Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TJ0654

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Settembru 2018.
    Foshan Lihua Ceramic Co. Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Dumping – Importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina – Artikolu 11(3) u (5), u l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 [li saru l-Artikolu 11(3) u (5), u l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/1036] – Ċaħda ta’ talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali, limitata għad-dumping, tad-dazju antidumping definittiv stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 – Bdil fit-tul ta’ ċirkustanzi – Teħid ta’ kampjuni – Eżami individwali – Nuqqas ta’ koperazzjoni fl-investigazzjoni li wassal għall-adozzjoni tal-miżuri definittivi.
    Kawża T-654/16.

    Kawża T-654/16

    Foshan Lihua Ceramic Co. Ltd

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Dumping – Importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina – Artikolu 11(3) u (5), u l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 [li saru l-Artikolu 11(3) u (5), u l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/1036] – Ċaħda ta’ talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali, limitata għad-dumping, tad-dazju antidumping definittiv stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 – Bdil fit-tul ta’ ċirkustanzi – Teħid ta’ kampjuni – Eżami individwali – Nuqqas ta’ koperazzjoni fl-investigazzjoni li wassal għall-adozzjoni tal-miżuri definittivi”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Settembru 2018

    1. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali ta’ dazju antidumping – Għan – Verifika tan-neċessità li jinżammu l-miżuri antidumping – Kundizzjonijiet għat-tneħħija ta’ miżura – Bdil sostanzjali u fit-tul taċ-ċirkostanzi Changement – Oneru tal-prova – Applikabbiltà għall-produtturi-esportttaturi li ma kkooperawx fl-investigazzjoni inizjali

      (Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, Artikolu 11(3), u Nru 917/2011, premessi 92 u 93; Regolament tal-Kummissjoni Nru 258/2011, premessi 66 u 77)

    2. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Użu tal-informazzjoni disponibbli fil-każ ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni tal-impriża – Konsegwenzi – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-impriżi li ma kkooperawx fil-kuntest tal-kampjun – Ksur tal-Prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni – Assenza

      (Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, Artikolu 18(1))

    3. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika

    4. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali ta’ dazju antidumping – Distinzjoni mill-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali – Evalwazzjoni tan-neċessità li tinfetaħ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid – Possibbiltà li impriża li ma kkooperatx fl-investigazzjoni inizjali titlob eżami individwali – Assenza

      (Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, Artikoli 11(3) u (5), u 17(3))

    5. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali ta’ dazju antidumping – Użu tat-teħid ta’ kampjuni fl-investigazzjoni inizjali – Possibbiltà li produttur-esportatur ġdid jitlob rata ta’ dazju antidumping individwali – Assenza

      (Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, Artikoli 9(6), u 11(4))

    6. Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Motiv imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika – Inammissibbiltà

      (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 84)

    1.  Mill-kliem tat-tieni u tat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, jirriżulta li l-għan tal-eżami mill-ġdid intermedju parzjali tal-miżuri antidumping huwa li tiġi vverifikata l-ħtieġa taż-żamma tal-imsemmija miżuri u li, f’dan ir-rigward, meta t-talba għal eżami mill-ġdid ta’ esportatur tkun tirrigwarda biss id-dumping, hemm lok, għall-istituzzjonijiet, li l-ewwel jevalwaw il-ħtieġa taż-żamma tal-miżura eżistenti u, abbażi ta’ dan, tikkonstata l-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi mhux biss sinjifikattiv iżda wkoll fit-tul, fir-rigward tad-dumping. Minn dan isegwi li t-talba ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali previst fl-imsemmi Artikolu 11(3), limitata għad-dumping, u mressqa minn produttur-esportatur, għandha tippreżenta offerti ta’ prova li l-elementi li fuqhom kienet ibbażata d-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping użat għall-istabbiliment tad-dazju antidumping applikabbli għall-produttur-esportatur li ressaq l-imsemmija talba nbidlu kunsiderevolment u fit-tul.

      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-produtturi-esportaturi li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 917/2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li fil-konfront tagħhom ġiet imposta rata ta’ dazju antidumping stabbilita bl-użu tal-ogħla marġni ta’ dumping ikkonstatati għal prodott rappreżentattiv ta’ produttur-esportatur li kkopera, konformement mal-premessi 66 u 77 tar-Regolament Nru 258/2011, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina [miċ-Ċina], u mall-premessi 92 u 93 tar-Regolament Nru 917/2011, kull produttur-esportatur li jaqa’ taħt din il-kategorija għandu juri li ċ-ċirkustanzi li servew ta’ bażi għal din l-aħħar determinazzjonu nbidlu kunsiderevolment u fit-tul. Peress li din id-determinazzjoni hija bbażata fuq id-data relatata mal-kampjun, tali produttur-esportatur jista’ jissodisfa l-oneru ta’ prova li huwa għandu f’dan il-qasam, billi juri wkoll jew li l-elementi li servew ta’ bażi tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping użat għall-istabbiliment tar-rati tad-dazju antidumping applikabbli għall-kumpanniji inklużi fil-kampjun kienu nbidlu kunsiderevolment u fit-tul, jew li tali bidliet kienu affettwaw lill-produtturi-esportaturi kollha tal-pajjiż esportatur.

