EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0164

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018.
Edel Grace u Peter Sweetman vs An Bord Pleanala.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6(3) u (4) – Evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ta’ pjan jew proġett fuq sit protett – Pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għat-tmexxija tas-sit – Proġett ta’ park eoliku – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi – Artikolu 4 – Żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) – Anness I – Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus) – Habitat xieraq li jvarja tul iż-żmien – Tnaqqis temporanju jew definittiv ta’ superfiċi ta’ artijiet utli – Miżuri integrati fil-proġett intiżi biex jiżguraw, matul il-proġett, li s-superfiċi effettivament xierqa biex iżżomm fiha l-habitat naturali tal-ispeċi ma titnaqqasx, jew saħansitra tkun tista’ tiżdied.
Kawża C-164/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

Kawża C‑164/17

Edel Grace
u
Peter Sweetman

vs

An Bord Pleanála

[talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6(3) u (4) – Evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ta’ pjan jew proġett fuq sit protett – Pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għat-tmexxija tas-sit – Proġett ta’ park eoliku – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi – Artikolu 4 – Żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) – Anness I – Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus) – Habitat xieraq li jvarja tul iż-żmien – Tnaqqis temporanju jew definittiv ta’ superfiċi ta’ artijiet utli – Miżuri integrati fil-proġett intiżi biex jiżguraw, matul il-proġett, li s-superfiċi effettivament xierqa biex iżżomm fiha l-habitat naturali tal-ispeċi ma titnaqqasx, jew saħansitra tkun tista’ tiżdied”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018

  1. Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq sit minn pjan jew minn proġett — Miżuri ta’ protezzjoni — Miżuri ta’ kumpens — Distinzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3) u (4))

  2. Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Obbligi tal-Istati membri — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq sit — Teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvilupp futur ta’ habitat ġdid intiż biex jikkumpensa t-telf tas-superfiċi u tal-kwalità li tirriżulta mill-proġett — Esklużjoni — Kwalifika tal-iżvilupp imsemmi bħala miżura kumpensatorja — Kundizzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3) u (4))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 47)

  2.  L-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta proġett ikun intiż li jitwettaq fuq sit indikat għall-protezzjoni u għall-konservazzjoni tal-ispeċi, li s-superfiċi tiegħu xierqa għall-ħtiġijiet ta’ speċi protetta tvarja maż-żmien, u meta tali proġett ikollu bħala effett li, temporanjament jew definittivament, ċerti partijiet ta’ dan is-sit ma jkunux ser jibqgħu ta’ natura li joffru habitat adatt lill-ispeċi inkwistjoni, iċ-ċirkustanza li dan il-proġett jinkludi miżuri intiżi li jiżguraw, wara li tkun twettqet l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-imsemmi proġett u matul il-ħajja tal-proġett imsemmi, li l-parti tal-imsemmi sit li b’mod konkret tista’ toffri habitat xieraq ma titnaqqasx, jew saħansitra tista’ tiżdied, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni li għandha ssir skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu u intiża li tiżgura li l-proġett inkwistjoni mhux ser jaffettwa b’mod negattiv l-integrità tas-sit ikkonċernat, iżda tirrileva, jekk ikun il-każ, mill-paragrafu 4 tal-istess artikolu.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li miżuri previsti minn proġett li huma intiżi biex jikkumpensaw l-effetti negattivi tiegħu ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-imsemmi proġett, prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 29, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 48).

    Huwa biss fejn ikun hemm ċertezza suffiċjenti li miżura tkun ser tikkontribwixxi b’mod effettiv biex tiġi evitata ħsara li tiggarantixxi n-nuqqas ta’ kull dubju raġonevoli dwar il-fatt li l-proġett ma jaffettwax ħażin l-integrità taż-żona, li tali miżura tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑142/16, EU:C:2017:301, punt 38).

    Issa, bħala regola ġenerali, l-effetti pożittivi eventwali tal-iżvilupp futur ta’ habitat ġdid, intiż li jikkumpensa t-telf tas-superfiċji u ta’ kwalità ta’ dan l-istess tip ta’ habitat fuq żona protetta, huma biss diffiċilment prevedibbli jew ikunu viżibbli biss iktar tard (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punti 5256 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    Għandu jiġi enfasizzat li din ma hijiex ċirkustanza fejn il-habitat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinsab f’tibdil kontinwu u fejn din iż-żona teħtieġ ġestjoni “dinamika” li hija sors ta’ inċertezza. Tali inċertezza tirriżulta, min-naħa l-oħra, mill-identifikazzjoni ta’ ħsara ċerta jew potenzjali lill-integrità taż-żona kkonċernata, bħala żona ta’ habitat u ta’ provvista tal-ikel, u għalhekk għal waħda mill-karatteristiċi kostituttivi ta’ din iż-żona, kif ukoll mill-inklużjoni, fl-evalwazzjoni tal-impatti, tal-benefiċċji futuri li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri li, fl-istadju ta’ dik l-evalwazzjoni, huma biss possibbli peress li l-implimentazzjoni tagħhom għadha ma ġietx iffinalizzata. B’riżultat ta’ dan, u mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija benefiċċji ma setgħux ikunu previsti biċ-ċertezza meħtieġa fil-mument meta l-awtoritajiet approvaw l-abbozz inkwistjoni.

    (ara l-punti 50-53, 57 u d-dispożittiv)

Top