This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0045
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-18 ta’ Jannar 2018.
Frédéric Jahin vs Ministre de l'Économie et des Finances u Ministre des Affaires sociales et de la Santé.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 63 u 65 TFUE – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11 – Imposti fuq id-dħul mill-kapital li jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-siġurtà soċjali ta’ Stat Membru – Eżenzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor – Persuni fiżiċi affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat terz – Differenza fit-trattament – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni.
Kawża C-45/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-18 ta’ Jannar 2018.
Frédéric Jahin vs Ministre de l'Économie et des Finances u Ministre des Affaires sociales et de la Santé.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 63 u 65 TFUE – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11 – Imposti fuq id-dħul mill-kapital li jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-siġurtà soċjali ta’ Stat Membru – Eżenzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor – Persuni fiżiċi affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat terz – Differenza fit-trattament – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni.
Kawża C-45/17.
Kawża C‑45/17
Frédéric Jahin
vs
Ministre de l’Économie et des Finances
u
Ministre des Affaires sociales et de la Santé
[talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (France)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 63 u 65 TFUE – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11 – Imposti fuq id-dħul mill-kapital li jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-siġurtà soċjali ta’ Stat Membru – Eżenzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor – Persuni fiżiċi affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat terz – Differenza fit-trattament – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-18 ta’ Jannar 2018
Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti-Dispożizzjonijiet tat-Trattat-Kamp ta’ applikazzjoni-Moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE-Kunċett-Imposti fuq id-dħul minn immobbli u fuq qligħ kapitali rċevuti wara t-trasferiment ta’ proprjetà immobbli miksub fi Stat Membru minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu li jirrisjedi fi Stat terz-Inklużjoni
(Artikolu 63 TFUE)
Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti-Restrizzjonijiet-Leġiżlazzjoni fiskali-Imposti fuq id-dħul mill-kapital fir-rigward ta’ kontribuzzjoni fl-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru-Eżenzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni affiljati fi skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor minħabba l-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali-Differenza fit-trattament bejn tali ċittadini u l-persuni fiżiċi affiljati fi skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat terz-Sitwazzjonijiet mhux komparabbli-Ammissibbiltà
(Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 11)
Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 63 TFUE jimplementa l-moviment liberu tal-kapital, minn naħa, bejn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.
Minn dan jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-moviment liberu tal-kapital imsemmi fl-Artikolu 63 TFUE ma huwiex limitat għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri, iżda huwa estiż ukoll għal tali moviment bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi.
Għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal‑Artikolu 63 TFUE, għalkemm it-Trattat FUE ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “moviment tal-kapital”, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali moviment, fis-sens ta’ dan l-artikolu jinkludi, fost oħrajn, it-tranżazzjonijiet li permezz tagħhom il-persuni mhux residenti jwettqu investimenti immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2001, Stefan, C‑464/98,EU:C:2001:9, punt 5; tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et, C‑515/99, C‑519/99 sa C‑524/99 u C‑526/99 sa C‑540/99, EU:C:2002:135, punt 30, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert, C‑512/03, EU:C:2005:516, punt 35).
Minn dak li ntqal jirriżulta li imposti, bħal dawk li jseħħu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn jirrigwardaw dħul minn immobbli u qligħ kapitali miksub wara t-trasferiment ta’ proprjetà immobbli rċevuti minn persuna fiżika li għandha n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat, iżda li tirrisjedi fi Stat terz li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.
(ara l-punti 19, 21‑23)
L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, residenti fi Stat terz, li ma huwiex Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew il-Konfederazzjoni Svizzera, u li huwa affiljat hemmhekk ma’ skema ta’ sigurtà soċjali, huwa suġġett, fl-imsemmi Stat Membru, għal imposti fuq id-dħul mill-kapital fir-rigward ta’ kontribuzzjoni fl-iskema ta’ sigurtà soċjali stabbilita minn dan l-Istat Membru, filwaqt li ċittadin tal-Unjoni li jaqa’ taħt skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor huwa eżonerat minn dan minħabba l-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali.
Dan il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali huwa intiż, għal dak li jikkonċerna liċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu ġewwa l-Unjoni, jevita l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u sabiex jelimina l-inugwaljanzi fit-trattament li jkunu l-konsegwenza ta’ sovrapożizzjoni parzjali jew totali tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C‑623/13, EU:C:2015:123, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
Minn dak li ntqal jirriżulta li teżisti differenza oġġettiva bejn, minn naħa, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat li jirrisjedi fi Stat terz li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera u huwa affiljat hemmhekk ma’ skema ta’ sigurtà soċjali u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni affiljat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn dan tal-aħħar biss jista’ jibbenefika mill-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, minħabba l-moviment tiegħu ġewwa l-Unjoni.
Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi ġġustifikata, fir-rigward tal-Artikolu 65(1)(a) TFUE, bid-differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni li teżisti bejn persuna fiżika, ċittadina ta’ Stat Membru iżda residenti fi Stat terz, li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera, u li hija affiljat hemmhekk ma’ skema tas-sigurtà soċjali, u ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor u li huwa affiljat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali hemmhekk.
Issa, peress li t-Trattat FUE ma jinkludi ebda dispożizzjoni li testendi l-moviment liberu tal-ħaddiema għall-persuni li jemigraw lejn Stat terz, għandu jiġi evitat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63(1) TFUE, għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, li ma humiex l-Istati Membri taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera, tippermetti li persuni li ma jaqgħux fil-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-moviment liberu tal-ħaddiema, jibbenefikaw minn dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑35/11, EU:C:2012:707, punt 100).
(ara l-punti 41, 42, 44, 46, 47 u d-dispożittiv)