Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0572

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Frar 2018.
    INEOS Köln GmbH vs Bundesrepublik Deutschland.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 10a – Deċiżjoni 2011/278/UE – Regoli tranżitorji li jikkonċernaw l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas – Perijodu 2013‑2020 – Talba għal allokazzjoni – Data żbaljata – Korrezzjoni – Terminu ta’ dekadenza.
    Kawża C-572/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawża C‑572/16

    INEOS Köln GmbH

    vs

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 10a – Deċiżjoni 2011/278/UE – Regoli tranżitorji li jikkonċernaw l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas – Perijodu 2013‑2020 – Talba għal allokazzjoni – Data żbaljata – Korrezzjoni – Terminu ta’ dekadenza”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat‑22 ta’ Frar 2018

    Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87 – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kull possibbiltà ta’ korrezzjoni jew ta’ kkompletar ta’ talba għal allokazzjoni wara l-iskadenza ta’ terminu ta; dekadenza – Ammissibbiltà – Kundizzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2003/87, Artikolu 10a; Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2011/278, Artikoli 7(8) u 8)

    L-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/29/KE tat‑23 ta’ April 2009, kif ukoll d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas‑27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għat-tressiq ta’ talba għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas fir-rigward tal-perijodu 2013‑2020, terminu ta’ dekadenza li meta jiskadi, l-applikant huwa mċaħħad minn kull possibbiltà li jikkoreġi jew jikkompleta t-talba tiegħu, peress li dan it-terminu ma huwiex ta’ natura li jrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli t-tressiq ta’ tali talba.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(8) tad-Deċiżjoni 2011/278 jippreċiża li, f’każ li data tkun nieqsa, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-operatur jiġġustifika kwalunkwe “lakuna” u jissostitwixxi d-“data parzjalment disponibbli” bi stimi konservattivi, mingħajr madankollu ma jistabbilixxi proċedura li tippermetti l-korrezzjoni jew li l-informazzjoni pprovduta tiġi kkompletata. Fl-istess sens, waqt li l-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jaċċettaw id-data li ma ġietx irrikonoxxuta bħala sodisfaċenti minn verifikatur, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix terminu jew proċedura li għandha l-għan li tikkoreġi data mhux sodisfaċenti.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw il-modalitajiet proċedurali dwar it-tressiq u l-eżami ta’ talba għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola dawn il-modalitajiet skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 29).

    F’dan ir-rigward, huwa minnu li, hekk kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 7(7) tad-Deċiżjoni 2011/278, moqri flimkien mal-premessa 15 ta’ dik id-deċiżjoni, għandhom jiżguraw li d-data miġbura mingħand l-operaturi u użata għall-fini tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas tkun sħiħa u konsistenti u tippreżenta l-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, E.ON Kraftwerke, C‑461/15, EU:C:2016:648, punti 2737).

    Madankollu, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-istess ifformular tal-Artikolu 7(7) u (8) tad-Deċiżjoni 2011/278, ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni li jaqa’ fuq l-Istati Membri jirrikjedi l-koperazzjoni tal-operaturi u, f’dan ir-rigward, jimponilhom ukoll l-osservanza ta’ diversi obbligi, fosthom, b’mod partikolari, dik li jipprovdu data komprensiva, konsistenti u l-iktar preċiża possibbli kif ukoll dik li tiġi żgurata d-diliġenza dovuta.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 93 u 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi rekwiżit ta’ preċiżjoni huwa responsabbiltà konġunta tal-operaturi u tal-Istati Membri u li, għaldaqstant, ma jistax jitqies, kuntrarjament għal dak li ssostni INEOS, li dawn l-operaturi jgawdu bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2011/278 minn kwalunkwe dritt għall-eżattezza tad-data pprovduta għall-finijiet tal-kalkolu tal-kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas li huma jistgħu jinvokaw fil-konfront tal-Istat Membru tagħhom. Minn dan isegwi li l-applikazzjoni effettiva ta’ din id-deċiżjoni bl-ebda mod ma tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex twarrab modalità proċedurali, bħat-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tippermetti lil operatur li jikkoreġi data żbaljata pprovduta minnu f’dan it-terminu.

    (ara l-punti 41, 42, 57, 60, 62, 68 u d-dispożittiv)

    Top