      (ara l-punti 25, 27, 29, 30)

    2.  L-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni teżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

      F’dan ir-rigward, produttur-esportatur li ma kkoperatx f’investigazzjoni li waslet għall-adozzjoni ta’ mizuri antidumping bl-ebda mod ma huwa fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjonijiet dwar il-marġni ta’ dumping bħall-produtturi-esportaturi li pparteċipaw fiha, dan sa fejn il-leġiżlatur ippreveda, fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, li r-rata ta’dazju antidumping għandha tiġi stabbilita, fir-rigward tal-produtturi-esportaturi li ma jikkoperawx, abbażi tad-data disponibbli, bil-konsegwenza li din tista’ tkunu inqas favorevoli milli setgħet tkun li kieku kkoperaw. Bl-istess mod, tali produttur-esportatur ma jistax juri l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tiegħu permezz tal-allegata diskriminazzjoni tal-produtturi-esportaturi li kkoperaw li ma ġewx inklużi fil-kampjun meta mqabbla ma’ dawk li ġew inklużi. Peress li ma pparteċipax fl-investigazzjoni inizjali, il-produttur-esportatur ma talabx li jiġi inkluż fil-kampjun. Peress li l-argument tiegħu ma jikkonċernax is-sitwazzjoni rispettiva tiegħu, l-eventwali fondatezza tiegħu ma tistax twassal għall-annullament tal-miżura f’dak li jirrigwardah. Għalhekk huwa ma għandu l-ebda interess li jagħmlu.

      (ara l-punti 34, 35)

    3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 36)

    4.  Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, wħud mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-investigazzjoni inizjali ma humiex intiżi li japplikaw għall-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għanijiet tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1225/2009. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1225/2009, li jipprevedi l-eżami individwali anki fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali mressqa minn produttur-esportatur li ma kkoperax fl-investigazzjoni inizjali, tkun tmur kontra l-għan tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju. Fil-fatt, tali approċċ ma jippermettix li jiġi evalwat jekk l-elementi li servew ta’ bażi għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping użat għall-istabbiliment tad-dazju antidumping applikabbli għall-imsemmi produttur-esportatur inbidlux b’mod kunsiderevoli u fit-tul. Data li rriżultat mill-analiżi tal-informazzjoni dwar il-produtturi-esportaturi meħuda bħala kampjuni tiġi għalhekk imqabbla mad-data rispettiva tal-produttur-esportatur inkwistjoni.

      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-neċessità li tinfetaħ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali abbażi ta’ allegati bidliet ta’ ċirkustanzi sostnuti minn produttur-esportatur, l-użu tal-eżami individwali ma huwiex rilevanti. Jekk ikun mod ieħor, l-imsemmi produttur-esportatur ikun jista’ jevita l-obbligi fil-qasam tal-oneru tal-prova li, minħabba l-istatus tiegħua ta’ impriża li ma kkoperatx fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali, huwa għadu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1225/2009.

      (ara l-punti 39-41)

    5.  Fil-każ ta’ użu ta’ teħid ta’ kampjuni fl-investigazzjoni inizjali li wasslet għall-impożizzjoni ta’ dazju antidumping, mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tar- Regolament Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, jirriżulta li produttur-esportatur ġdid ma jistax jitlob eżami mill-ġdid skont is-subparagrafi preċedenti ta’ dan l-istess paragrafu. Dan huwa sabiex jiġi evitat li tali produtturi-esportaturi jitqiegħdu f’pożizzjoni iktar favorevoli minn dik tal-produtturi-esportaturi li kkoperaw fl-investigazzjoni inizjali, iżda li ma ttiħdux bħala kampjuni, u li fuqhom ġiet imposta, bħala konsegwenza ta’ dan, rata ta’ dazju antidumping ikkalkolata skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament Nru 1225/2009. Issa, ma teżisti l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jippermetti li fir-rigward ta’ produttur-esportatur li ma kkoperax fl-investigazzjoni inizjali jiġu applikati, wara proċedura ta’ eżami mill-ġdid, rati ta’ dazju antidumping individwali, jekk huwa eskluda dan fir-rigward tal-produtturi-esportaturi l-ġodda.

      (ara l-punt 46)

    6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 47)

    Top