Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0147

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Novembru 2018.
Sindicatul Familia Constanţa et vs Direcţia Generală de Asistenţă Socială şi Protecţia Copilului Constanţa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31 – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Deroga – Artikolu 1(3) – Direttiva 89/391/KEE – Artikolu 2(2) – Attività ta’ assistent matern.
Kawża C-147/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

Kawża C‑147/17

Sindicatul Familia Constanţa et

vs

Direcţia Generală de Asistenţă Socială şi Protecţia Copilului Constanţa

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Constanţa)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31 – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Deroga – Artikolu 1(3) – Direttiva 89/391/KEE – Artikolu 2(2) – Attività ta’ assistent matern”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Novembru 2018

  1. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ħaddiem – Assistenti materni – Inklużjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88)

  2. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 89/391 dwar l-implementazzjoni ta’ miżuri intiżi li jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol – Kamp ta’ applikazzjoni – Inapplikabbiltà għal ċerti attivitajiet – Kunċett ta’ “servizz pubbliku” – Portata

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88; Direttiva tal-Kunsill 89/391, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2))

  3. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 89/391 dwar l-implementazzjoni ta’ miżuri intiżi li jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kamp ta’ applikazzjoni – Assistent matern li jospita minuri, fuq perijodu twil, fid-dar tiegħu – Esklużjoni – Limitazzjonijiet għad-dritt għal perijodi ta’ serħan kull jum u kull ġimgħa kif ukoll għal perijodu annwali ta’ leave mħallas – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Osservanza tal-konenut essenzjali tal-imsemmi dritt

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 24, 31(2) u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikoli 1(3), 5, 6 u 7; Direttiva tal-Kunsill 89/391, Artikolu 2(2))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 43 sa 45, 48)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 54 sa 56, 58)

  3.  L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 l-attività ta’ assistent matern li, fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ awtorità pubblika, jospita u jintegra minuri fil-familja tiegħu u li jiżgura, b’mod kontinwu, l-iżvilupp armonjuż u l-edukazzjoni ta’ dan il-minuri.

    L-integrazzjoni, kontinwa u fuq perijodu twil, fid-dar u fil-familja ta’ assistent matern, ta’ minuri li, minħabba s-sitwazzjoni familjari diffiċli tagħhom, ikunu partikolarment vulnerabbli, tikkostitwixxi miżura adegwata sabiex jitħares l-aħjar interess tal-minuri, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li jkun meħtieġ li jingħata, f’intervalli regolari, lill-assistent matern id-dritt li jissepara ruħu mill-minuri mqiegħed taħt il-kura tiegħu wara numru ta’ sigħat ta’ xogħol iddeterminat jew matul perijodi li, bħall-jiem ta’ serħan fil-ġimgħa jew fis-sena, huma ġeneralment marbuta ma’ mumenti li jrawmu l-iżvilupp tal-ħajja familjari, imur direttament kontra l-għan imfittex mill-awtoritajiet Rumeni, jiġifieri li l-minuri mqiegħed taħt ir-responsabbiltà ta’ assistent matern jiġi integrat, b’mod kontinwu u fuq perijodu twil, fid-dar u fil-familja tal-assistent matern.

    Għaldaqstant, il-fatt li jiġu llimitati s-sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa tal-assistenti materni, konformement mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88, u l-fatt li l-persuna li timpjega tkun obbligata tagħti, konformement mal-Artikoli 5 u 7 ta’ din id-direttiva, lil dawn tal-aħħar il-benefiċċju ta’ jiem ta’ serħan fil-ġimgħa jew fis-sena, li matulhom ikunu eżentati milli jeżerċitaw l-attività tagħhom, u, għaldaqstant, milli jieħdu ħsieb lill-minuri mqiegħed taħt il-kura tagħhom, ma jkunx kompatibbli mal-karatteristiċi partikolari inerenti għal tali attività, li jeħtieġu li l-assistent matern jospita, b’mod kontinwu u fuq perijodu twil, lill-minuri mqiegħed taħt ir-responsabbiltà tiegħu fid-dar u fil-familja tiegħu.

    Għandu jingħad ukoll li limitazzjonijiet għad-dritt, irrikonoxxut lil kull ħaddiem mill-Artikolu 31(2) tal-Karta, għal perijodi ta’ serħan kull jum u kull ġimgħa kif ukoll għal perijodu annwali ta’ leave mħallas jistgħu jiġu previsti b’osservanza tal-kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha u, b’mod partikolari, tal-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 59, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 54).

    Il-limitazzjonijiet legali li b’hekk huma imposti fuq id-dritt tal-imsemmija assistenti għal perijodi ta’ serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa kif ukoll għal-leave annwali mħallas josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt. Barra minn hekk, dawn il-limitazzjonijiet huma neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, jiġifieri l-ħarsien tal-aħjar interess tal-minuri rrikonoxxut fl-Artikolu 24 tal-Karta, kif dan il-għan tfassal mil-leġiżlazzjoni Rumena u li huwa intiż li jissodisfa l-obbligu, għall-assistent matern, li jiżgura b’mod kontinwu l-integrazzjoni tal-minuri mqiegħed taħt il-kura tiegħu fid-dar u fil-familja tiegħu, kif ukoll l-iżvilupp armonjuż u t-trobbija ta’ dan il-minuri.

    (ara l-punti 71, 72, 74, 83, 86, 88, u d-dispożittiv)

Top