Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TO0161

    Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Mejju 2019 (Estratti).
    Puma SE vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva CMS Italy – Trade marks internazzjonali figurattivi preċedenti li jirrappreżentaw felin li qiegħed jaqbeż lejn ix-xellug – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Reputazzjoni tat-trade marks preċedenti – Artikolu 8(5)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Prova tar-reputazzjoni – Deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO li jikkonstataw ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
    Kawża T-161/16.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2019:350

    Kawża T-161/16

    Puma SE

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Mejju 2019

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva CMS Italy – Trade marks internazzjonali figurattivi preċedenti li jirrappreżentaw felin li qiegħed jaqbeż lejn ix-xellug – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Reputazzjoni tat-trade marks preċedenti – Artikolu 8(5)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Prova tar-reputazzjoni – Deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO li jikkonstataw ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

    1. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux – Kundizzjonijiet – Reputazzjoni tat-trade mark fl-Istat Membru jew fl-Unjoni – Prova tar-reputazzjoni – Deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO li jikkonstataw ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 19(2)(c))

      (ara l-punti 30, 31)

    2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjonjiet tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ legalità – Neċessità ta’ eżami strett u komplet f’kull każ konkret

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 75)

      (ara l-punti 32, 33)

    3. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux – Kundizzjonijiet – Reputazzjoni tat-trade mark fl-Istat Membru jew fl-Unjoni – Deċiżjoni li tinjora l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju dwar ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(5) u 75)

      (ara l-punti 34, 46, 48)

    Sunt

    Il-kawża li wasslet għad-digriet Puma vs EUIPO – CMS (CMS Italy) (T‑161/16), mogħti fit-22 ta’ Mejju 2019, toriġina mill-oppożizzjoni magħmula minn PUMA għar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva CMS Italy, li l-element figurattiv prinċipali tagħha huwa felin jaqbeż lejn il-lemin, fuq il-bażi ta’ tliet reġistrazzjonijiet internazzjonali ta’ trade marks figurattivi li l-element uniku jew prinċipali tagħhom huwa felin jaqbeż lejn ix-xellug, li jipproduċi effetti f’diversi Stati Membri. Ir-raġuni invokata insostenn ta’ din l-oppożizzjoni kienet dik imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 1 ) (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 2017/1001 ( 2 )).

    L-imsemmija oppożizzjoni kienet ġiet miċħuda minħabba li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti ma kinitx ġiet stabbilita, peress li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet b’mod partikolari rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni diversi deċiżjonijiet preċedenti tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) li kienu kkonstataw ir-reputazzjoni ta’ wħud mill-imsemmija trade marks, li l-parti li ressqet l-oppożizzjoni kienet invokat bħala prova, minħabba li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO kellha tiġi evalwata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 207/2009 kif ġie interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti. L-appell minn din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Bord tal-Appell, li impliċitament aċċetta din l-evalwazzjoni u injora l-provi prodotti mir-rikorrenti quddiemu għar-raġuni, essenzjalment, li dawn ma kinux provi supplimentari, iżda provi prinċipali.

    Permezz tad-digriet motivat tagħha, mogħti abbażi tal-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors manifestament fondat, fid-dawl tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, EUIPO vs Puma (C-564/16 P, EU:C:2018:509), li hija għamlet sinteżi tagħha. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali fakkret li, meta d-deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO li parti li topponi tinvoka bħala provi sa fejn dawn ikkonstataw r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni tagħha skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jkunu ddettaljati f’dak li jirrigwarda l-bażi probatorja u l-fatti li fuqhom din il-konstatazzjoni hija bbażata, dawn id-deċiżjonijiet jikkostitwixxu indizju importanti tal-fatt li l-imsemmija trade mark tista’ wkoll tiġi ttrattata bħala li għandha reputazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni pendenti.

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti kienet invokat b’mod preċiż, bħala prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, tliet deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO li kienu jikkostitwixxu prassi deċiżjonali reċenti li kkonstatat ir-reputazzjoni ta’ tnejn mit-tliet trade marks preċedenti fir-rigward ta’ prodotti identiċi jew simili għal dawk inkwistjoni u ta’ xi wħud mill-Istati Membri kkonċernati f’dan il-każ. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni dawn id-deċiżjonijiet tal-EUIPO u jinvestiga l-kwistjoni dwar jekk kienx hemm lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens u, jekk le, li jimmotiva espliċitament din id-diverġenza fl-evalwazzjoni. Sa fejn ma ta ebda rilevanza lill-imsemmija deċiżjonijiet, il-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell.


    ( 1 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).

    ( 2 ) Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p 1).

    Top