Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0124

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2018.
    Vossloh Laeis GmbH vs Stadtwerke München GmbH.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 57 – Direttiva 2014/25/UE – Artikolu 80 – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Proċedura – Raġunijiet għall-esklużjoni – Tul massimu tal-perijodu ta’ esklużjoni – Obbligu li l-operatur ekonomiku jikkopera mal-awtorità kontraenti sabiex juri l-affidabbiltà tiegħu.
    Kawża C-124/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawża C-124/17

    Vossloh Laeis GmbH

    vs

    Stadtwerke München GmbH

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vergabekammer Südbayern)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 57 – Direttiva 2014/25/UE – Artikolu 80 – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Proċedura – Raġunijiet għall-esklużjoni – Tul massimu tal-perijodu ta’ esklużjoni – Obbligu li l-operatur ekonomiku jikkopera mal-awtorità kontraenti sabiex juri l-affidabbiltà tiegħu”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba‘ Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2018

    1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport, u tas-servizzi postali – Direttiva 2014/25 – Għoti ta’ kuntratti – Kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti – Turija mill-operatur tal-affidabiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ kawża ta’ esklużjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-operatur l-obbligu li jikkopera mal-awtorità konttraenti sabiex jipproduċi quddiemha l-prova tal-istabbiliment mill-ġdid tal-affidabbiltà tiegħu – Ammissibbiltà

      (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/24, Artikolu 57(6), u 2014/25, Artikolu 80)

    2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/25 – Għoti ta’ kuntratti – Kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti – Konklużjoni, minn operatur, ta’ ftehimiet intiżi li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni – Tul massimu tal-perijodu ta’ esklużjoni – Kalkolu – Bidu tad-dekorrenza

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/24, Artikolu 57(4)(d) u (7))

    1.  L-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist [l-għoti ta’ kuntratti] minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, moqri flimkien mal-l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li teżiġi li operatur ekonomiku li jixtieq juri l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni ta’ esklużjoni rilevanti għandu jiċċara totalment il-fatti u ċ-ċirkustanzi b’rabta mar-reat jew man-nuqqas imwettaq, billi jikkollabora b’mod attiv mhux biss mal-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni, iżda wkoll mal-awtorità kontraenti, fil-kuntest tar-rwol rispettiv ta’ din tal-aħħar, sabiex jipproduċi quddiemha l-prova tal-istabbiliment mill-ġdid tal-affidabbiltà tiegħu, sakemm din il-kooperazzjoni hija limitata għall-miżuri strettament neċessarji għal dan l-eżami.

      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-awtorità kontraenti għandha tkun f’pożizzjoni li titlob lil operatur ekonomiku li ġie miżmum responsabbli għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jipprovdilha d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li tikkonċernah. Iċ-ċirkustanza li t-trażmissjoni ta’ tali dokument tista’ tiffaċilita t-tressiq ta’ azzjoni għal responsabbiltà ċivili mill-awtorità kontraenti kontra l-imsemmi operatur ekonomiku ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta tali konstatazzjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fost id-diversi miżuri li għandhom jiġu adottati minn operatur ekonomiku sabiex juri l-affidabbiltà tiegħu, hemm dik li tiġi prodotta l-prova li huwa ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew min-nuqqas tiegħu.

      (ara l-punti 30, 33 u d-dispożittiv 1)

    2.  L-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta operatur ekonomiku jkun l-awtur ta’ aġir li jaqa’ taħt ir-raġuni ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(d) ta’ din id-direttiva, li ġie ssanzjonat minn awtorità kompetenti, it-tul massimu ta’ esklużjoni huwa kkalkolat mid-data tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità.

      (ara l-punt 42, u d-dispożittiv 2)

    Top