Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0051

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018.
    OTP Bank Nyrt. u OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt vs Teréz Ilyés u Emil Kiss.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti – Direttiva 93/13/KEE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2) – Dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari obbligatorji – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘klawżola kuntrattwali li ma kinitx innegozjata individwalment’ – Klawżola inkluża fil-kuntratt wara l-konklużjoni tiegħu b’riżultat ta’ intervent mil-leġiżlatur nazzjonali – Artikolu 4(2) – Formulazzjoni ċara u li tinftiehem ta’ klawżola – Artikolu 6(1) – Eżami ex officio, mill-qorti nazzjonali, tan-natura inġusta ta’ klawżola – Kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.
    Kawża C-51/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawża C‑51/17

    OTP Bank Nyrt. u OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt.

    vs

    Teréz Ilyés u Emil Kiss

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti – Direttiva 93/13/KEE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2) – Dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari obbligatorji – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘klawżola kuntrattwali li ma kinitx innegozjata individwalment’ – Klawżola inkluża fil-kuntratt wara l-konklużjoni tiegħu b’riżultat ta’ intervent mil-leġiżlatur nazzjonali – Artikolu 4(2) – Formulazzjoni ċara u li tinftiehem ta’ klawżola – Artikolu 6(1) – Eżami ex officio, mill-qorti nazzjonali, tan-natura inġusta ta’ klawżola – Kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018

    1. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Klawżola inġusta fis-sens tal-Artikolu 3 – Klawżola li ma kinitx innegozjata individwalment – Kunċett – Klawżola emendata b’dispożizzjoni nazzjonali adottata wara l-konklużjoni tal-kuntratt u intiża li tieħu post klawżola vvizzjata b’nullità – Inklużjoni

      (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 3(1))

    2. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjoni prevista għall-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari obbligatorji – Klawżola li timponi rata ta’ kambju, introdotta wara l-konklużjoni tal-kuntratt u intiża li tieħu post klawżola tal-kuntratt ivvizzjata b’nullità – Inapplikabbiltà tad-Direttiva – Klawżola dwar ir-riskju tal-kambju li ma hijiex koperta minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari – Applikabbiltà tad-Direttiva

      (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 1(2))

    3. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Kamp ta’ applikazzjoni – Klawżoli li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew li jikkonċernaw il-prezz jew ir-remunerazzjoni u s-servizzi jew il-beni li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv – Klawżola dwar ir-riskju tal-kambju inkluża f’kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Obbligu li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ formulazzjoni li tinftiehem u ta’ trasparenza – Livell ta’ informazzjoni meħtieġ – Portata

      (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 4(2))

    4. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Kamp ta’ applikazzjoni – Klawżoli li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew li jikkonċernaw il-prezz jew ir-remunerazzjoni u s-servizzi jew il-beni li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv – Klawżola dwar ir-riskju tal-kambju inkluża f’kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Obbligu li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ formulazzjoni li tinftiehem u ta’ trasparenza – Mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat it-twettiq ta’ dan l-obbligu – Konklużjoni tal-kuntratt – Impatt tal-annullament ta’ ċerti klawżoli f’mument ulterjuri mil-leġiżlatur nazzjonali – Assenza

      (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 4(2))

    5. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt suġġett għall-evalwazzjoni tagħha – Portata

      (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 6(1) u 7(1))

    1.  Il-kunċett ta’ “klawżola li ma kinitx innegozjata individwalment”, li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri b’mod partikolari klawżola kuntrattwali emendata permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali obbligatorja, adottata wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ konsumatur, bil-għan li tieħu post klawżola vvizzjata b’nullità li tinsab fl-imsemmi kuntratt.

      F’dan il-każ, peress li l-klawżoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew imposti mil-leġiżlatur nazzjonali, huwa evidenti li l-partijiet fil-kuntratt ma nnegozjawhomx individwalment.

