Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha teżamina leġiżlazzjoni Ġermaniża li tistabbilixxi sistema ta’ tariffi minimi u massimi għas-servizzi tal-ippjanar tal-periti u tal-inġiniera. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, it-tariffi minimi kienu intiżi, b’mod partikolari, li jintlaħaq l-għan ta’ kwalità tas-servizzi tal-ippjanar u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, filwaqt li t-tariffi massimi kienu intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi billi jiggarantixxu trasparenza tal-onorarji u billi jipprekludu tariffi eċċessivi.
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tariffi inkwistjoni jaqgħu taħt id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/123 li tobbliga lill-Istati Membri jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tipprevedix rekwiżiti li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività għall-osservanza mill-fornitur ta’ tariffi minimi u/jew massimi ( 2 ). Sabiex ikunu konformi mal-għanijiet ta’ din id-direttiva, tali rekwiżiti għandhom ikunu mhux diskriminatorji, meħtieġa u proporzjonati sabiex tiġi implimentata raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 3 ).
Peress li l-għanijiet invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma rrikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat in-natura adatta u l-proporzjonalità tas-sistema tariffarja Ġermaniża.
Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tariffi minimi, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi kkonstatat, fid-dawl tas-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04), li l-eżistenza ta’ tariffi minimi għas-servizzi tal-ippjanar hija, bħala prinċipju, ta’ natura, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq Ġermaniż, li tikkontribwixxi sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ kwalità ta’ dawn is-servizzi tal-ippjanar. Fil-fatt, fid-dawl, minn naħa, tan-numru kbir ħafna ta’ operaturi li joperaw fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ ppjanar, u, min-naħa l-oħra, tal-asimetrija qawwija fl-informazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi tal-ippjanar u l-konsumaturi li jikkaratterizzaw dan is-suq, jista’ jkun hemm riskju li dawn il-fornituri jipparteċipaw f’kompetizzjoni li tista’ timmanifesta ruħha fl-offerta ta’ servizzi bi prezzijiet imraħħsa, jekk mhux ukoll fl-eliminazzjoni tal-operaturi li joffru servizzi ta’ kwalità permezz ta’ selezzjoni kuntrarja. F’tali kuntest, l-impożizzjoni ta’ tariffi minimi tista’ tkun ta’ natura li tikkontribwixxi sabiex jiġi limitat dan ir-riskju, billi tipprekludi li jiġu offerti servizzi bi prezzijiet li ma jkunux suffiċjenti sabiex tiġi żgurata, fuq perijodu twil, il-kwalità ta’ dawn is-servizzi.
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi ddeċidiet li t-tariffi minimi ma humiex adatti sabiex jiġi ggarantit li jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li s-servizzi tal-ippjanar ma humiex irriżervati għal ċerti professjonijiet li huma suġġetti għal sorveljanza obbligatorja bis-saħħa ta’ regolamenti professjonali jew permezz tal-kmamar professjonali huwa manifestazzjoni ta’ inkoerenza fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża fir-rigward tal-għan li jinżamm livell għoli ta’ kwalità. Fil-fatt, tariffi minimi ma jistgħux ikunu adegwati sabiex jintlaħaq tali għan jekk l-eżerċizzju tas-servizzi li huma suġġetti għal dawn it-tariffi ma jkunx marbut, min-naħa tiegħu, ma’ garanziji minimi li jippermettu li tiġi żgurata l-kwalità tal-imsemmija servizzi.
Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tariffi massimi, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, għalkemm tali tariffi huma ta’ natura li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-konsumaturi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx stabbilxxiet ir-raġunijiet għaliex il-fatt li tingħata lill-klijenti gwida dwar il-prezzijiet għad-diversi kategoriji ta’ servizzi bħala miżura inqas restrittiva ma huwiex biżżejjed sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan b’mod adegwat. Minn dan isegwi li r-rekwiżit li jikkonsisti fl-iffissar ta’ tariffi massimi ma jistax jitqies li huwa proporzjonat ma’ dan l-għan.
( 1 ) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).
( 2 ) Artikolu 15(2)(g) tad-Direttiva 2006/123.
( 3 ) Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123.