EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0106

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-31 ta’ Jannar 2018.
Paweł Hofsoe vs LVM Landwirtschaftlicher Versicherungsverein Münster AG z siedzibą w Münster.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 11(1)(b) u Artikolu 13(2) – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Kunċett ta’ ‘parti li tkun ġarrbet il-ħsara’ – Professjonist fis-settur tal-assigurazzjoni – Esklużjoni.
Kawża C-106/17.

Kawża C-106/17

Paweł Hofsoe

vs

LVM Landwirtschaftlicher Versicherungsverein Münster AG

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Szczecinie)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 11(1)(b) u Artikolu 13(2) – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Kunċett ta’ ‘parti li tkun ġarrbet il-ħsara’ – Professjonist fis-settur tal-assigurazzjoni – Esklużjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-31 ta’ Jannar 2018

  1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali–Regolament Nru 1215/2012–Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni–Azzjonijiet imressqa kontra l-assiguratur–Regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali intiżi għall-protezzjoni tal-parti d-dgħajfa–Portata–Relazzjonijiet bejn professjonisti fil-qasam tal-assigurazzjoni–Esklużjoni

    [Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, Artikolu 11(1)(b) u Artikolu 13(2)]

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali–Regolament Nru 1215/2012–Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni–Azzjonijiet imressqa kontra l-assiguratur–Azzjoni diretta tal-parti li tkun ġarrbet il-ħsara–Kunċett ta’ ‘parti li tkun ġarrbet il-ħsara’–Professjonist fis-settur tal-assigurazzjoni–Irrkupru ta’ talbiet ta’ kumpens bħala ċessjonarja kuntrattwali–Esklużjoni

    [Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, Artikolu 11(1)(b) u Artikolu 13(2)]

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 41, 42)

  2.  L-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1)(b) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn persuna fiżika, li l-attività professjonali tagħha tikkonsisti b’mod partikolari li tirkupra talbiet ta’ kumpens mingħand assiguraturi u li tinvoka kuntratt ta’ ċessjoni ta’ kreditu konkluż mal-vittma ta’ inċident tat-traffiku, sabiex tinbeda kawża ċivili kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għal dan l-inċident, li għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fi Stat Membru ieħor minn dak tad-domiċilju tal-persuna li ġarrbet il-ħsara, quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar.

    Għalkemm, ċertament, hekk kif tippreċiża l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1215/2012, l-għan tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament huwa li tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħha milli hemm previsti fir-regoli ġenerali, jidher li t-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija parti minn relazzjonijiet bejn professjonisti u ma hijiex ta’ natura li tista’ taffettwa s-sitwazzjoni proċedurali ta’ parti kkunsidrata li hija iktar dgħajfa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-21 ta’ Jannar 2016, SOVAG, C-521/14, EU:C:2016:41, punti 2930). F’dan ir-rigward, il-fatt, li professjonist, bħal P. Hofsoe jeżerċita l-attività tiegħu fil-kuntest ta’ struttura żgħira ma għandux iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li huwa parti iktar dgħajfa mill-assiguratur. Fil-fatt, evalwazzjoni każ b’każ ta’ jekk tali professjonist jistax jitqies bħala “parti l-iktar dgħajfa” sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “parti li ġarrbet il-ħsara”, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1512/2012, kienet toħloq riskju ta’ inċertezza legali u tmur kontra l-għan tal-imsemmi regolament, stabbilit fil-premessa 15 tiegħu, li jgħid li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-20 ta’ Lulju 2017, MMA IARD, C-340/16, EU:C:2017:576, punt 34).

    (ara l-punti 44, 45, 47 u d-dispożittiv)

Top