Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0374

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Diċembru 2018.
Finanzamt B vs A-Brauerei.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Taxxa fuq l-akkwisti ta’ proprjetà immobbli – Eżenzjoni – Trasferimenti tal-proprjetà ta’ beni immobbli minħabba operazzjonijiet ta’ trasformazzjoni li twettqu fi ħdan ċerti gruppi ta’ kumpanniji – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kundizzjoni marbuta mas-selettività – Ġustifikazzjoni.
Kawża C-374/17.

Kawża C-374/17

Finanzamt B

vs

A-Brauerei

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesfinanzhof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Taxxa fuq l-akkwisti ta’ proprjetà immobbli – Eżenzjoni – Trasferimenti tal-proprjetà ta’ beni immobbli minħabba operazzjonijiet ta’ trasformazzjoni li twettqu fi ħdan ċerti gruppi ta’ kumpanniji – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kundizzjoni marbuta mas-selettività – Ġustifikazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Diċembru 2018

  1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tikkonferixxi vantaġġ fiskali – Miżura ta’ natura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha – Assenza ta’ natura selettiva – Evalwazzjoni tan-natura ġenerali tal-miżura – Eżenzjoni fiskali li tiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta’ operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli – Assenza ta’ miżura ta’ natura ġenerali

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Deroga mis-sistema fiskali ġenerali – Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Eżenzjoni fiskali intiża li tiġi evitata t-taxxa doppja

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 20-34)

  2.  L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li vantaġġ fiskali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fl-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-akkwisti ta’ proprjetà immobbli ta’ trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobbli li twettaq minħabba operazzjoni ta’ trasformazzjoni li timplika esklużivament kumpanniji tal-istess grupp marbuta b’ishma ta’ mill-inqas 95 % matul perijodu minimu u kontinwu ta’ ħames snin qabel l-imsemmija operazzjoni u ta’ ħames snin warajha, ma jissodisfax il-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ ikkonċernat, stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni.

  3.  Fil-kuntest ta’ miżuri fiskali, il-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva”, timplika, l-ewwel nett, li tiġi identifikata s-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u t-tieni nett, li jintwera li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga mill-imsemmija sistema komuni, sa fejn hija tintroduċi differenzi bejn operaturi li, fir-rigward tal-għan persegwit minn din is-sistema komuni, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 57).

    Madankollu, għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jkoprix il-miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi li, fid-dawl tal-għan persegwit mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jirnexxielu juri li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata peress li tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jagħmlu parti minnha l-miżuri (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li għanijiet inerenti għas-sistema fiskali ġenerali kkonċernata setgħu jiġġustifikaw sistema fiskali a priori selettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, GIL Insurance et, C-308/01, EU:C:2004:252, punti 74 sa 76, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C-78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punti 64 sa 76).

    F’dan il-każ, l-għan relatat mal-funzjonament tajjeb tas-sistema fiskali ġenerali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa intiż li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u, għaldaqstant, tassazzjoni eċċessiva, jista’ għalhekk jiġġustifika li l-eżenzjoni fiskali li jipprevedi l-Artikolu 6a tal-GrEStG tiġi rriżervata għall-operazzjonijiet ta’ trasformazzjoni mwettqa bejn kumpanniji marbuta b’parteċipazzjoni ta’ mill-inqas 95 % matul perijodu minimu u kontinwu ta’ ħames snin qabel l-imsemmija operazzjoni u ħames snin warajha.

    (ara l-punti 36, 44, 49, 50, 53, u d-dispożittiv)

Top