Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0553

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018.
    "TTL" EOOD vs Direktor na Direktsia "Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika" - Sofia.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Tassazzjoni tal-kumpanniji – Ħlasijiet imwettqa minn kumpannija residenti lil kumpanniji mhux residenti għall-kiri ta’ vaguni b’tank – Obbligu li tinġabar taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul irċevut minn sorsi nazzjonali ttrasferit lil kumpannija barranija – Nuqqas ta’ osservanza – Ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja – Ġbir ta’ interess moratorji mill-kumpannija resident minħabba nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa f’ras il-għajn – Interessi dovuti mill-iskadenza tat-terminu legali ta’ ħlas sal-jum fejn il-provi tal-applikabbiltà tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jiġu ssodisfatti – Interessi li jistgħu jiġu rkuprati.
    Kawża C-553/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawża C-553/16

    “TTL” EOOD

    vs

    Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia

    (talba għal deċiżjoni preliminari,
    imressqa mill-Varhoven administrativen sad)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Tassazzjoni tal-kumpanniji – Ħlasijiet imwettqa minn kumpannija residenti lil kumpanniji mhux residenti għall-kiri ta’ vaguni b’tank – Obbligu li tinġabar taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul irċevut minn sorsi nazzjonali ttrasferit lil kumpannija barranija – Nuqqas ta’ osservanza – Ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja – Ġbir ta’ interess moratorji mill-kumpannija resident minħabba nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa f’ras il-għajn – Interessi dovuti mill-iskadenza tat-terminu legali ta’ ħlas sal-jum fejn il-provi tal-applikabbiltà tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jiġu ssodisfatti – Interessi li jistgħu jiġu rkuprati”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba' Awla) tal‑25 ta’ Lulju 2018

    1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Talba għal interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni manifestament inapplikabbli fil-kawża prinċipali – Inapplikabbiltà tal-Artikoli 5(4) u 12(b) TUE fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali

      (Artukoli 5(4) u 12(b) TUE; Artikolu 267 TFUE)

    2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Ħlas ta’ dħul minn kumpannija residenti fi Stat Membru lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor – Ħlas suġġett għal taxxa f’ras il-għajn sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor fi ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja – Ftehim li jeżenta lill-kumpannija mhux residenti mill-ħlas ta’ kull taxxa fl-ewwel Stat Membru – Prova tardiva, mill-kumpannija mhux residenti, tal-kundizzjonijiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-eżenzjoni – Obbligu, għall-kumpannija residenti li ma tiġborx l-imsemmija taxxa f’ras il-għajn, li tħallas interessi moratorji li ma jistgħux jiġu rkuprati – Inammissibbiltà

      (Artikolu 56 TFUE)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 31-35)

    2.  L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha t-trasferiment ta’ dħul minn kumpannija residenti lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor huwa, bħala prinċipju, suġġett għal taxxa f’ras il-għajn, sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor fil-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn dawn iż-żewġ Stat Membri, jekk din il-leġiżlazzjoni timponi fuq il-kumpannija residenti li la tiġbor u lanqas ma tħallas din it-taxxa lill-awtorità fiskali tal-ewwel Stat Membru, il-ħlas ta’ interessi moratorji li ma jistgħux jiġu rkuprati għall-perijodu inkluż bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u d-data li fiha l-kumpannija mhux residenti tipprova li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja huma ssodisfatti, filwaqt li, konformement ma’ dan il-ftehim, il-kumpannija mhux residenti ma hija suġġetta għal ebda taxxa fl-ewwel Stat Membru jew meta l-ammont ta’ din it-taxxa jkun inqas minn dak normalment dovut taħt id-dritt fiskali tal-imsemmi Stat Membru.

      Fir-rigward tar-raġunijiet proposti sabiex jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u kif tfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-irkupru tat-taxxa kif ukoll dik li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, inkluż ta’ natura kriminali, tista’ titqies bħala neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-osservanza effettiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, madankollu bil-kundizzjoni li n-natura u l-ammont tas-sanzjoni imposta jkunu f’kull każ inkwistjoni proporzjonati mal-gravità tal-ksur li hija tixtieq tissanzjona (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International, C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni taħt il-forma ta’ interessi li ma jistgħux jiġu rkuprati, ikkalkolati fuq il-bażi tal-ammont tat-taxxa dovuta f’ras il-għajn skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u li jkunu akkumulaw għall-perijodu mid-data li fiha t-taxxa ssir eżiġibbli sad-data li fiha jiġu prodotti d-dokumenti li jipprovaw l-applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja lill-awtoritajiet fiskali, ma hijiex idonea li tiggarantixxi t-twettieq tal-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti fil-każ fejn ikun ġie stabbilit li t-taxxa ma hijiex dovuta skont il-ftehim rilevanti. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma teżistix rabta bejn l-ammont tal-interessi mitluba, minn naħa, u l-ammont tat-taxxa dovuta, li hija ineżistenti, jew il-gravità tad-dewmien fil-produzzjoni tal-imsemmija dokumenti lill-awtoritajiet fiskali, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, tali sanzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-imsemmija għanijiet, inkwantu l-ammont tal-interessi akkumulati jista’ jirriżulta li huwa eċċessiv meta mqabbel mal-ammont tat-taxxa dovuta u ladarba ma huwa previst ebda rimbors ta’ dawn l-interessi.

      (ara l-punti 57, 59, 60, 63 u d-dispożittiv)

    Top