EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TJ0437

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tad-9 ta’ Settembru 2020.
Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Sistema lingwistika – Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar – Għarfien tal-lingwi – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż – Lingwa tal-kompetizzjoni – Regolament Nru 1 – Artikolu 1d(1), Artikolu 27 u Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni – Interess tas-servizz – Proporzjonalità.
Kawża T-437/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:410

Kawża T-437/16

Ir-Repubblika Taljana

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tad-9 ta’ Settembru 2020

“Sistema lingwistika – Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar – Għarfien tal-lingwi – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż – Lingwa tal-kompetizzjoni – Regolament Nru 1 – Artikolu 1d(1), Artikolu 27 u Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni – Interess tas-servizz – Proporzjonalità”

1.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Żvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali – Lingwi ta’ parteċipazzjoni fl-eżamijiet – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni fid-dawl tal-interess tas-servizz – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d(1) u (6), Artikoli 27 u 28(f), u l-Anness III, Artikolu 1(1)(f); Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 1)

(ara l-punti 51-55, 59-61, 80, 81)

2.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Żvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali – Lingwi ta’ parteċipazzjoni fl-eżamijiet – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d)

(ara l-punti 82, 83)

3.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Żvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali – Lingwi ta’ parteċipazzjoni fl-eżamijiet – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni bbażata fuq limitazzjonijiet baġitarji u operattivi – Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 1d(1) u (6), Artikoli 27 u 28(f), u l-Anness III, Artikolu 1(1)(f); Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 1)

(ara l-punti 87, 89, 91)

4.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Żvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali – Lingwi ta’ parteċipazzjoni fl-eżamijiet – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-interess tas-servizz li jiġu rreklutati persuni immedjatament operattivi – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 1d(1) u (6), Artikoli 27 u 28(f), u l-Anness III, Artikolu 1(1)(f); Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 1)

(ara l-punti 94, 98-100, 137, 159, 194, 195, 197, 198)

5.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Żvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali – Lingwi ta’ komunikazzjoni bejn l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) u l-kandidati – Limitazzjoni – Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità li tiġi żgurata komunikazzjoni rapida u effikaċi u li jsir paragun omoġenju tal-kandidati – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Interess tas-servizz li jiġu rreklutati persuni immedjatament operattivi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d(1) u (6); Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikoli 1 u 2)

(ara l-punti 211-214, 217-219)

6.      Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Annullament ta’ avviż ta’ kompetizzjonijiet ġenerali – Aspettattivi leġittimi tal-kandidati magħżula – Assenza ta’ kontestazzjoni tar-reklutaġġ diġà mwettaq

(Artikolu 266 TFUE)

(ara l-punti 224, 229, 230)

Sommarju

Permezz tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑437/16), mogħtija fid‑9 ta’ Settembru 2020, il-Qorti Ġenerali annullat l-avviż ta’ kompetizzjoni miftuħa EPSO/AD/322/16, sabiex jiġu stabbiliti listi ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar (1), minħabba li l-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż, minn naħa, tal-għażla tat-tieni lingwa ta’ din il-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) u l-kandidati kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni mhux iġġustifikata minħabba l-lingwa.

Fit‑12 ta’ Mejju 2016, l-EPSO ppubblika l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/322/16, sabiex jiġu kkostitwiti listi ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar, li minnhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, prinċipalment il-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti tal-Awdituri Ewropea, jirreklutaw membri ġodda tas-servizz pubbliku tal-Unjoni. F’dan l-avviż, ġie speċifikat li t-tieni lingwa magħżula għall-kompetizzjoni kellha tkun il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż u li l-att tal-kandidatura kellu jimtela f’waħda minn dawn it-tliet lingwi. Il-ġustifikazzjoni ta’ din il-limitazzjoni kienet ibbażata fuq in-neċessità li jiġi żgurat li r-rekrutati l-ġodda jkunu immedjatament operattivi, in-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni u ċerti limitazzjonijiet baġitarji u operattivi.

Fil‑5 ta’ Awwissu 2016, ir-Repubblika Taljana ppreżentat rikors għall-annullament ta’ dan l-avviż li permezz tiegħu hija sostniet b’mod partikolari li tali limitazzjoni kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni mhux iġġustifikata minħabba l-lingwa. Wara li ssospendiet il-proċedura sakemm tingħata s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑621/16 P) (2), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati tal-kompetizzjoni għal numru limitat ta’ lingwi, il-Qorti Ġenerali rrilevat li din il-limitazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, li bħala prinċipju hija pprojbita. Fil-fatt, tali limitazzjoni tista’ tiffavorixxi lill-kandidati li għandhom għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas waħda mit-tliet lingwi magħżula, għad-detriment tal-kandidati l-oħra. Madankollu, limitazzjonijiet għal din il-projbizzjoni ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa huma ammessi, bil-kundizzjoni li jkunu oġġettivament iġġustifikati u proporzjonati għall-ħtiġijiet reali tas-servizz.

