EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0013

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ April 2018.
Fédération des entreprises de la beauté vs Ministre des Affaires sociales, de la Santé et des Droits des femmes et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti kożmetiċi – Regolament (KE) Nru 1223/2009 – Artikolu 10(2) – Evalwazzjoni tas-sigurtà tal-prodott kożmetiku – Kwalifiki tal-persuna responsabbli għal din l-evalwazzjoni – Rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ korsijiet – Dixxiplini simili għall-farmaċija, għat-tossikoloġija jew għall-mediċina – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri.
Kawża C-13/17.

Kawża C‑13/17

Fédération des entreprises de la beauté

vs

Ministre des Affaires sociales, de la Santé et des Droits des femmes et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti kożmetiċi – Regolament (KE) Nru 1223/2009 – Artikolu 10(2) – Evalwazzjoni tas-sigurtà tal-prodott kożmetiku – Kwalifiki tal-persuna responsabbli għal din l-evalwazzjoni – Rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ korsijiet – Dixxiplini simili għall-farmaċija, għat-tossikoloġija jew għall-mediċina – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat‑12 ta’ April 2018

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Prodotti kożmetiċi–Regolament Nru 1223/2009–Evalwazzjoni tas-sigurtà ta’ prodott kożmetiku–Kwalifiki tal-persuna responsabbli għall-evalwazzjoni–Obbligu tal-persuna responsabbli għall-prodott li tipproduċi l-prova ta’ dawn il-kwalifiki– Portata

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1223/2009, Artikolu 10(2))

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Prodotti kożmetiċi–Regolament Nru 1223/2009–Evalwazzjoni tas-sigurtà ta’ prodott kożmetiku–Kwalifiki tal-persuna responsabbli għall-evalwazzjoni–Rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ korsijiet–Possibbiltà li tirrikonoxxi l-korsijiet mogħtija kemm fl-Istati Membri kif ukoll fi Stati terzi

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1223/2009, Artikolu 10(2))

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Prodotti kożmetiċi–Regolament Nru 1223/2009–Evalwazzjoni tas-sigurtà ta’ prodott kożmetiku–Kwalifiki tal-persuna responsabbli għall-evalwazzjoni–Rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ korsijiet–Dixxiplini simili għall-farmaċija, għat-tossikoloġija jew għall-mediċina–Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri–Limiti

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1223/2009, Artikolu 10(2))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 24 sa 27)

  2.  L-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikonoxximent ta’ ekwivalenza tal-korsijiet, previst f’din id-dispożizzjoni, jista’ jinkludi korsijiet oħrajn u mhux biss dawk mogħtija fi Stati terzi.

    Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rikonoxximent ta’ ekwivalenza minn Stat Membru, skont it-tifsira tagħha, għandu jkopri kors meqjus bħala ekwivalenti għal kors universitarju ta’ studju teoretiku u prattiku fil-farmaċija, fit-tossikoloġija jew fil-mediċina, jew f’dixxiplina simili għal dawn tal-aħħar. B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta r-rikonoxximent ta’ ekwivalenza previst fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 għal rekwiżiti li jirreferu, minn naħa, għal-livell tal-kors ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, għall-kategorija tas-suġġetti mgħallma matul dawn il-korsijiet. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, tippermetti li jittieħed kont mhux biss tad-diversità kbira tal-korsijiet adegwati diġà eżistenti, iżda wkoll tal-iżvilupp tagħhom li għadu possibbli.

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 ma jinkludi l-ebda indikazzjoni dwar il-post ta’ kisba ta’ diplomi jew ta’ kwalifiki mogħtija wara t-tlestija ta’ kors ta’ studju universitarju ta’ studju teoretiku u prattiku jew ta’ kors irrikonoxxut bħala ekwivalenti għal dan. Minn dan jirriżulta li jistgħu jiġu rrikonoxxuti bħala ekwivalenti għal tali kors universitarju l-korsijiet mogħtija kemm fi Stati terzi kif ukoll fi Stati Membri.

    (ara l-punti 31 sa 35, 43, u d-dispożittiv 1)

  3.  L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lil kull Stat Membru l-kompetenza sabiex jiddetermina dixxiplini “simili” għall-farmaċija, għat-tossikoloġija jew għall-mediċina, kif ukoll livelli ta’ kwalifiki li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament, sakemm ikunu konformi mal-għanijiet stabbiliti mill-imsemmi regolament li jikkonsisti, b’mod partikolari, mill-garanzija li l-persuna responsabbli għall-evalwazzjoni tas-sigurtà ta’ prodotti kożmetiċi għandha kwalifika li tippermettiha li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

    F’dak li jirrigwarda speċifikament il-kwistjoni jekk dixxiplina tistax titqies bħala “simili” għall-farmaċija, għat-tossikoloġija jew għall-mediċina, għandu jiġi kkonstatat, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 65 u 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-preżenza ta’ bażi komuni ta’ konoxxenzi xjentifiċi li jidhru indispensabbli għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà ta’ kożmetiċi bl-ikbar ċertezza possibbli, mhux biss fir-rigward tal-ingredjenti li jikkomponu lil dawn tal-aħħar, iżda wkoll fir-rigward tal-prodott finali, u, min-naħa l-oħra, li l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jista’ jintlaħaq perfettament biss jekk din il-bażi komuni tkopri kemm konoxxenzi dwar il-bniedem u l-patoloġiji tiegħu kif ukoll konoxxenzi dwar is-sustanzi użati waqt l-immanifatturar tal-prodotti kożmetiċi u dwar l-elementi fiżiċi u kimiċi tagħhom.

    (ara l-punti 50, 51, u d-dispożittiv 2)

Top