      (ara l-punti 48, 49, u d-dispożittiv 1)

    2.  L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jkoprix klawżoli li jirriflettu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali obbligatorji, introdotti wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur u intiżi li jieħdu post klawżola ta’ dan il-kuntratt ivvizzjata b’nullità, filwaqt li jimponu rata tal-kambju ffissata mill-bank nazzjonali. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għall-kundizzjonijiet inklużi fil-kuntratt bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li jkunu ddeterminati minn leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2017, Woonhaven Antwerpen, C‑446/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:954, punt 31).

      Madankollu, klawżola dwar ir-riskju tal-kambju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex eskluża mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat b’mod strett. B’hekk, il-fatt li ċerti klawżoli li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jimplikax li l-validità ta’ klawżoli oħra, inklużi fl-istess kuntratt u li ma humiex indirizzati minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, ma tistax tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-imsemmija direttiva.

      Fir-rigward tal-klawżoli kuntrattwali li jindirizzaw il-kwistjoni tar-riskju tal-kambju u li ma humiex koperti minn dawn l-emendi leġiżlattivi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali klawżoli jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u jistgħu jaħarbu mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħhom fil-każ biss li l-qorti nazzjonali kompetenti tqis, wara eżami każ b’każ, li ġew ifformulati mill-bejjiegħ jew mill-fornitur b’mod ċar u li jinftiehem (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 43).

      Barra minn hekk, il-fatt li l-kundizzjonijiet dwar id-differenza fir-rata tal-kambju huma b’hekk esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tagħha ma jipprekludix li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif imfakkra b’mod partikolari fil-punti 32 sa 34 tas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367), jibqgħu applikabbli għas-suġġetti l-oħra kollha koperti minn din id-direttiva u, b’mod partikolari, għar-regoli proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mill-imsemmija direttiva.

      (ara l-punti 63, 66, 68 sa 70, u d-dispożittiv 2)

    3.  L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem jobbliga lill-istituzzjonijiet finanzjarji jipprovdu lill-persuni li jissellfu informazzjoni suffiċjenti sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom bi prudenza u b’għarfien sħiħ tal-kawża. F’dan ir-rigward, dan ir-rekwiżit jimplika li klawżola dwar ir-riskju tal-kambju għandha tinftiehem mill-konsumatur kemm mill-aspetti formali u grammatikali u kemm fir-rigward tal-portata konkreta tagħha, fis-sens li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, ikun jista’ mhux biss ikollu konoxxenza tal-possibbiltà li l-munita nazzjonali tiddgħajjef fil-konfront tal-munita bbaranija li fiha jkun iddenominat is-self, iżda jkun jista’ jevalwa wkoll il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu.

      (ara l-punt 78 u d-dispożittiv 3)

    4.  L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi li n-natura ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali għandha tiġi evalwata b’riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-konklużjoni, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt, minkejja l-fatt li wħud minn dawn il-klawżoli jkunu ġew iddikjarati jew preżunti inġusti u, għalhekk, annullati, f’mument ulterjuri, mil-leġiżlatur nazzjonali

      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat, f’sitwazzjoni fejn il-klawżola kkonċernata tikkonċerna d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, jekk din il-klawżola hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din l-istess direttiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-klawżoli kollha tal-kuntratt li kienu inklużi fih fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, peress li huwa f’dan il-mument li l-konsumatur jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ bejjiegħ jew fornitur billi jaderixxi mal-kundizzjonijiet ifformulati minn qabel minn dan tal-aħħar.

      (ara l-punti 80, 83, u d-dispożittiv 4)

    5.  L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tqajjem ex officio, minflok il-konsumatur fil-kwalità tiegħu ta’ rikorrent, in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, meta jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa sabiex tagħmel dan.

      Dan l-obbligu tal-qorti nazzjonali tqies li huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva għall-konsumatur, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskju mhux negliġibbli li dan ma jkunx jaf bid-drittijiet tiegħu jew jiltaqa’ ma’ diffikultajiet sabiex jeżerċitahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

      (ara l-punti 88, 91, u d-dispożittiv 5)

    Top