B’hekk, matul proċedura ta’ selezzjoni tal-persunal, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwaw l-interess tas-servizz u n-natura partikolari tal-kompiti li għandhom jitwettqu li jistgħu jiġġustifikaw reklutaġġ ibbażat fuq għarfien fil-fond ta’ lingwa speċifika. Madankollu, hija l-istituzzjoni li tillimita s-sistema lingwistika ta’ proċedura ta’ selezzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi li tali limitazzjoni hija xierqa sabiex tindirizza l-ħtiġijiet reali relatati mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser ikunu mitluba jwettqu.

Fir-rigward tar-raġunijiet ibbażati fuq limitazzjonijiet baġitarji u operattivi u n-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn ma setgħux, fihom infushom, jiġġustifikaw il-limitazzjoni inkwistjoni, sa fejn dawn il-motivi ma jippermettux li jintwera għaliex din l-għażla għandha ssir biss fost it-tliet lingwi magħżula f’dan il-każ.

Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-neċessità li l-persuni rreklutati ġodda jkunu immedjatament operattivi, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, li ma kienx jidher possibbli li jiġi stabbilit, abbażi tad-deskrizzjoni biss tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż ikkontestat, kif kull waħda mit-tliet lingwi li għalihom kienet limitata l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni tippermetti lill-kandidati rreklutati li jkunu immedjatament operattivi. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma kinux tali li juru li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni kienet xierqa sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet reali tas-servizz.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qabel kollox irrilevat li l-provi dwar il-prassi interna tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri fil-qasam lingwistiku ma kinux jippermettu li jiġi ddeterminat liema huma l-lingwa jew il-lingwi użati mid-dipartimenti tagħhom fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

Sussegwentement, fir-rigward tal-provi dwar il-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni inkarigati mill-funzjonijiet ta’ awditjar u mill-Qorti tal-Awdituri, il-Qorti Ġenerali osservat, minn naħa, li dawn ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit liema huma l-lingwa jew il-lingwi funzjonali effettivament użati u, min-naħa l-oħra, li mill-analiżi tagħhom irriżulta li huwa biss għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż li jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jagħti vantaġġ lill-kandidati potenzjali tal-kompetizzjoni inkwistjoni.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-provi intiżi sabiex juru li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi barranin l-iktar studjati u mitkellma fl-Ewropa, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li dawn ma humiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-limitazzjoni inkwistjoni ma hijiex diskriminatorja.

B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tal-għażla, mill-kandidati, tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat la tirriżulta oġġettivament iġġustifikata u lanqas proporzjonata mal-għan ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi li jkunu immedjatament operattivi.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati tal-kompetizzjoni u l-EPSO, il-Qorti Ġenerali fakkret li, għalkemm id-dritt li yintgħażel, minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, il-lingwa li għandha tintuża fil-korrispondenza mal-istituzzjonijiet hija ta’ natura fundamentali, ma huwiex eskluż li l-interess tas-servizz jista’ jiġġustifika tali limitazzjoni. Madankollu, din il-limitazzjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivament verifikabbli, kemm mill-kandidati għall-kompetizzjoni kif ukoll mill-qrati tal-Unjoni.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-motivi bbażati fuq in-neċessità li tiġi żgurata komunikazzjoni rapida u effikaċi u li jsir paragun omoġenju tal-kandidati ma jistgħux jiġġustifikaw tali limitazzjoni fl-assenza ta’ elementi konkreti li jippermettu li jintwera li, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati u tal-ħtiġijiet reali tas-servizz, il-lingwi rikjesti għall-komunikazzjoni kienu jippermettu lill-kandidati li jkunu immedjatament operattivi.

B’hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-illegalitajiet ikkonstatati fir-rigward tas-sistema lingwistika prevista mill-avviż ikkontestat jaffettwaw il-proċedura ta’ selezzjoni fl-intier tagħha, li jimplikaw l-annullament tal-avviż kollu kemm hu. Madankollu, dan l-annullament ma jistax ikollu effett fuq l-eventwali reklutaġġ diġà mwettaq abbażi tal-listi ta’ riżerva stabbiliti fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni, fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li minnhom jibbenefikaw il-kandidati li diġà ġew offruti pożizzjoni.


1      Avviż ta’ kompetizzjoni miftuħa EPSO/AD/322/16, sabiex jiġu stabbiliti listi ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar (AD 5/AD 7) (ĠU 2016, C 171 A, p. 1)


2      Permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑621/16 P, EU:C:2019:251), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-annullament ta’ żewġ avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali, minħabba li l-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż, minn naħa, tal-għażla tat-tieni lingwa ta’ dawn il-kompetizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn l-EPSO u l-kandidati kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni mhux iġġustifikata minħabba l-lingwa

Top