Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0213

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Lulju 2018.
    X vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikoli 17, 18, 23 u 24 – Proċedura minn qabel ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru – Applikazzjoni ġdida fi Stat Membru ieħor – Assenza ta’ talba għall-iskopijiet tat-teħid lura fit-termini previsti – Konsenja tal-persuna kkonċernata għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali.
    Kawża C-213/17.

    Court reports – general

    Kawża C‑213/17

    X

    vs

    Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikoli 17, 18, 23 u 24 – Proċedura minn qabel ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru – Applikazzjoni ġdida fi Stat Membru ieħor – Assenza ta’ talba għall-iskopijiet tat-teħid lura fit-termini previsti – Konsenja tal-persuna kkonċernata għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Lulju 2018

    1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Proċeduri ta’ teħid u ta’ teħid lura tar-responsabbiltà – Termini previsti għall-preżentata ta’ rikors għall-finijiet ta’ teħid lura – Konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn it-termini – Trasferiment ta’ responsabbiltà tal-eżami ta’ applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali lill-Istat Membru li ma ssottomettiex tempestivament l-imsemmi rikors – Appell pendenti fi Stat Membru ieħor kontra d-deċiżjoni li tiċħad waħda mill-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li qabel kienet iddepożitata f’dak l-Istat Membru – Assenza ta’ effett

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikoli 18(1)(d) u 23(1) sa (3))

    2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Proċeduri ta’ teħid u ta’ teħid lura tar-responsabbiltà – Tressiq ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid lura – Appell pendenti fi Stat Membru ieħor kontra d-deċiżjoni li tiċħad waħda mill-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li qabel kienet iddepożitata f'dak l-Istat Membru – Obbligu ta’ sospensjoni tal-eżami tal-appell u t-tmiem tiegħu jekk ir-rikors jintlaqa’ – Assenza

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikolu 18(2))

    3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Proċeduri ta’ teħid u ta’ teħid lura tar-responsabbiltà – Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fit-talba għall-finijiet tat-teħid lura – Informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ appell pendenti fi Stat Membru ieħor kontra d-deċiżjoni li tiċħad waħda mill-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li qabel kienet iddepożitata f’dak l-Istat Membru – Esklużjoni

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikoli 22(3), 23(2) u 24(5))

    4. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Proċeduri ta’ teħid u ta’ teħid lura tar-responsabbiltà – Applikant għall-protezzjoni internazzjonali li kien is-suġġett għal mandat ta’ arrest Ewropew u li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jkun ippreżenta applikazzjoni ġdida għall-protezzjoni internazzjonali – Tressiq, mill-imsemmi Stat Membru, ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid lura mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Ammissibbiltà – Possibbiltà għal Stat Membru emittenti li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tkun saret fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni – Assenza

      [Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikoli 17(1), 18(1) u 24(1)]

    1.  L-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li fih tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha meta talba għall-finijiet ta’ teħid lura ma tkunx ġiet ifformulata minn dak l-Istat Membru fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li, minn naħa, Stat Membru ieħor kien responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata qabel u, min-naħa l-oħra, li l-appell ippreżentat miċ-ċaħda ta’ waħda minn dawn l-applikazzjonijiet pendenti, quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini.

      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ teħid lura huwa ddefinit fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Dublin III. Mill-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li din il-proċedura hija applikabbli għall-persuni msemmija fl-Artikolu 18(1)(d) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-5 ta’ April 2017, Ahmed, C-36/17, EU:C:2017:273, punti 2627, kif ukoll is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan, C-360/16, EU:C:2018:35, punti 4243). Din l-aħħar dispożizzjoni tirrigwarda, b’mod partikolari, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet miċħuda u li jkun ippreżenta applikazzjoni ġdida fi Stat Membru ieħor. Il-proċedura ta’ teħid lura prevista fl-Artikolu 23 tar-Regolament Dublin III huwa applikabbli għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida fi Stat Membru wieħed, filwaqt li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata qabel fi Stat Membru ieħor tkun ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-awtorità responsabbli, anki jekk din id-deċiżjoni ma tkunx għadha saret definittiva wara appell li huwa pendenti quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar.

      Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih din l-applikazzjoni l-ġdida tkun ġiet ippreżentata kellhom il-possibbiltà, skont l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, li jressqu talba għall-finijiet ta’ teħid lura tal-persuna kkonċernata. Madankollu, huma kellhom, skont l-Artikolu 23(2) ta’ dak ir-regolament, jressqu din it-talba malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, fit-termini previsti f’din id-dispożizzjoni, tali talba ma tistax tiġi validament magħmula wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C-670/16, EU:C:2017:587, punt 67). Kemm mill-kliem tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III kif ukoll mill-istruttura ġenerali u l-objettivi tiegħu , jirriżulta li , fil-każ ta’ skadenza tal-imsemmija termini, ir-responsabbiltà sħiħa tal-operazzjoni għandha tiġi ttrasferita lura lejn l-Istat Membru fejn tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C-670/16, EU:C:2017:587, punt 61, u tal-25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C-201/16, EU:C:2017:805, punt 30).

      (ara l-punti 27, 28, 32-35, 40 u d-dispożittiv 1)

    2.  L-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-formulazzjoni, minn Stat Membru, ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz mingħajr dokumenti ta’ residenza fit-territorju tiegħu ma jimponix fuq dan l-Istat Membru li jissospendi l-eżami ta’ appell ippreżentat miċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali qabel, u wara li jintemm dan l-eżami fil-każ tal-aċċettazzjoni ta’ din it-talba mill-Istat Membru rikjest.

      Jekk l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III jipprovdi diversi obbligi dwar is-segwitu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, skont l-istadju milħuq fil-proċedura għall-protezzjoni internazzjonali kkonċernata, dawn l-obbligi huma intiżi li jiżguraw il-kontinwazzjoni tal-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jimponux sospensjoni jew interruzzjoni tagħha fi kwalunkwe Stat Membru.

      Ara l-punti 42, 44 u d-dispożittiv 2)

    3.  L-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Stat Membru li jagħmel talba għall-finijiet ta’ teħid lura fuq il-bażi tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, wara l-iskadenza, fl-Istat Membru rikjest, tat-termini previsti fl-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament, ma huwiex obbligat li jinforma l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar li r-rikors ippreżentat kontra ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issottomessa qabel hija pendenti quddiem qorti tal-Istat Membru rikjedenti.

      L-Artikolu 24(5) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li t-talba ta’ teħid lura għandha ssir permezz ta’ formola standard u għandha tinkludi provi jew indizji ċirkustanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) ta’ dan ir-Regolament jew elementi rilevanti mid-dikjarazzjonijiet tal-persuna kkonċernata, li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest jivverifikaw jekk huwiex responsabbli abbażi tal-kriterji stabbiliti f’dan ir-regolament. Għaldaqstant, mill-kliem stess tal-Artikolu 24(5) tal-istess regolament jirriżulta li l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq l-Istat Membru rikjedenti għandu jkun limitat għall-elementi li jippermettu lill-Istat Membru rikjest sabiex jevalwa r-responsabbiltà tiegħu.

      (Ara l-punti 47, 48, 53, u d-dispożittiv 3)

    4.  L-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 604/2013, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-data tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, fejn applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun ġie mogħti minn Stat Membru lil Stat Membru ieħor b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u jinsab fit-territorju ta’ dan tal-aħħar mingħajr ma jippreżenta applikazzjoni ġdida għall-protezzjoni internazzjonali, dan it-tieni Stat Membru jista’ jitlob dan l-ewwel Stat Membru għall-finijiet ta’ teħid lura tal-applikant u ma huwiex obbligat jeżamina t-talba tiegħu.

      L-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li Stat Membru jista’, b’mod partikolari, jitlob lil Stat Membru ieħor jieħu lura persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fit-territorju tiegħu mingħajr permess ta’ residenza u mingħajr ma jkun ressaq applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, jekk jidhirlu li dan it-tieni Stat Membru huwa responsabbli konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni. Sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludi l-ebda rekwiżit dwar il-modalitajiet tad-dħul tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ssuġġettatx il-possibbiltà li titressaq talba għal teħid lura għal xi kundizzjoni f’dan ir-rigward.

      F’dan il-kuntest, u fir-rigward tal-awtonomija tal-proċeduri previsti rispettivament mir-Regolament Dublin III u mid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), li jsegwu għanijiet distinti u ma jistgħux jissostitwixxu lil xulxin, il-fatt li d-dħul fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti jirriżulta minn eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax, bħala tali, jeskludi il-formulazzjoni ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid lura.

      Barra minn hekk, mill-kliem stess tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippermetti lil kull Stat Membru jiddeċiedi li jeżamina “jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu”, li jimplika li din id-dispożizzjoni ma għandhiex bħala għan jew bħala effett li tippermetti lil Stat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ma tkunx ġiet ippreżentata.

      (ara l-punti 56-58, 60, 63, u d-dispożittiv 4)

    Top