Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0240

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Jannar 2018.
    E.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru – Theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà nazzjonali – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 6(2) – Deċiżjoni ta’ ritorn – Projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri – Twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul fiż-żona Schengen – – Ċittadin detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor – Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 25(2) – Proċedura ta’ konsultazzjoni bejn l-Istat Membru li twettaq twissija u l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza – Terminu – Assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni tal-Istat kontraenti kkonsultat – Konsegwenzi fuq l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn u ta’ projbizzjoni ta’ dħul.
    Kawża C-240/17.

    Kawża C‑240/17

    E

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru – Theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà nazzjonali – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 6(2) – Deċiżjoni ta’ ritorn – Projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri – Twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul fiż-żona Schengen – Ċittadin detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor – Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 25(2) – Proċedura ta’ konsultazzjoni bejn l-Istat Membru li twettaq twissija u l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza – Terminu – Assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni tal-Istat kontraenti kkonsultat – Konsegwenzi fuq l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn u ta’ projbizzjoni ta’ dħul”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Jannar 2018

    1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni–Politika tal-immigrazzjoni–Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment–Deċiżjoni ta’ ritorn, akkumpanjata minn projbizzjoni fuq id-dħul, meħuda kontra tali ċittadin meqjus bħala perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali–Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen–Twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul fiż-żona Schengen–Ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza validu fi Stat Membru ieħor kontraenti–Obbligu tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija li jikkonsulta l-Istat li ħareġ il-permess ta’ residenza–Implementazzjoni ta’ din il-proċedura ta’ konsultazzjoni, iktar tard, tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn

      (Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, Artikolu 25(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115)

    2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni–Politika tal-immigrazzjoni–Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment–Deċiżjoni ta’ ritorn, akkumpanjata minn projbizzjoni fuq id-dħul, meħuda kontra tali ċittadin meqjus bħala perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali–Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen–Twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul fiż-żona Schengen–Ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza validu fi Stat Membru ieħor kontraenti–Obbligu tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija li jikkonsulta l-Istat li ħareġ il-permess ta’ residenza–Nuqqas ta’ tweġiba mill-imsemmi Stat–Konsegwenzi

      (Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, Artikolu 25(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115)

    3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni–Politika tal-immigrazzjoni–Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment–Deċiżjoni ta’ ritorn, akkumpanjata minn projbizzjoni fuq id-dħul, meħuda kontra tali ċittadin meqjus bħala perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali–Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen–Twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul fiż-żona Schengen–Ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza validu fi Stat Membru ieħor kontraenti–Obbligu tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija li jikkonsulta l-Istat li ħareġ il-permess ta’ residenza–Possibbiltà għall-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz li jinvoka din il-proċedura ta’ konsultazzjoni quddiem il-qorti nazzjonali

      (Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, Artikolu 25(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115)

    1.  L-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat fid-19 ta’ Ġunju 1990 f’Schengen u li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għalkemm huwa possibbli, għal Stat kontraenti li beħsiebu jadotta deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fiż-żona Schengen kontra ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti ieħor, li jibda l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni qabel l-istess adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, din il-proċedura għandha, fi kwalunkwe każ, tinbeda meta tali deċiżjoni tkun ġiet adottata.

      (ara l-punt 39, u d-dispożittiv 1)

    2.  L-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jostakolax li deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul adottata minn Stat kontraenti kontra ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti ieħor, tiġi eżegwita minkejja li l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tkun għadha pendenti, meta l-imsemmi ċittadin ikun jista’ validament jitqies mill-Istat kontraenti li jagħmel it-twissija li jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali, bla ħsara għall-possibbiltà għal dan tal-aħħar li jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw mill-permess ta’ residenza meta jerġa’ jirritorna fit-territorju tat-tieni Stat kontraenti. Madankollu, wara terminu raġonevoli li jsegwi l-bidu tal-proċedura ta’ konsultazzjoni u fin-nuqqas ta’ tweġiba mingħand l-Istat kontraenti kkonsultat, huwa l-Istat kontraenti li jwissi li għandu jipproċedi bl-irtirar tat-twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul u, jekk ikun il-każ, li jirreġistra ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-lista tat-twissija nazzjonali tiegħu.

      (ara l-punt 55, u d-dispożittiv 2)

    3.  L-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti, u li kontrih tkun ġiet adottata, fi Stat kontraenti ieħor, deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul, jista’ jinvoka quddiem il-qorti nazzjonali l-effetti legali li jirriżultaw mill-proċedura ta’ konsultazzjoni li taqa’ fuq il-parti kontraenti li twissi, kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw.

      F’dan ir-rigward, għalkemm din id-dispożizzjoni tirregola l-proċedura bejn l-awtoritajiet tal-Istati kontraenti, jibqa’ l-fatt li jista’ jkollha effetti konkreti fuq id-drittijiet u l-interessi tal-individwi. Fil-fatt, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod ċar, preċiż u inkundizzjonat proċedura ta’ konsultazzjoni li għandha ssir minn Stat kontraenti li jkun jixtieq jipprojbixxi d-dħul fiż-żona Schengen ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti ieħor. Barra minn hekk, peress li t-tieni Stat iqis li għandu jinżamm il-permess ta’ residenza li huwa kien ħareġ, jirriżulta obbligu pjuttost ċar, preċiż u inkundizzjonat għall-ewwel Stat li jirtira t-twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul u li jittrasformaha, skont il-każ, fi twissija fuq il-lista nazzjonali.

      (Ara l-punti 57, 58, 60, u d-dispożittiv 3)

    Top